Residenti mid-Dar tal-Providenza f’pellegrinaġġ f’Lourdes

Residenti mid-Dar tal-Providenza kienu parti minn grupp ta’ persuni b’diżabilità li ħadu sehem fil-pellegrinaġġ annwali ta’ erbat ijiem f’Lourdes għall-pazjenti u pellegrini Maltin organizzat mill-Għaqda Maltija Trasport tal-Morda f’Lourdes (UMTAL). Pellegrinaġġ li l-Arċidjoċesi ta’ Malta ddeskriviet bħala “esperjenza straordinarja ta’ fidi”.

Dan il-pellegrinaġġ tmexxa minn Dun Joe Mizzi, id-direttur spiritwali tal-UMTAL, flimkien ma’ erba’ saċerdoti oħra li ħadu ħsieb l-aspett spiritwali tal-pellegrinaġġ.

Matul il-pellegrinaġġ, il-pazjenti, il-voluntiera u l-pellegrini għexu flimkien l-esperjenza straordinarja tal-fidi u l-imħabba f’Lourdes. Ħadu sehem f’diversi funzjonijiet reliġjużi, fosthom fil-quddiesa internazzjonali u f’quddiesa oħra bil-Malti li minnha jmorru għal Via Crucis, l-Adorazzjoni tal-Ewkaristija Mqaddsa u l-purċissjoni ta’ filgħaxija magħrufa bħala l-Aux Flambeaux. Il-pellegrini ħadu sehem f’ċelebrazzjonijiet li jinkludu s-sagrament tal-qrar u d-dlik tal-morda.

L-UMTAL ilha sa mill-1931 tagħmel dan il-pellegrinaġġ possibbli għal nies li, minħabba problemi ta’ saħħa, isibuha diffiċli jżuru dan is-santwarju qaddis.

Tinġabar somma rekord ta’ €707,586 fil-BOV Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza

Fi tmiem tas‑16‑il edizzjoni tal‑BOV Volleyball Marathon, inġabret is‑somma rekord ta’ €707,586, li saret għall‑ewwel darba fl-MFCC f’Ta Qali bejn il-Ħamis 16 u s-Sibt 18 ta’ Lulju 2026.

40 plejer, li ffurmaw ħames timijiet, baqgħu jilagħbu għal 53 siegħa mingħajr waqfien. Il‑Maratona li bdiet il‑Ħamis filgħaxija ġiet inawgurata uffiċjalment mill‑E.T. Dott. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta.

Mons. Martin Micallef, id-Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, irringrazzja lill‑poplu Malti u Għawdxi, li għal darba oħra wieġeb b’tant ġenerożità għas‑sejħa li saret biex jinġabru l‑fondi għad‑Dar.  Huwa rringrazzja wkoll lill‑plejers, lill‑volontiera, lill‑membri tal‑kumitat organizzattiv, l‑isponsors kollha, l‑istazzjonijet ewlenin tat‑televixin li xandru din il‑maratona, preżentaturi, kantanti u bands, lill‑pulizija, lill‑Banda tal‑Forzi Armati ta’ Malta u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenu biex din il‑Maratona tkun suċċess.

Sa mit‑twaqqif tagħha fl‑1965, Id‑Dar tal‑Providenza offriet servizzi residenzjali personalizzati għal persuni b’diżabilità, f’ambjent ta’ sapport.

Tibda l-BOV Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza

Il‑Ħamis 16 ta’ Lulju 2026, l‑E.T.  Dott. Myriam Spiteri Debono, il‑President ta’ Malta, inawgurat uffiċjalment is-16‑il edizzjoni tal‑BOV Volleyball Marathon b’risq Id‑Dar tal‑Providenza li dis-sena qed ssir fil-Malta Fairs and Conventions Centre (MFCC) Ta’ Qali (North Gate).  Hija tasal fi tmiemha nhar is-Sibt 18 ta’ Lulju 2026, fil-11.00pm.

Erbgħin player, magħżula minn aktar minn sittin applikant, bdew l‑isfida ta’ 53 siegħa ta’ logħob tal‑volleyball bla waqfien għal għan nobbli.

