Inawgurazzjoni tal-kamra multi sensorjali

Il-President ta’ Malta, l-E.T. Dott. George Abela u s-Sinjura Abela inawguraw Kamra Multi Sensorjali għall-użu tar-residenti tad-Dar tal-Providenza. Dr Abela qal li dan il-proġett għandu jkun turija ta’ sodisfazzjon għall-ġenerożita’ kbira tal-poplu Malti li jagħti flus lill-Malta Community Chest Fund li minn naħa tagħha għamlet dan il-proġett possibbli. Huwa żied jgħid li l-Community Chest Fund mhuwiex biss l-Istrina imma sensiela ta’ attivitajiet li jsiru matul is-sena kollha u li għalihom il-poplu Malti huwa kburi li jagħti sehmu għax jara proġetti bhal dan tad-Dar tal-Providenza isiru realta’. Id-Dar tal-Providenza minn naħa tagħha tgawdi wkoll mill-appoġġ u l-ġenerożita tal-poplu Malti u Għawdxi għax l-għan ewlieni tagħha huwa li dejjem tipprovdi servizz ta’ kwalita’ lir-residenti tagħha.

Dawn il-kmamar Multi Sensorjali huma żvilupp pjuttost riċenti li hu intiż li joħloq ambjent b’medja differenti, ddisinjati speċifikament biex jinkoraġġixxu persuni ta’ kull abilità jużaw u jesploraw is-sensi kollha tagħhom. Barra minn dan, dawn il-kmamar huma wkoll ta’ għajnuna kbira lill-persuni b’diżabilitàjiet severi, bħal ma huma l-maġġoranza tar-residenti tad-Dar, biex jiskopru aktar id-dinja ta’ madwarhom b’mod sigur u ta’ pjaċir, jitgħallmu jifhmu u jikkomunikaw b’mod aktar effettiv. F’dawn il-kmamar ir-residenti jkunu jistgħu jużaw is-sensi kollha: il-ħars permezz ta’ dwal ikkulurit, is-smigħ permezz ta’ mużika u ħsejjes oħra rilassanti, li jħossu permezz ta’ materjal differenti u x-xamm permezz ta’ rwejjaħ differenti. B’ħekk il-bżonnijiet individwali ta’ kull persuna jistgħu jiġi indirizzati ferm aħjar.

F’diskors ta’ merħba, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef qal li dan l-iżvilupp ġdid huwa kontinwazzjoni ta’ dak li beda mix-xejn Dun Mikiel Azzopardi tmienja w erbgħin sena ilu. Din il-Kamra Multi Sensjorjali turi l-impenn tad-Dar li tkompli tipprovdi servizzi ta’ kwalita’ lir-residenti tagħha. Permezz ta’ din il-Kamra Multi Sensorjali qed titfakkar ukoll il-memorja ta’ waħda mill-ewwel residenti tad-Dar, Anne Cilia La Corte li missierha s-Sur John Cilia La Corte kien it-tieni amministratur tad-Dar u li kienet ix-xewqa tiegħu qabel ma’ miet sentejn ilu li din il-kamra tfakkar il-memorja ta’ bintu li tant kien iħobb.

Fr Martin żied jgħid li proġett mgħammar b’dan it-tip ta’ apparat speċjalizzat jiswa l-flus imma grazzi għall-Malta Community Chest Fund li mill-ewwel laqgħu it-talba tagħna biex jgħinuna f’dan il-proġett seta’ jinxtara l-apparat kollha. Kien hemm spejjez oħra, tqegħid ta’ madum, żegħba, eċċetra. Dawn il-flus tħallsu grazzi għad-donazzjonijiet li l-poplu Malti kontinwament jagħti lid-Dar tal-Providenza l-aktar waqt il-festa ta’ Ġenerożità li tiġi organizzata minn Radju RTK u l-Maratona tal-Volleyball li ssir kull sena fl-ewwel weekend ta’ Lulju u donazzjonjiet oħra li l-pubbliku jagħti kontinwament.

Huwa rringrazzja lill-E.T. Dott George Abela u s-Sinjura Abela, lis-Sinjura Darleen Zerafa u l-membri kollha tal-Bord tal-Malta Community Chest Fund li għenu biex dan il-proġettt seta’ jkun possibili. Huwa feraħ lill-President għax-xogħol kbir u imprezzabbli li qed jagħmel b’risq ħaddieħor permezz tal-Malta Community Chest Fund. Fr Martin irringrazzja wkoll lill-E.T. Monsinjur Arċiqof li mill-ewwel approva dan il-proġett.

Preżenti wkoll għal din l-okkazjoni kien hemm, fost oħrajn, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita’ u Anzjanita’ Attiva, Dr Franco Mercieca, il-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar Djalogu Soċjali u Libertajiet Ċivili, l-Membru Parlamentari Claudette Buttigieg u s-Sur Joe Camilleri, Chairperson tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilita’.