Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja ta’ Fr Lino Cardona SJ

Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja għażiża ta’ Fr Lino Cardona SJ li llum ingħaqad mal-Mulej fis-sema fl-età ta’ 76 sena.

Fr Lino ilu jagħti servizz lid-Dar tal-Providenza sa mis-sajf tal-1975 meta darba Dun Mikiel Azzopardi, l-fundatur tad-Dar, talbu joqgħod ftit minfloku biex jieħu btala barra minn Malta fix-xahar ta’ Awwissu. Minn dak iż-żmien sa llum baqa’ jiġi d-Dar tal-Providenza jqaddes kull nhar ta’ Erbgħa u kull nhar ta’ Ħadd u jgħin fejn ikun hemm bżonn. Fis-2011, kien irċieva l-Premju Dun Mikiel mid-Dar tal-Providenza bħala rikonoxximent għall-ħidma volontarja tiegħu fid-Dar. Huwa kien qrib ħafna Dun Mikiel Azzopardi fl-aħħar żmien ta’ ħajtu u kellu sehem attiv fil-preparamenti għall-funeral u d-difna tiegħu.

F’Settembru li għadda, Fr Lino kien intervistat fuq 103 FM fl-okkażjoni ta’ għeluq il-55 sena mit-twaqqif tad-Dar. Huwa rrakkonta mill-ġdid l-istorja ta’ kif Dun Mikiel Azzopardi, il-fundatur tad-Dar, irċieva l-ewwel donazzjoni ġeneruża li wasslet għall-bidu tad-Dar tal-Providenza. Huwa qal li Dun Mikiel kien jiddeskrivi din l-ewwel donazzjoni lejn id-Dar tal-Providenza bħala miraklu li baqa’ jirrepeti ruħu. Fr Lino qal li jiftakar lil Dun Mikiel jiddeskrivi l-ewwel donazzjoni bħala “l-ewwel miraklu’”. Huwa temm l-intervista billi qal li ħafna bbenefikaw minn mindu fetħet id-Dar tal-Providenza, u għaliħ din id-Dar hija t-teżor tal-Knisja ta’ Malta.
Inwasslu l-kondoljanzi tagħna lil ħutu fil-komunità tal-Ġiżwiti f’Malta kif ukoll lill-familjari tiegħu.

Agħtiħ O Mulej il-mistieħ ta’ dejjem.

“Id-Dar tal-Providenza goes Disney”

Id-Dar tal-Providenza ħasbet li ttella’ attività bl-isem “Id-Dar tal-Providenza Goes Disney”, għar-residenti tagħha. Il-produzzjoni marbuta mal-karattri ta’ Disney saret bejn id-19 u t-22 ta’ Ottubru 2020. Minkejja s-sitwazzjoni li ninsabu fiha bħalissa, id-Dar mxiet mal-protokolli kollha maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa u taħt il-gwida tagħhom l-attività saret fuq erbat ijiem biex b’hekk ir-residenti tal-fletts setgħu jibqgħu fi gruppi għalihom mingħajr ma jitħalltu ma’ xulxin.

Żgur li r-residenti apprezzaw din l-attività u ħadu gost b’din il-produzzjoni li uħud mill-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza ppreparaw għalihom f’dan iż-żmien xi ftit jew wisq diffiċli tal-pandemija COVID-19.

“Id-Dar tal-Providenza Goes Disney”, kienet attività sabiħa fejn l-Ability Promoters taħt id-direzzjoni ta’ David Muscat bl-għajnuna ta’ Loralie Scerri taħt is-superviżjoni ta’ Margaret Vella, flimkien mad-dipartiment tal-Fiżjoterapija, qasmu bejniethom it-talent tal-kant u l-animazzjoni biex iferrħu lir-residenti ta’ din id-Dar.

Minn qalbna nixtiequ nirringrazzjaw lil dawk kollha li kienu ta’ appoġġ kbir għalina biex din l-attività setgħet tittella’ fosthom il-kumpaniji Louie Noir Academy u Cheeramigos Animation Group li pprovdew il-kostumi, flimkien mal-kumpanija Audio System li pprovdiet LED Screens.

Qed jitqassam id-Djarju tad-Dar tal-Providenza għas-sena 2021

Il-Maltapost bdiet tqassam id-Djarju tad-Dar tal-Providenza għas-sena 2021 f’kull dar ta’ Malta u Għawdex. Permezz ta’ dan id-djarju, li bit-tagħrif li fih jibqa’ jintuża s-sena kollha, is-sostenituri jkollhom l-opportunità li juru s-solidarjetà tagħhom mad-Dar li toffri residenza lil mija u ħmistax-il resident b’diżabilità bl-aħjar ambjent li jgħin fl-iżvilupp tagħhom. Impenn mhux żgħir minħabba l-pandemija tal-COVID-19 li ħakmet lid-dinja u mhux l-inqas lil Malta.

