Min Aħna

Id-Dar tal-Providenza twaqqfet minn Mons. Mikiel Azzopardi fl-1965 bil-għan li toffri servizzi residenzjali individwalizzat lil Persuni b’Diżabilità f’ambjent li jixbah il-familja u li jkabbar u jimmassimizza l-abbilitajiet tagħhom biex hekk huma jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà .

Illum, id-Dar tal-Providenza tiġbor fiha tliet residenzi: Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni u Villa Papa Luciani. Tiġbor fiha wkoll erbat idjar fil-komunità: ‘Żerniq’ fis-Siġġiewi, ‘Akkwarell’ fil-Qawra, ‘Dar Pirotta’ f’Birkirkara u ‘Shalom’ fiż-Żurrieq.

Bħalissa, fid-Dar jgħixu madwar mija u ħmistax-il persuna b’etajiet ta’ bejn l-erbatax u l-fuq mit-tmenin sena. Toffri wkoll servizz ta’ respite fuq bażi regolari lil familji ta’ persuni b’diżabilità, biex b’hekk il-membru tal-familja li għandu diżabilità ikun jista’ jibqa’ jgħix mal-familja tiegħu.

Komunità żgħira tas-Sorijiet ta’ Santa Giovanna Antida Thouret, magħrufa aħjar bħala s-Sorijiet tal-Karità, ilhom jgħixu u jagħtu s–servizzi tagħhom lid-Dar sa mill-1968 minn meta d-Dar laqgħet l-ewwel residenti.

Għal dawn l-aħħar snin, Id-Dar tal-Providenza kienet affiljata ma’ aġenzija barranija fi Glasgow, l-Iskozja, imsejjħa SPRED – Żvilupp Speċjali Reliġjuż li toffri għadd ta’ servizzi biex jgħinu persuni b’diżabilità intellettwali jintegraw f’komunitajiet ta’ talb fil-parroċċi permezz tal-proċess ta’ tagħlim fil-fidi.

Id-dar tal-Providenza hija wkoll affiljata mal-European Association of Service Providers for Persons with Disabilities li tirrappreżenta ‘l fuq minn 15,000 servizz ta’ sapport għall-persuni b’diżabilità mal-Ewropa kollha.

Id-Dar trid madwar erba’ miljun u nofs ewro fis-sena biex twettaq il-ħidma tagħha.

This post is also available in: English