It-Tim Maniġerjali

It-Tim Maniġerjali jieħu ħsieb it-tmexxija ta’ kuljum tad-Dar. Il-membri li jservu f’dan it-tim huma:

• Dun Martin Micallef, Direttur
• Ms Nadine Camilleri Cassano, Amministratur
• Ms Remona Cuschieri, Ko-ordinatriċi tas-Servizzi
• Dun Trevor Fairclough, Direttur Spiritwali
• Mrs Margaret Vella, Fiżjoterapista

In-Nunzju Appostoliku ġdid għal-Malta iżur id-Dar tal-Providenza.

In-Nunzju Appostoliku ġdid għal-Malta, l-E.T. Mons Alessandro D’Errico għamel l-ewwel żjara uffiċċjali tiegħu fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Huwa kien milqugħ mid-Direttur tad-Dar, Fr Martin u Micallef u ltaqa’ mar-residenti u l-carers tagħhom. Huwa sab ħin biex iżur il-kappella u l-mużew u l-qabar ta’ Dun Mikiel kif ukoll jara b’għajnejh il-faċilitajiet u l-ħidma li ssir fil-pixxina terapewtika u fiċ-Ċentru Agrikolu San Isidor.

Read more

Thanks

Thanks for you donation.

Dar tal-Providenza 360°

Akkwarell

Akkwarell fil-Qawra hi dar oħra fil-komunità mmexxija mid-Dar tal-Providenza. Fiha hemm jgħixu tliet persuni b’diżabilità fiżika bis-sapport li għandhom bżonn. Fiha hemm dak kollu li dawn il-persuni għandhom bżonn wara konsultazzjoni sħiħa mar-residenti l-ġodda. Akkwarell, isem magħżul mir-residenti stess, ġiet inawgurata u mbierka mill-Eċċ Tiegħu Mons. Pawl Cremona O.P. nhar il-Ħamis 22 ta’ Novembru 2012.

Villa Mons Gonzi

Mons. Azzopardi bena l-ewwel residenza għall-persuni b’diżabilità f’Malta fuq l-art li sal-1962 kien hemm ir-rest camp tan-navy fil-limiti tas-Siġġiewi u li aktar tard inkriet mill-Gvern ta’ Malta lill-Moviment tal-Azzjoni Kattolika. Ir-residenza, li bdiet tinbena f’Diċembru tal-1965, issemmiet Villa Monsinjur Gonzi, l-Arċisqof ta’ Malta ta’ dak iż-żmien li ta s-somma ta’ Lm3000 (madwar €7000) u li hu kien qala’ fl-okkażjoni tat-80 sena tiegħu.

Il-bini jinkludi kunvent għas-sorijiet tal-kongregazzjoni ta’ Santa Ġiovanna Antida Thouret li marru joqogħdu fih fit-12 ta’ Jannar 1968. Huma kienu l-ewwel support workers tad-Dar tal-Providenza mgħejuna mill-volontiera u aktar tard minn ħaddiema lajċi. Is-sorijiet baqgħu jagħtu s-servizz tagħhom full-time sal-lum.

Fi Frar 1968 Villa Monsinjur Gonzi fetħet il-bibien tagħha biex tilqa’ l-ewwel grupp ta’ residenti tad-Dar tal-Providenza.

Fit-tmeninijiet din ir-residenza twaqqgħet u reġgħet inbniet kif narawha llum. Fiha hemm tliet flettijiet: San Ġużepp, Jasmine u San Nikola. Mill-2013 hemm ukoll kamra multisensorjali.

Villa Papa Giovanni

Fl-1971 beda x-xogħol fuq il-bini tat-tieni Villa biex tilqa’ fiha ħamsin resident ieħor. Din id-dar, li ssemmiet Villa Papa Ġiovanni, kienet inawgurata mill-Eċċ. Tiegħu Mons. Mikiel Gonzi, Arċisqof ta’ Malta fid-19 ta’ Marzu 1974. Fiha kien hemm kappella, pool terapewtika, gym, kmamar għall-attivitajiet u uffiċini amministrattivi. Il-bini kien iddisinjat mill-Perit Arthur Cutugno. Illum fiha erba’ flettijiet separati: Anġlu Kustodju, Warda, Sant’Antnin u Livia. Sfortunatament il-pool terapewtika m’għadhiex tiffunzjona għalkemm l-amministrazzjoni preżenti qed taħdem biex terġa’ tibniha.