Bħal fis-snin l-imgħoddija, id-djarju fih il-ħinijiet tal-quddies kollu tal-Ħdud u ta’ matul il-ġimgħa fil-knejjes u kappelli kollha ta’ Malta u Għawdex u kalendarju dettaljat. Fih ukoll il-lista tal-festi parrokkjali kollha fiż-żewġ gżejjer għas-sena ddieħla. Ir-ritratt bil-kulur tas-Salib tal-Għolja li hemm fuq il-faċċata ta’ quddiem huwa ta’ Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza.

Dawk li fit-triq tagħhom tqassam id-djarju imma lilhom ma waslilhomx huma ġentilment mitluba li jċemplu lir-Reception tad-Dar fuq 21462844 jew b’imejl fuq info@dartalprovidenza.org.

GasanMamo Insurance u MAPFRE MSV Life sponsorjaw l-istampar tad-djarju waqt li l-Maltapost reġgħet ġentilment aċċettat li tqassam id-djarji mingħajr ħlas fid-djar kollha.

“Id-Dar tal-Providenza monument tal-ħniena”

Waqt quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla f’għeluq il-55 Anniversarju tat-twaqqif tad-Dar tal-Providenza, Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna ddeskriva d-Dar bħala “monument tal-ħniena”. Huwa żied jgħid li meta Dun Mikiel, il-fundatur tagħha, laqa’ l-ewwel residenti fid-Dar tas-Siġġiewi laqagħhom b’ħarsa ta’ ħniena mhux għax imsieken imma għax ried li l-għożża li d-Dar dejjem ikollha lejn ir-residenti tagħha tkun mera tal-għożża li Alla għandu lejn il-bniedem.

Kien propju fit-12 ta’ Settembru 1965 meta Dun Mikiel, kien qasam mas-semmiegħa tiegħu fuq programm li kellu fuq ir-Rediffusion ix-xewqa tiegħu li jiftaħ l-ewwel dar residenzjali f’Malta għall-persuni b’diżabilità. Wara l-programm waħda mara marret issibu u tagħtu l-ewwel donazzjoni biex jibda jirrealizza b’mod konkret din il-ħolma kif fil-fatt għamel. Dun Mikiel dejjem żamm din id-data bħala Jum it-twaqqif tad-Dar tal-Providenza li mbagħad fetħet il-bibien tagħha fil-11 ta’ Frar 1968.
Dan l-anniversarju, ta’ ħamsa u ħamsin sena ta’ ħidma b’sens qawwi ta’ mħabba, dedikazzjoni u servizz lil persuni b’diżabilità li tul dawn is-snin kellhom bżonn servizz residenzjali, kien imfakkar il-Ħadd, 13 tax-xahar b’quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza li kienet iċċelebrata mill-Arċisqof Scicluna megħjun minn Fr Trevor Fairclough u Fr Lino Cardona SJ.

L-Arċisqof irringrazzja lill-President ta’ Malta, Dr George Vella u s-Sinjura Vella għall-preżenza u s-solidarjetà tagħhom kif ukoll għall-appoġġ li l-Istat jagħti għall-għaqdiet li jeħtieġuh. Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità, s-Sinjura Marija Deguara, Kelliem għall-Oppożizzjoni għall-Persuni b’Diżabilità u l-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, Dr John M. Cachia.

Imma dan il-55 Anniversarju żgur li se jibqa’ miftakar minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija li ħakmet lil Malta u lid-dinja. COVID-19 kien u għadu ta’ piż kbir fuq ir-riżorsi kemm umani kif ukoll finanzjarji tad-Dar. Biex jiġu salvagwardjati s-sikurezza u l-benesseri tar-residenti kif ukoll tal-ħaddiema, id-Dar osservat u ħaddmet il-protokolli kollha adottati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Residenti, qraba u ħaddiema kellhom jadattaw ruħhom għal arranġamenti ta’ sigurtà li ddaħħlu f’diversi miżuri sa minn Marzu li għadda. Fi tmiem il-quddiesa, l-Arċisqof appella biex f’dawn iż-żminijiet diffiċli tal-pandemija kull min jista’ għandu jgħin finanzjarjament lil ħafna organizzazzjonijiet li hawn, fosthom id-Dar tal-Providenza u l-Community Chest Fund.

