Menu

Content

Breadcrumb

Jitfakkar it-tletin anniversarju mill-mewt ta’ Mons Mikiel Azzopardi, fundatur “tal-oasi ta' karità nisranija”

Membri tal-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM), residenti u ħbieb tad-Dar tal-Providenza ħadu sehem f'Celebrazzjoni Ewkaristika fil-kappella tad-Dar biex jitfakkar it-tletin anniversarju mill-mewt ta' Mons Mikiel Azzopardi, li waqqaf id-Dar fl-1965. Dun Mikiel, kif kien magħruf l-aktar, twieled fil-Belt Valletta fl-10 ta' Frar 1910 u miet fit-13 ta' Mejju 1987. Din l-inizjattiva tal-AKM bdiet tmien snin ilu u baqgħet issir kull sena.

F'messaġġ qasir minn Praga, fejn Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza qiegħed jieħu sehem f'laqgħa Ewropeja dwar il-pastorali mal-persuni nieqsa mis-smigħ, ħeġġeġ għal aktar talb biex il-Mulej ikompli jbierek din il-ħidma qaddisa tad-Dar kif ukoll biex il-kawża tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni ta' Mons Azzopardi timxi l-quddiem u jseħħ il-miraklu li jikkonferma l-qdusija ta' dan is-saċerdot benefattur kbir tas-socjetà Maltija. Fr Martin qal li
Malta u Ghawdex jibqgħu rikkonoxxenti lejn l-Azzjonai Kattolika Maltija li ħolqot kif kien iħobb jgħid Dun Mikiel din l-oasi ta' karità nisranija.

Iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika tmexxiet minn Fr Reuben Gauci, Assistent Ekkleżjastiku taż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK). Fl-omelija tiegħu, Fr Reuben qal li Dun Mikiel kien iħares lejn kull persuna b'imħabba kbira sew meta kien fil-qasam tal-edukazzjoni, imbagħad fl-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM) u fl-aħħar fid-Dar tal-Providenza.

Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, is-Sur Josef Debono, il-President tal-AKM iddeskriva id-Dar tal-Providenza bħala r-ruħ soċjali ta' pajjiżna. Wara, dawk preżenti inġabru għal ftit ħin ta' riflessjoni u talb madwar il-qabar ta' Mons Azzopardi.

Is-sena li ġejja, Id-Dar tal-Providenza se tkun qed tfakkar il-ħamsin sena minn meta fil-11 ta' Jannar 1968 il-Villa Mons Gonzi laqghet l-ewwel residenti kif ukoll il-ħamsin sena minn meta s-sorijiet tal-Karità bdew jaghtu s-servizz tagħhom lir-residenti tad-Dar.

Ikkuntatjana

Id-Dar tal-Providenza
Lapsi Road,
Is-Siġġiewi,
SGW 2822
MALTA
Tel No: (+356) 21464915
Fax: (+356) 21467925

Mailing List

Join our mailing list...

Log In or Register