Fl-2002, fuq in-naħa tax-xellug tal-kapella, ġie inawgurat mill-Eċċ. Tiegħu Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof ta’ Malta, mużew biex ifakkar lill-Mons. Azzopardi.
Il-kappella kienet rinovata fl-2005 taħt is-superviżjoni tal-Perit Dott. Conrad Thake. Il-ħġieg antik tat-twieqi inbidlu fi stained glass iddisinjati mill-artist Luciano Micallef waqt li l-kurċifiss ta’ din il-kapella hu xogħol tal-iskultur Anton Agius. Fl-2012 il-ħġieġ tat-twieqi tal-bibien tal-kappella inbidlu f’erba’ fused glass xogħol kollu kemm hu tal-artist Luciano Micallef.

Villa Papa Luciani

Villa Papa Luciani kienet inawgurata fit-8 ta’ Settembru 1987, erba’ xhur biss wara l-mewt tal-fundatur, Mons. Azzopardi. Issemmiet għall-mibki Papa Ġwann Pawlu I magħruf ukoll bħala Papa Luciani jew il-Papa tat-Tbissima. Fiha hemm żewġ flettijiet separati: San Martin u San Ġorġ Preca.

Il-Ħabib ta’ Kulħadd

Meta d-Direttur tad-Dar tal-Providenza Dun Martin Micallef talabni nipprepara artiklu dwar żijuhi llum mejjet, Mons. Mikiel Azzopardi, jiena aċċettajt mill-ewwel. Ir-residenza tiegħu fil-Floriana fit-tfuliti u f’żgħożiti għalija kienet it-tieni dar tiegħi. Dejjem ħassejtni milqugħ f’kull ħin kemm jien kif ukoll ħuti l-bniet. Iz-ziju kien joqgħod hemm m’ommu, ħuh u oħtu. Oħtu oħra kienet soru Dumnikana li qattgħet ħafna snin tgħix f’kunvent f’Ruma u aktar tard irritornat Malta u kompliet il-vokazzjoni tagħha f’Casa San Pietro, Ħal Lija.

Dun Mikiel, kif kien magħruf minn kulħadd, kien joħroġ mill-kamra tiegħu hekk kif kien jismagħna deħlin ferħanin id-dar tiegħu. Niftakru wieqaf twil ħdejja u jiena stajt nikkalkula kemm kont twil mqabbel ma’ qaddu. Ta’ tifel li kont, kont ngħaddi sigħat twal fil-kamra tiegħu ngħinu.

Fl-Università, Dun Mikiel studja l-Liġi. Hu kellu ħsieb li jsir avukat. Imma l-vokazzjoni reliġjuża tiegħu ħaditu triq oħra u biddel il-kors għal dak tas-saċerdozju. Hu kien ħabib tal-qalb ta’ Sir Anthony Mamo li, waqt li kien qed jistudja biex isir qassis, biddel il-kors u beda jistudja l-liġi.

Meta spiċċajt l-iskola primarja jien xtaqt ħafna li nidħol il-Kulleġġ ta’ San Alwiġi f’B’Kara. Dan wassalni biex nieħu deċiżjoni importanti fil-ħajja edukattiva tiegħi. Hekk kif spiċċajt l-edukazzjoni sekondarja jiena kont deċiż: ridt insir avukat biex nilħaq dak li zijuwi xtaq isir. Naturalment, Dun Mikiel kien ferħan bid-deċiżjoni tiegħi li jiena nistudja l-liġi.