L-għan tad-Dar tal-Providenza minn dejjem kien li toffri ambjent familjari għall-persuni b’diżabilità li għal xi raġuni jew oħra ma setgħux jibqgħu jgħixu mal-familja tagħhom. Tul is-snin, dan is-servizz li jħares ir-rispett, id-dinjità u d-drittijiet tagħhom ma setax ikun possibbli mingħajr l-appoġġ sħiħ li ma qata’ qatt tal-Maltin u l-Għawdxin kollha permezz ta’ għajnuna kemm volontarja kif ukoll finanzjarja.

Illum, ħamsa w ħamsin sena wara, id-Dar tal-Providenza tiġbor fiha tliet residenzi: Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni u Villa Papa Luciani kif ukoll erbat idjar żgħar oħra fil-komunitajiet tas-Siġġiewi, l-Qawra, Birkirkara u ż-Żurrieq waqt li dar oħra fil-Balluta qed tistenna li tiġi nawgurata fix-xhur li ġejjin. Bħalissa, fis-seba’ residenzi, jgħixu mija u ħmistax-il persuna, kollha b’diversi forom ta’ diżabilità, b’etajiet li jvarjaw bejn it-tmien snin u ‘l fuq minn tmenin sena. Id-Dar toffri wkoll servizzi ta’ respite fuq bażi regolari. L-ispejjeż tad-Dar ilaħħqu madwar il-ħames miljun ewro fis-sena.

Il-Kurja tipprepara 20,000 djarju b’risq id-Dar tal-Providenza

50 impjegat mil-Kurja tal-Arċisqof il-bieraħ ppreparaw madwar 20,000 djarju li se jitqassmu ma’ eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin bħala għan volontarju lid-Dar tal-Providenza.

Fi stqarrija, il-Kurja ddeskriviet li din l-attività serviet bħala parti mir-responsabbiltà soċjali tagħha.

Dr Rebecca Gatt, Maniġer tat-Taqsima Riżorsi Umani tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, qalet li l-pandemija COVID-19 ma waqqfitx lill-impjegati tal-Kurja milli jgħinu lill-persuni fil-bżonn. Spjegat li minbarra l-għajnuna fil-preparazzjoni tad-djarji, inġabret ukoll is-somma ta’ aktar minn €800 b’risq id-Dar tal-Providenza li toffri residenza lil 115-il resident.

L-attività ġiet organizzata bl-għajnuna ta’ APS Bank, Banif Bank, Farsons Direct, La Ciliega Caterers u MVintage.

L-Eden Leisure Group b’solidarjetà mad-Dar tal-Providenza

Kull xahar, impjegati tal-Eden Leisure Group jagħtu parti mis-salarju tagħhom lid-Dar tal-Providenza li, kif jaf kulħadd, għal dawn l-aħħar 55 sena (Id-Dar tfakkar il-55 Anniversarju tat-twaqqif tagħha fit-13 ta’ Settembru) kienet u tibqa’ tiddependi mid-donazzjonijiet tal-benefatturi tagħha u mill-poplu ta’ Malta w Għawdex biex tkun tista’ twettaq il-ħidma tagħha.

B’rabta mal-Jum Dinji għall-Karità, is-CEO tal-Eden Leisure Group, Simon De Cesare ippreżenta ċekk lil Dr George Grech, it-tabib tad-Dar u Ms Remona Cuschieri, Services Coordinator tad-Dar.

L-Eden Leisure Group jinkoraġġixxi l-impjegati tiegħu kif ukoll ta’ kumpaniji oħra biex jagħmlu parti minn din l-inizjattiva. Kif ngħidu bil-Malti kull qatra tgħin.
Kumpaniji interessati jistgħu jiksbu aktar informazzjoni dwar din l-iskema permezz ta’ imejl fuq info@dartalprovidenza.org jew billi jċemplu fuq 2146 2844.
Impjegati li jixtiequ jidħlu f’din l-iskema għandhom jikkunttajaw l-HR Manager tal- kumpanija tagħhom. Jekk il-kumpanija tagħhom mhix diġà parti minn din l-iskema huma għandhom jinkoraġġixxu lil min iħaddimhom biex jagħmel dan.

