Min Aħna
Id-Dar tal-Providenza twaqqfet minn Mons. Mikiel Azzopardi fl-1965 bil-għan li toffri servizzi residenzjali individwalizzat lil persuni b’diżabilità f’ambjent li jixbah il-familja u li jkabbar u jimmassimizza l-abbilitajiet tagħhom biex hekk huma jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà.
Illum, id-Dar tal-Providenza tiġbor fiha tliet residenzi: Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni u Villa Papa Luciani. Tiġbor fiha wkoll erbat idjar fil-komunità: Żerniq fis-Siġġiewi, Akkwarell fil-Qawra, Dar Pirotta f’Birkirkara u Shalom fiż-Żurrieq.
Bħalissa, fid-djar tad-Dar tal-Providenza jgħixu mija u ħmistax-il persuna adulta. Id-Dar toffri wkoll servizz ta’ respite fuq bażi regolari lill-familji ta’ persuni b’diżabilità, biex b’hekk il-membru tal-familja li għandu diżabilità jkun jista’ jibqa’ jgħix mal-familja tiegħu.
Uħud mir-residenti jqattgħu l-ġurnata tagħhom f’attivitajiet barra mid-Dar bħal Ċentri ta’ Matul il-Jum. Oħrajn għandhom impjieg jew jinvolvu ruħhom f’attivitajiet li jiġu organizzi fid-Dar stess jew fil-komunità.
Id-Dar tal-Providenza hija affiljata ma’ aġenzija barranija fi Glasgow, l-Iskozja, imsejħa SPRED – Żvilupp Speċjali Reliġjuż li toffri għadd ta’ servizzi biex jgħinu persuni b’diżabilità intellettwali jintegraw f’komunitajiet ta’ talb fil-parroċċi permezz tal-proċess ta’ tagħlim fil-fidi.
Id-Dar tal-Providenza hija wkoll affiljata mal-European Association of Service Providers for Persons with Disabilities li tirrappreżenta ‘l fuq minn 15,000 servizz ta’ sapport għall-persuni b’diżabilità mal-Ewropa kollha.
Id-Dar trid madwar sitt miljun u nofs ewro fis-sena biex twettaq il-ħidma tagħha.
This post is also available in: English