L-E.T. Dott. Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta fid-diskors tagħha qalet li dan l-appuntament annwali jiġbor ir-reżiljenza, l-istamina u fuq kollox il-qalb kbira tal-poplu. Hija kompliet tgħid li wara l-providenza hemm il-qalb kbira tal-poplu li taf twennes u tħobb. Il-President żiedet tgħid li, “din hija manifestazzjoni li tagħmel lill-poplu uniku fis-solidarjetà li joffri lill-ħaddieħor. Id-Dar tal-Providenza tiddependi ħafna fuq is-solidarjetà u l-ġenoriżità.” Hija ddeskriviet id-Dar tal-Providenza bħala pilastru tal-ġid soċjali ta’ pajjiżna għax kienet minn ta’ quddiem biex min għandu bżonn l-għajnuna jingħata dinjità.

 

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li din l-Maratona hija xhieda tas-sens qawwi ta’ volontarjat u solidarjetà li jiddistingwi lill-poplu Malti u Għawdxi. Huwa rringrazzja lill-atleti, lill-voluntiera, lill-ħaddiema u lit-tmexxija tad-Dar tal-Providenza għas-servizz imprezzabbli tagħhom, u ħabbar donazzjoni ta’ €20,000 mill-Fond għall-Kawżi Soċjali biex tkompli tissaħħaħ din il-ħidma importanti. Dr Abela semma kif il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ id-drittijiet u l-protezzjoni tal-persuni b’diżabilità u tal-adulti vulnerabbli. Huwa qal dan b’referenza għall-Att dwar l-Awtonomija Personali li jsaħħaħ id-dritt ta’ kull persuna li tieħu d-deċiżjonijiet tagħha bl-appoġġ meħtieġ, u l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Adulti Vulnerabbli se jsaħħaħ l-intervent f’każijiet ta’ abbuż jew trattament ħażin, li se jibdew japplikaw mill-Ġimgħa 17 ta’ Lulju 2026. Tenna li d-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-liġijiet jimmarka pass importanti lejn soċjetà aktar ġusta u inklużiva.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Mons. Martin Micallef enfasizza li din il-maratona ta’ 53 siegħa ta’ logħob kontinwu hija xhieda ta’ kif is-solidarjetà u l-isport jistgħu jingħaqdu biex jagħmlu differenza konkreta fil-ħajja ta’ ħaddieħor. Huwa saħaq li s-solidarjetà tibda billi naraw lill-persuna qabel kollox, u noffrulha l-appoġġ meħtieġ biex tgħix b’dinjità.  Hu żied jgħid li d-Dar tal-Providenza hija impenjata li tkompli tiżviluppa servizzi dejjem aktar personalizzati u bbażati fil-komunità. Huwa rringrazzja lill-40 plejer, lill-voluntiera, lill-BOV, l-isponsor ewlieni, lill-isponsors kollha, lill-media, lill-MFCC u lil dawk kollha li għenu b’xi mod jew ieħor biex jagħmlu din il-maratona possibbli.  Huwa appella lill-poplu Malti u Għawdxi biex permezz  ta’ din il-maratona jkompli jappoġġja lid-Dar tal-Providenza, li teħtieġ madwar €8 miljun fis-sena biex tkompli twettaq il-missjoni tagħha.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Kenneth Farrugia, qal, “L-appoġġ tagħna għad-Dar tal-Providenza huwa kawża tassew għal qalbna. Il-BOV Volleyball Marathon turi b’mod ċar x’jista’ jinkiseb meta l-komunità tingħaqad flimkien b’solidarjetà għal kawża ġusta. Aħna kburin li nappoġġjaw din l-inizjattiva permezz tal-Fondazzjoni BOV u li nagħtu sehemna fix-xogħol imprezzabbli li jsir mid-Dar tal-Providenza. Il-kontribut tagħna jmur lil hinn mill-appoġġ finanzjarju. Permezz tal-programm ta’ volontarjat għall-impjegati tal-Bank, għadd ta’ impjegati qed jagħtu mill-ħin u l-enerġija tagħhom għal kawżi bħal din, u dan jirrifletti t-twemmin tagħna li biex tagħmel impatt veru, trid mhux biss tagħti, imma wkoll tkun involut fil-komunità li naqdu.”

Preżenti għall-ftuħ uffiċjali  kien hemm; l-Onor. Michael Falzon, Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja, l-Onor. Miriam Dalli, Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, l-Onor. Dott. Byron Camileri, Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, l-Onor. Dott. Malcholm Paul Agius Galea, Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, l‑Onor. Graziella Galea, il-kelliema tal-Oppożizzjoni għall‑Inklużjoni, is-Sur Graham Bencini, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport, u s-Sur Kenneth Farrugia, CEO tal-Bank of Valletta, l-isponsor ewlieni tal-Maratona.

Il‑maratona se tkun imxandra fuq l‑istazzjonijiet ewlenin.

