Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja ta’ Fr Lino Cardona SJ

Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja għażiża ta’ Fr Lino Cardona SJ li llum ingħaqad mal-Mulej fis-sema fl-età ta’ 76 sena.

Fr Lino ilu jagħti servizz lid-Dar tal-Providenza sa mis-sajf tal-1975 meta darba Dun Mikiel Azzopardi, l-fundatur tad-Dar, talbu joqgħod ftit minfloku biex jieħu btala barra minn Malta fix-xahar ta’ Awwissu. Minn dak iż-żmien sa llum baqa’ jiġi d-Dar tal-Providenza jqaddes kull nhar ta’ Erbgħa u kull nhar ta’ Ħadd u jgħin fejn ikun hemm bżonn. Fis-2011, kien irċieva l-Premju Dun Mikiel mid-Dar tal-Providenza bħala rikonoxximent għall-ħidma volontarja tiegħu fid-Dar. Huwa kien qrib ħafna Dun Mikiel Azzopardi fl-aħħar żmien ta’ ħajtu u kellu sehem attiv fil-preparamenti għall-funeral u d-difna tiegħu.

F’Settembru li għadda, Fr Lino kien intervistat fuq 103 FM fl-okkażjoni ta’ għeluq il-55 sena mit-twaqqif tad-Dar. Huwa rrakkonta mill-ġdid l-istorja ta’ kif Dun Mikiel Azzopardi, il-fundatur tad-Dar, irċieva l-ewwel donazzjoni ġeneruża li wasslet għall-bidu tad-Dar tal-Providenza. Huwa qal li Dun Mikiel kien jiddeskrivi din l-ewwel donazzjoni lejn id-Dar tal-Providenza bħala miraklu li baqa’ jirrepeti ruħu. Fr Lino qal li jiftakar lil Dun Mikiel jiddeskrivi l-ewwel donazzjoni bħala “l-ewwel miraklu’”. Huwa temm l-intervista billi qal li ħafna bbenefikaw minn mindu fetħet id-Dar tal-Providenza, u għaliħ din id-Dar hija t-teżor tal-Knisja ta’ Malta.
Inwasslu l-kondoljanzi tagħna lil ħutu fil-komunità tal-Ġiżwiti f’Malta kif ukoll lill-familjari tiegħu.

Agħtiħ O Mulej il-mistieħ ta’ dejjem.