Meta bdejt nattendi l-Junior College, fil-Belt Valletta, kont immur id-dar tagħhom tista’ tgħid kuljum f’nofsinhar. Hemmhekk kont niekol regolarment ma’ zijuwi. Hu kien jiekol bil-qies, għall-kuntrarju taż-żagħżugħ neputih li kien ikun bil-qiegħda ħdejh. F’dak iż-żmien id-djar residenzjali għall-persuni b’diżabilità fis-Siġġiewi kienu għadhom qed jinbnew. Dun Mikiel, tista’ tgħid kuljum, kien jattendi okkażjonijiet soċjali biex ikun ippreżentat b’donazzjoniet. Kont verament nippressjona ruħi narah joħroġ envelopp wieħed wara l-ieħor mill-bwiet ta’ ġewwa u ta’ barra tal-ġlekk tiegħu li kien ikun fihom somom ta’ flus kbar u żgħar li n-nies ta’ kull klassi kienu jagħtuh għal dan il-proġett. ‘Il-Providenza Divina taħdem!’ kien jgħidilna Dun Mikiel.

Xi kultant konna niltaqgħu mas-sinjorina li tilfet il-vaganza tagħha barra minn Malta biex tagħti donazzjoni ta’ Lm100. Kienet l-ewwel donazzjoni. Zijuwi beda jibni d-Dar tal-Providenza b’din l-Lm100. Hu kellu fidi profonda fil-Providenza Divina. Nimmaġina li kull ġebla tad-Dar tal-Providenza joħroġ minnha s-saġrifiċċji tan-nies. Hu kien jiġbor somom kbar meta kien jagħmel żjajjar barra minn Malta. Hu feraħ ħafna meta l-Komunità Kattolika tal-belt Ġermaniża ta’ Essen tatu l-ewwel vann għad-djar residenzjali.

Meta rtira mix-xogħol kemm missieri Vincent illum mejjet kif ukoll ħuhom, Carmelo, illum mejjet ukoll, kienu jmorru regolarment id-Dar tal-Providenza biex jassisstuh. Huma kienu jagħmlu xogħol amministrattiv li kien iqabbadhom.

Meta Villa Monsinjur Gonzi kienet lesta, aktarx li sabha diffiċli mhux ħażin biex jipperswadi lil ċerti ġenituri, li kienu mdorrija jżommu lil uliedhom b’diżabilità moħbija ‘l bogħod minn għajnejn in-nies b’postijiet segregati, biex huma jagħtu lit-tifel jew tifla tagħhom biex imorru joqogħdu f’din id-dar residenzjali ġdida. Hawn hu fejn hu kien jeċċella. Hu ġab id-dinjità lil dawn il-kreaturi prezzjużi t’Alla, li skont il-lingwaġġ li kien jintuża dak iż-żmien, hu kien issejħilhom ‘anġli żgħar’, u hekk jassigura li s-soċjetà Maltija tqis lil dawn il-persuni bħala komponent sinifikanti u ta’ valur għal din is-soċjetà. Hu kien qed japplika l-prinċipju tad-Diversità ħafna qabel kien magħruf bħala tali. Hu kien qed jagħmel kruċjata silenzjuża favur id-Drittijiet Umani tal-Persuni b’Diżabilità ħafna qabel xi Gvern jew xi organizzazzjoni mhux governattiva twaqqfet biex tiġġieled favur id-drittijiet umani tagħhom. Xi ħin matul dan il-vjaġġ biex jassigura għajxien dinjituż u deċenti għal dawn il-persuni, hu wera x-xewqa li l-kliem ‘Dun Mikiel Azzopardi – Il-Ħabib tat-Tfal u tal-Morda’ tinkiteb fuq il-qabar tiegħu.

Xi snin wara l-mewt tiegħu, marti Isabelle u jiena nzertajna qegħdin Lucern, l-Iżvizzera u l-ħsieb li l-mibki zijuwi vvjaġġa u qagħad f’dan il-post beda l-ħin kollu ġej f’moħħi. Għidt lil marti dwar dan diversi drabi, imma ma stajniex niftakru l-post eżatt li hu kien isemmi. Kumbinazzjoni konna fiċ-Ċentru ta’ Lucern aktar tard dik il-ġurnata. F’daqqa waħda soru ġiet fuqna u qaltilna li semgħetna nitkellmu bil-Malti. Qaltilna ukoll li hi Maltija u ferħet li ltagħqet magħna. Waqt li konna qed nitkellmu semmejtilha li l-mibki zijuwi kien Dun Mikiel, li kien żar Lucern diversi drabi. Hi qabżet u qalet: ‘Dun Mikiel kien joqgħod fil-kunvent tagħna f’Einsiedeln!’ Dan il-kliem ħalliena bla kliem!