Dawk li jżuru l-maratona fl-MFCC għandhom jistennew atmosfera sabiħa adattata

għall-familja kollha, bil-post il-ġdid joffri opportunità eċċellenti biex il-BOV Volleyball Marathon tilħaq livelli ġodda ta’ suċċess.

Il-Kunsill Malti għall-Arti, qed jappoġġja din l-attività u qed jaħdem mal-organizzaturi tal-maratona sabiex jiġi ppreżentat programm ta’ divertiment ta’ livell għoli b’artisti ewlenin matul it-tlett iljieli. Lara & The Jukeboys se jtellgħu spettaklu l-Ħamis filgħaxija, Versatile Brass & Ensemble, il-Ġimgħa, filwaqt lis-Sibt l-Spiteri Lucas Band se tkun il-qofol ta’ Classic Rock Night.

Is-Sibt fis-6:30 ta’ filgħodu ser issir ġirja 5K li tibda minn ħdejn it-tinda tal-MFCC Ta’ Qali (North Entrance). Kull parteċipant se jingħata midalja komemorattiva maħduma apposta għat-tellieqa. Kull min irid jipparteċipa jista’ jirreġistra fuq sabihlitaghti/5k

Is-Sibt bejn nofsinhar u l-ħamsa ta’ filgħaxija se jkun hemm DJ takeover fejn numru ta’ DJs żgħażagħ, fosthojm Miggy, Dodz, Izak, Riolo, Dom u Presko.

Waqt il-maratona se jkun hemm Kids Area kbira b’attrazjonijiet u attivitajiet għat-tfal, food court li jinkludi lil Forn tal-Għawdxi, eeetwell u Frullado.

L-NGO S.T.A.N.D. li taħdem ma’ żgħażagħ b’diżabilità se jkunu qed itellgħu esibizzjoni ta’ xogħlijiet ta’ arti magħmula minnhom fl-entratura tal-MFCC.

Għal aktar aġġornamenti u informazzjoni dwar il-maratona wieħed jista’ jżur is-sit: sabihlitaghti.org.

Il‑pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in‑numri t’hawn taħt, juża l‑BOV Mobile jew il‑PayPal jew jagħti donazzjoni online fuq wieħed minn dawn il‑kontijiet bankarji tad‑Dar.

  • €10 – 51602011
  • €15 – 5170 2012
  • €25 – 5180 2013
  • €50 – 5190 2070
  • €100 – 5130 2044
  • Pledge Line: 2146 3686
  • BOV Mobile: 7932 4834

Ġirja ta’ 5Km bħala parti mill-Maratona tal-Volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza

Il-BOV Volleyball Marathon hija okkażjoni biex niltaqgħu flimkien għal kawża mill-aqwa u din is-sena qed nagħmlu xi ħaġa oħra eċċitanti biex ninvolvuk.

Ingħaqadna ma’ Eurosport u Garmin Malta biex norganizzaw ġirja ta’ 5Km nhar is-Sibt, 18 ta’ Lulju biex nagħtu opportunità lid-dilettanti tal-ġiri biex jieħdu sehem f’wieħed mill-akbar attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi b’risq id-Dar tal-Providenza. Il-ġirja tibda fis-6.30am.

Il-ġirja tibda u tispiċċa barra l-MFCC North Entrance propju fejn ikun għaddej l-aħħar jum tal-BOV Volleyball Marathon.

Irreġistra llum u għamel id-differenza għad-Dar tal-Providenza

Register for the BOV Volleyball Marathon 5K Run

Id-Dar tal-Providenza tħabbar pjani ambizzjużi għas-16-il edizzjoni tal-BOV Volleyball Marathon

Id-Dar tal-Providenza ħabbret pjani ambizzjużi għall-edizzjoni li jmiss  għall-maratona annwali tagħha tal-volleyball bil-għan li tiġbor il-fondi biex tkun tista’ ssostni l-ħidma tagħha.

Issa li waslet fis-16-il edizzjoni tagħha, il-BOV Volleyball Marathon, din is-sena ser issir bejn il-Ħamis 16 u s-Sibt 18 ta’ Lulju 2026, u għall-ewwel darba se tittella’ fl-MFCC f’Ta’ Qali. L-avveniment se jixxandar ukoll fuq l-istazzjonijiet kollha tat-televiżjoni lokali.

