Inawgurata il-BOV Marigold Volleyball Marathon

Il-ħdax-il edizzjoni tal-BOV Marigold Volleyball Marathon ta’ 53 siegha b’risq Id-Dar tal-Providenza giet inawgurata uffiċċjalment illejla mill-E.T. Dr George Vella, President ta’ Malta li ingħata merħba mid-Direttur tad-Dar, Fr Martin Micallef. Jilqgħuh ma’ Fr Martin kien hemm Ms Elvia George, Chief Finance Officer tal-Bank of Valletta u membru tal-Bord tal-Fondazzjoni Marigold – BOV in the Community u s-Sur Emanuel Zammit, Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv tal-Maratona. Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm l-Onor. Anthony Agius Decelis, Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Dr Clifton Grima, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Organizzazzjonijiet Volontarji; Dr Maria Deguara, Shadow Minister għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, is-Sur Oliver Scicluna Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u s-Sur Kurtsein Sant, Sindku tas-Siġġiewi.

F’diskors qasir, Fr Martin qal li din il-Maratona tistrieħ fuq żewġ pilastri li huma ħafna għal qalb it-tmexxija tad-Dar – ġenerożità u sport. L-ispirtu altruwistiku ta’ dawk kollha li jieħdu sehem jispikka tul din l-attività. Xhieda li l-Maltin huma dejjem minn ta’ quddiem fejn tidħol is-solidarjetà. Waqt li irringrazzja lil kulħadd għall-appoġġ ta’ din l-attività, huwa saħaq li l-ġenerożità għandha wkoll tirrifletti ruħha fir-rispett għad-dinjità u d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Fr Martin żied jgħid li jħossu dejjem umiljat mill-appoġġ li l-pubbliku jagħti sena wara sena u assigura li l-appogg ta’ kulħadd f’din il-Maratona se jkompli jgħin biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Huwa rringrazzja lill-E.T. Dr George Vella, President ta’ Malta li inawgura l-Maratona, il-Marigold Foundation BOV in the Community u s-Sinjura Michelle Muscat għall-appoġġ tagħha ta’ din l-attività annwali, il-kumitat organizzattiv, il-plejers, il-voluntiera u l-isponsors.

Elvia George ingħaqdet ma’ dak li qal Fr Martin u qalet li l-Fondazzjoni Marigold ilha taħdem mill-qrib mad-Dar tal-Providenza minn mindu twaqqfet biex tkompli l-appoġġ li qabel kien jingħata mill-BOV. Is-servizz eċċellenti li d-Dar tipprovdi, mhux biss lir-residenti imma wkoll lil dawk li jużaw is-servizz ta’ respite, jitlob għal investiment kontinwu. Dan huwa meħtieġ mhux biss biex tipprovdi s-servizzi meħtieġa jum wara l-ieħor imma wkoll biex ittejjeb il-faċilitajiet li jeżistu u tinvesti f’oħrajn ġodda. Matul dawn l-aħħar ħamsin sena, din id-Dar baqgħet imwaħħda mal-valuri tal-Fundatur u tipprovdi tassew ambjent ta’ familja lil dawk li jfittxu l-appoġġ tagħha. Hija temmet tgħid li Id-Dar tal-Providenza hija ħaġa waħda mal-għanijiet tal-Marigold Foundation – BOV in the Community biex dejjem intejbu l-komunità tagħna.

L-E.T. Dr George Vella esprima s-sodisfazzjon tiegħu dwar kif in-nazzjon Malti jingħaqad ħaġa waħda biex jappoġġja lid-Dar tal-Providenza, matul is-sena kollha imma partikolarment f’din l-attività annwali. Huwa irringrazzja il-mijiet ta’ voluntieri li jiddedikaw il-ħin u l-enerġija tagħhom biex jorganizzaw din il-Maratona. Huwa appella wkoll biex kulħadd ikun solidali mall-persuni b’diżabilità u jtejjbu il-kwalità tal-ħajja tagħhom kemm b’ħinhom kif ukoll bid-donazzjonijiet li jagħmlu.

Il-Maratona tibqa’ sejra sal-Ħadd 7 ta’ Lulju fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Minbarra l-appoġġ li jkunu qed jagħtu lill-plejers tal-volleyball, min jasal wasla sad-Dar ikun jista’ wkoll igawdi mill-varjetà pprovduta minn uħud mill-aħjar kantanti Maltin, il-baned tal-Forzi Armati ta’ Malta u tal-Pulizija, Mro Brown u Spiteri Lucas. Ikun hemm ukoll ikel varju u logħob għat-tfal. Il-Maratona tixxandar diretta fuq l-istazzjonijiet tat-televizzjoni TVM, TVM2, NET TV u One TV.

Donazzjonijiet lid-Dar tal-Providenza jistgħu isiru billi wieħed iċempel fuq 51902070 għal donazzjoni ta’ €50 u 51802013 għal donazzjoni ta’ €25. Donazzjoni ta’ €6.99 tista’ ssir permezz ta’ SMS fuq 50618944. Subscribers tal-BOV Mobile Pay jistgħu jagħmlu d-donazzjoni tagħhom fuq 79324834. Hemm ukoll linja biex wieħed jagħmel pleġġ fuq 2146 3686.