Stqarrija tad-Dar tal-Providenza
Wara li CATCO Group wegħdu s-somma ta’ €500,000 għad-Dar tal-Providenza, id-Dar formalment talbet kumpanija lokali stabilità ta’ awditjar u konsulenza biex tagħmel eżerċizzju ta’ verifika. Id-Dar tal-Providenza kienet infurmata minn din il-kumpanija li ċ-ċermen tal-Grupp ma pprovdiex l-informazzjoni relevanti mitluba minnu bħala parti mill-proċess ta’ verifika. Għaldaqstant id-Dar tal-Providenza filwaqt li tapprezza dan il-ġest sabiħ, mhix f’pożizzjoni li tirċievi din id-donazzjoni. Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta kien infurmat b’dan l-iżvilupp.
Għalhekk is-somma finali miġbura waqt il-Festa ta’ Ġenerożità li saret nhar l-1 ta’ Jannar 2021 kienet dik ta’ €2,031,540.
Id-Dar tal-Providenza tibqa’ impenjata li tipprovdi l-aqwa servizz possibbli biex tappoġġja lir-residenti ħalli jgħixu ħajjithom bid-dinjità li tixirqilhom.
Nieħdu din l-opportunità biex nirringrazzjaw lil dawk kollha li permezz tad-donazzjonjiet u l-isforzi tagħhom issapportjaw lid-Dar tal-Providenza fil-ħidma tagħha.
This post is also available in: English