Id-Dar tal-Providenza, li hija mibnija fuq il-fidi fil-Providenza Divina, tiddependi, fil-parti l-kbira, fuq il-ġenerożità tal-benefatturi tagħha u fuq id-donazzjonijiet li tirċievi mill-pubbliku biex tassew tkun tista’ taqdi l-missjoni tagħha. Id-Dar tal-Providenza hija grata għad-donazzjonijiet li tirċievi mingħand benefatturi minn Malta u mid-dinja kollha. Donazzjonijiet jaslu bil-posta jew jingħataw direttament fil-front desk tagħna fir-Reception, isiru wkoll f’għamla ta’ wirtijiet u legati kif ukoll mill-avviżi ta’ mwiet li jidhru fil-gazzetti u jinstemgħu fuq l-istazzjonijiet tar-radju lokali fejn jitolbu li jingħataw flus lid-Dar tal-Providenza minflok li jintbagħtu fjuri. Kultant jaslu donazzjonijiet għal servizzi speċjali u għal talb għall-morda jew mejtin, koppji li għadhom kif iżżewġu u twelid ta’ trabi.

Il-Kontijiet tad-Dar tal-Providenza huma awditjati kull sena minn kumpanija li tagħmel Public Audit u r-Rendikonti Finanzjarji jintbagħtu lill-Kurja tal-Arċisqof fejn eventwalment jiġu ppubblikati bħala parti mill-Kontijiet aggregati tal-Arċidjoċesi.