€687,795 miġbura waqt il-Maratona tal-Volleyball b’risq Id-Dar tal-Providenza

€687,795 inġabru waqt il-ħdax-il edizzjoni tal-Maratona ta’ Volleyball b’risq Id-Dar tal-Providenza li saret bejn il-Ġimgħa 5 u l-Ħadd 7 ta’ Lulju 2019 fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi. Din is-somma tinkludi €378,226 li nġabru waqt l-edizzjoni speċjali tal-programm Xarabank tat-28 ta’ Ġunju fuq TVM.

Erbgħin plejer rġiel u nisa, coaches, referees, score keepers, tobba, fiżjoterapisti u infermiera sfidaw is-sħana li ippersistiet u għal tlieta u ħamsin siegħa sħaħ intlagħab il-Volleyball biex jinġabru l-fondi li d-Dar tant għandha bżonn. Il-Maratona kienet inawgurata uffiċċjalment nhar il-Ġimgħa mill-E.T. Il-President ta’ Malta, Dr George Vella. Żaru wkoll il-Maratona il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat u s-Sinjura Michelle Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Adrian Delia, Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna, l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea Curmi, Ministri, Segretarji Parlamentari, deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra u membri Maltin tal-Parlament Ewropew. Kollha qattgħu ħin jirrispondu wkoll it-telefonati mill-membri tal-pubbliku li kienu qed iċemplu biex jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, irringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi għall-ġenerożità li wera f’din il-Maratona u wiegħed li din il-ġenerożità se tissarraf f’aktar ħidma għall-persuni residenti fid-Dar.

Il-Maratona tal-Volleyball ixxandret b’mod dirett f’diversi ħinijiet fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni TVM, TVM2, ONE TV u NET TV.

F’isem Id-Dar tal-Providenza, GRAZZI