Skema ta’ 25c ta’ Ewro – Inizjattiva dwar ir-Responsabbilità Soċjali

Għal ħamsa u ħamsin sena, Id-Dar tal-Providenza tipprovdi residenza permanenti u servizzi ta’ respite lill-persuni b’diżabilità.Illum id-Dar tiġbor fiha tliet residenzi fis-Siġġiewi: Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni u Villa Papa Luciani kif ukoll ħamest idjar fil-komunità: ‘Żerniq’ fis-Siġġiewi, ‘Akkwarell’ fil-Qawra, ‘Dar Pirotta’ f’Birkirkara, ‘Shalom’ fiż-Żurrieq u dar oħra fil-Balluta . Biex tagħti dan is-servizz l-ispiża hi waħda konsiderevoli – fil-preżent tlaħħaq madwar €10,000 kuljum.

Matul is-snin, id-Dar tal-Providenza rnexxielha tlaħħaq ma’ dawn l-ispejjeż grazzi għall-Providenza Divina u l-ħafna ħbieb u benefatturi f’Malta u barra minn Malta.

Wieħed mill-modi kif nistgħu niġbru l-fondi hu billi ninkoraġġixxu l-impjegati jwiegħdu li jagħtu 25 ċenteżmu ta’ Ewro (€0.25) fil-ġimgħa mill-paga tagħhom lid-Dar. Dan l-ammont żgħir jitnaqqas mill-paga tagħhom imbagħad il-kumpanija tgħaddieh fil-kont bankarju tad-Dar. Mill-esperjenza li kellna, din l-inizjattiva titlob ftit li xejn xogħol amministrattiv u ċerti li l-maġġoranza tal-impjegati ma jsibu l-ebda oġġezzjoni li jidħlu fiha.

Għalhekk qed nitolbu s-sapport tagħkom biex tidħlu f’din l-iskema u tħeġġu l-ħaddiema tagħkom jipparteċipaw fiha.

Kumpaniji interessati jistgħu jiksbu, jekk iridu, aktar informazzjoni dwar din l-iskema permezz ta imejl fuq info@dartalprovidenza.org.

Impjegati li jixtiequ jidħlu f’din l-iskema għandhom jikkunttajaw l-HR Manager tal kumpanija tagħhom. Jekk il-kumpanija tagħhom mhix diġà parti minn din l-iskema huma għandhom jinkoraġġixxu lil min iħaddimhom biex jagħmel dan.

This post is also available in: English