Zijuwi kien jemmen li l-mirakli kienu jsiru regolarment f’Dar tal-Providenza. F’okkażjoni partikulari, hu ma kellux flus biex iħallas is-salarji tal-impjegati. Dakinhar stess, hu rċieva s-somma ta’ Lm12,000 – is-somma eżatta li kellu bżonn biex iħallas il-paġi.

Fl-imgħoddi l-iskarsezza tal-ħaxix ma kinetx xi ħaġa rari. Madanakollu t-tfal u aktar tard l-adulti tad-Dar tal-Providenza qatt ma tħallew neqsin. Dun Mikiel kien jgħidilna li meta kien ikun hemm xi skarezza ta’ ikel partikulari, il-Providenza Divina tibda ‘taħdem’ mill-ġdid. Bdiewa mill-viċin u mill-bogħod kienu jagħtu l-aħjar prodotti tagħhom lid-Dar.

Kellu ħila speċjali kif iġib ruħu mal-persuni li jgħixu fid-Dar. Ħafna nies huma xiehda tal-affezzjoni u l-attitudni pożittiva li hu kellu lejn kull wieħed u waħda minnhom. Fil-fatt huma kienu jsejħulu ‘papa’. Il-mibki Dott. Jimmy Farrugia, li kien l-ewwel tabib tad-djar residenzjali, kien ħabib intimu ta’ Dun Mikiel.

Il-ktieb miktub minn Patri Alexander Bonnici OFM Conv fih narrativa sabiħa tal-ħajja ta’ Dun Mikiel, li hi ħaġa waħda mal-ħajja tad-Dar tal-Providenza. It-tnejn huma marbutin ma’ xulxin. Hu ddedika ħafna minn ħajtu għal din il-kawża monumentali.

X’uħud jiftakruh bħala d-Direttur Spiritwali fl-iskejjel tal-Gvern. Oħrajn jiftakruh fil-Moviment tal-Azzjoni Kattolika waqt li oħrajn jiftakruh ixandar ‘Is-Siegħa tal-Morda’. Il-kliem tiegħu kienu balzmu li jserraħ lill-persuni morda. Il-programm tiegħu ‘Eżerċizzi Spiritwali għall-Morda’ kien programm ieħor popolari ħafna f’dak iż-żmien. Il-programm tiegħu aktar riċenti ‘Ftit Togħma Tajba’ wasal għand firxa aktar wiesgħa ta’ nies minn kull strada tas-soċjetà. Hekk, is-slogan li Dun Mikiel kien ‘Il-Ħabib ta’ Kulħadd’ verament kien jixraqlu.

L-ewwel ħjiel tal-possibilità li jinfetaħ il-proċess għall-kanonizzazzjoni ta’ Dun Mikiel wasal propju mill-fomm tal-Arċisqof tagħna fis-26 ta’ Jannar 2010.

Darba, persuna fetħet qalbha miegħi u qatli li hi kienet qed titlef kull tama fil-ħajja. Dun Mikiel urieha raġel iżomm ma’ par krozzi u qalilha: ‘Ara dak ir-raġel. Dak hu lezzjoni għalik. Ara kemm jimxi jgħaġġel iżomm ma’ dawk iż-żewġ krozzi. Għalik iż-żewġ krozzi tiegħek għandhom ikunu it-tama f’Alla u l-kuraġġ f’qalbek.’ Għad irrid nifhmu verament il-profondità tas-servizz ta’ Dun Mikiel lejn Alla u l-imħabba tiegħu lejn il-poplu kollu.