Il-Ministru Michael Falzon jappella għal għajnuna għad-Dar tal-Providenza

Waqt żjara li għamel, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Dr Michael Falzon appella biex kull min jista’ jgħin lid-Dar tal-Providenza jagħmel dan anke bil-ftit. Huwa kompla jgħid li fid-Dar tas-Siġġiewi hawn persuni li huma fost l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà Maltija u għandhom bżonn ħafna sostenn speċjalment f’dan iż-żmien tal-pandemija COVID-19 li qalbet id-dinja ta’ taħt fuq. “Nassigurakom”, qal il-Ministru, “li s-sodisfazzjon li tieħdu meta tagħtu huwa wisq akbar minn meta tirċievu.”
Dr Falzon faħħar u rringrazzja lil dawk li jagħtu l-ħin liberu tagħhom biex jgħinu lil persuni b’diżabilità u sab ħin biex jiltaqa’ ma’ rappreżentanza tal-ħaddiema.
F’isem il-Ministeru huwa għamel donazzjoni ta’ €1,000 għad-Dar. L-Amministratur tad-Dar tal-Providenza, Nadine Camilleri Cassano irringrazzjat lill-Ministru għad-donazzjoni u għas-solidarjetà li wera mad-Dar.

Craft & Coffee b’risq id-Dar tal-Providenza

Il-grupp Craft & Coffee for Charity użaw it-talent tagħhom biex jagħmlu donazzjoni lid-Dar tal-Providenza. Huma ppreżentaw lid-Dar tas-Siġġiewi għadd mhux ħażin ta’ oġġetti mill-isbaħ maħdumin kollha bl-idejn li issa jistgħu jinbiegħu fil-bazaar tad-Dar.
Grazzi għall-grupp Craft & Coffee for Charity tistgħu taraw b’għajnejkom dawn l-oġġetti kkuluriti li jolqtu l-għajn billi żżuru l-bazaar li hu miftuħ kull nhar ta’ Tlieta bejn it-8:00am u nofsinhar.

Tislima lil John Paris, voluntier tad-Dar tal-Providenza

Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja għażiża tas-Sur John Paris wieħed mill-voluntiera tagħna li nhar it-Tnejn 24 ta’ Awwissu 2020, il-Mulej sejjaħlu għal għandu fis-sema.

John, flimkien ma’ martu Ġemma. ilhom jiġu jagħmlu xogħol volontarju fid-Dar tal-Providenza sa mis-sena 2012. L-appuntament tagħhom ta’ darbtejn jew tliet darbiet fil-ġimgħa ma jitilfuħx.

John kien jagħmel xogħol volontarju fis-sezzjoni tal-manutenzjoni tad-Dar tal-Providenza. Kif xi ħadd jitlob l-għajnuna għal xi tiswijiet tara lil John ġej bil-kaxxa tal-għodda u b’dik it-tbissima fuq wiċċu biex jara x’hemm bżonn isir.

Meta jkun hemm xi attivita’ kbira jew ħarġa mar-residenti, John u martu Ġemma dejjem issibhom hemm biex jagħtu daqqa t’id f’dak kollu li jkun hemm bżonn. Għal dawn l-aħħar snin fuq inizzjattiva tagħhom bdew jorganizzaw b’mod regolari ħarġa ta’ ġurnata għar-residenti fil-post li għandhom l-iscouts fil-bajja tar-Rinella.

Meta kont titkellem ma’ John tinduna kemm kellu għal qalbu d-Dar tal-Providenza u kemm dan ix-xogħol volontarju kien jagħmlu minn qalbu b’ġenerożità kbira mingħajr ħafna daqq ta’ trombi. Għal John id-Dar tal-Providenza kienet it-tieni familja.

Is-sena l-oħra John flimkien ma’ martu Ġemma kienu nominati għall-Premju Anzjanità Attiva.

Id-dettalji tal-funeral jitħabbru aktar tard.

Grazzi John.

Agħtiħ O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem…

Jinġabru €5,730 b’risq Id-Dar tal-Providenza

Is-somma ta’ €5,730 inġabret mis-sinjuri Pierre Vella Petroni u Anne Marie Xuereb b’risq Id-Dar tal-Providenza. Kull sena, għal dawn l-aħħar seba’ snin, Pierre u Anne Marie organizzaw BBQ għall-ħbieb ta’ Pierre Vella Petroni li d-dħul minnu kien imur kollu għad-Dar. Din is-sena minħabba l-pandemija tal-COVID-19 il-BBQ ma setghax isir imma minflok saret is-solita ġabra ta’ fondi b’risq id-Dar.
Is-somma ta’ €5,730 ġiet ippreżentata minn Pierre Vella Petroni u Anne Marie Xuereb lil Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar tal-Providenza, li f’isem id-Direttur, Fr Martin Micallef, li jinsab indispost, ir-residenti u l-Amministrazzjoni tad-Dar irringrazzjat lil dawk kollha li għamlu donazzjoni.