Hu kien iħobb ħafna lill-Madonna. Hu semmieha kemm-il darba fuq is-sodda tal-mewt tiegħu. Il-mara tiegħi u jiena żornieh kemm-il darba f’dak il-perjodu u ommi baqgħet miegħu tassisstih sal-aħħar flimkien mas-sorijiet. Għalkemm muġugħ ħafna, hu kien iħeġġiġna biex nitolbu lil Ommna Marija billi ngħidu r-Rużarju Mqaddes miegħu.

Dun Mikiel darba ddeskrivilna l-‘miraklu’ li kien ġara fit-13 ta’ Mejju 1941 meta bomba laqtet it-Tabernaklu li kien hemm fil-kapella tal-iskola Primarja ta’ Ħal Qormi. Dakinhar kulħadd salva minkejja li l-post kien mimli nies. Il-post ġie evakwat meta daqqet il-qanpiena. Imma ħadd ma kien jaf minn daqq il-qanpiena. Hu kiteb dwar dan fil-Leħen is-Sewwa. L-aktar li immpressjonatni fin-narrazzjoni ta’ zijuwi ta’ dan l-avveniment li ma jintesew qatt tat-13 ta’ Mejju 1941, hi d-deskrizzjoni ħajja tal-Ostji Sagri mxerrda qalb it-trab u tifrik li kien hemm. Hu qal li d-dehra tal-kappella f’dak l-istat delapitat u l-Ewkaristija Mqaddsa mxerrda qalb it-trab u t-tifrik ġegħlitu jibki. Dun Mikiel spiss kien jgħidli li l-‘unika’ vittma ta’ dak il-bombardament kien Ġesύ fit-Tabernaklu. Ġesύ verament kien preżenti fil-Ewkaristija Mqaddsa. Hu dderieġa l-bomba lejh biex isalva lill-oħrajn. Ħadd ma seta’ jifhem kif bomba li waqgħet dritt fuq dak il-bini ma ħalliet l-ebda mwiet, waqt li mijiet ta’ Ostji Kkonsagrati nxterrdu u tfarrku fit-tifrik. Dan l-episodju f’ħajtu jiddiskrivih fl-artiklu “A miracle, a witness and an act of faith” li kien ippubblikat f'”The Sunday Times” tal-20 ta’ Mejju 2001.

Jiena nibqa’ niftakar lil zijuwi għall-imħabba kbira li kellu għal kull persuna imma l-aktar għall-persuni b’diżabilità. Id-Dar tal-Providenza hi monument ħaj tal-imħabba tiegħu. Hu miet fit-13 ta’ Mejju 1987, l-anniversarju tal-ewwel dehra tal-Madonna ta’ Fatima u wkoll l-anniversarju tal-miraklu li ġara f’Ħal Qormi. Jiena qrajt l-Epistola fil-Quddiesa tal-funeral tiegħu u dakinhar bqajt impressjonat bl-imħabba li n-nies urew lejh. Dan kien biss il-bidu.

DR. TONIO AZZOPARDI LL.D.
(Dr Tonio Azzopardi hu n-neputi ta’ Mons. Azzopardi)

Il-Mużew f’Ġieħ Mons. Mikiel Azzopardi

Il-Mużew Mons. Mikiel Azzopardi ġie inawgurat mill-Ecc. Tiegħu Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof ta’ Malta fl-okkażjoni tal-ħmistax-il anniversarju mill-mewt ta’ Mons. Mikiel Azzopardi, fundatur tad-Dar tal-Providenza. F’dan il-Mużew, li jinsab ħdejn il-kapella tad-Dar, wieħed jista’ jara ritratti mill-ħajja ta’ Mons. Azzopardi, dokumenti personali u affarijiet oħra tiegħu bħalma huma l-ilbies ekkleżjastiku tiegħu. Hemm ukoll kappella żgħira b’artal żgħir tal-injam li fuqu Mons. Azzopardi kien iqaddes fil-kamra tiegħu qabel miet. Hemm ukoll esebita stola li kienet ta’ San Ġwanni XXIII.