L-organizzaturi spjegaw li l-post il-ġdid se jiftaħ opportunitajiet ġodda u eċitanti għall-avveniment, filwaqt li jagħmilha wkoll aktar aċċessibbli u ċentrali għall-viżitaturi.

“Il-bżonnijiet u l-fondi meħtieġa biex Id-Dar tal-Providenza tkompli topera qegħdin dejjem jiżdiedu, u li nsibu modi kif intejbu l-isforzi tagħna ta’ ġbir ta’ fondi huwa essenzjali. Id-Dar tal-Providenza teħtieġ madwar €7.5 miljun fis-sena biex tiżgura l-aħjar kwalità ta’ ħajja possibbli għar-residenti tagħha.”

Sa mit-twaqqif tagħha fl-1965, Id-Dar tal-Providenza offriet servizzi residenzjali personalizzati għal persuni b’diżabilità, f’ambjent ta’ sapport. Illum id-Dar tilqa’ fiha 115-il resident. Id-Dar toffri wkoll servizzi ta’ respite lill-familji ta’ persuni b’diżabilità.

Is-sena li għaddiet, waqt il-BOV Volleyball Marathon inġabret is-somma rekord ta’ €632,153. Dan ir-riżultat ħeġġeġ lill-organizzaturi biex joħolmu akbar u jaħdmu għal suċċess akbar ta’ din l-edizzjoni.

“Id-Dar temmen li tista’ tistrieħ fuq l-appoġġ kontinwu tal-Maltin u l-Għawdxin, li l-imħabba tagħhom lejn Id-Dar tal-Providenza se tkompli tgħin biex dan l-avveniment ikun suċċess sena wara sena.”

L-applikazzjonijet għall-plejers issa huma miftuħin. Min jixtieq japplika bħala plejer biex jilgħab fil-BOV Volleyball Marathon jista’ japplika fuq https://tinyurl.com/volley4dtp-players2026

 

Il-Prim Ministru jżur Shalom fiż-Żurrieq

Il-Prim Ministru Dott. Robert Abela, żar Shalom fiż-Żurrieq, dar residenzjali mmexxija mid-Dar tal-Providenza, fl-okkażjoni tal-10 anniversarju mill-ftuħ tagħha. Huwa kellu l-opportunità jiltaqa’ mal-ħames residenti li jgħixu f’din id-dar, kif ukoll mal-impjegati. Ir-residenti tkellmu dwar kemm iħossuhom parti mill-komunità taż-Żurrieq u kemm jipparteċipaw fil-ħajja tal-istess komunità.

Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm l-Onor. Julia Farrugia, Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, is-Sindku taż-Żurrieq is-Sa Rita Grima, Mons. Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, kif ukoll il-Management tad-Dar.

Din id-dar kienet inawgurata fit-8 ta’ April 2016, minn Dr Justyne Caruana, dak iż-żmien Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anżjanità Attiva.

€4,300 miġbura f’wirja tal-karozzi b’risq id-Dar tal-Providenza

Is-somma sabiħa ta’ €4,300 inġabret waqt il-wirja annwali ta’ karozzi klassiċi u vintage organizzata mill-Old Motors Club b’risq id-Dar Tal-Providenza. L-avveniment, li sar fil-festa pubblika ta’ San Ġużepp, sar fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi u għalih attendew għadd kbir ta’ viżitaturi u dilettanti tal-karozzi.

Madwar 140 vettura klassika u vintage, li jkopru aktar minn seklu ta’ storja tal-karozzi, ġew esebiti mill-membri tal-klabb f’atmosfera sabiħa.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Mons. Martin Micallef, esprima l-apprezzament sinċier tiegħu, u rringrazzja lill-organizzaturi, il-parteċipanti u lill-pubbliku ġenerali għall-ġenerożità u l-appoġġ kontinwu tagħhom.

Il-Membru Parlamentari tal-Parlament Ewropew, Dott. Peter Agius żar l-attività, ltaqa’ mad-dilettanti u għamel id-donazzjoni tiegħu għall-istess kawża.

Il-klabb reġa’ kkonferma l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja lid-Dar Tal-Providenza u inizjattivi oħra ta’ karità, filwaqt li jkompli jippromwovi l-wirt rikk tal-motoring f’Malta.

€5,000 mogħtija lid-Dar tal-Providenza minn GO Cares.

Il-GO Cares Employee Fund għamlet għotja ta’ €5,000 lid-Dar tal-Providenza. Din id-donazzjoni ta’ GO Cares saret possibbli minn għotjiet li jinġabru matul is-sena mill-kumitat li jamministra il-GO Cares Fund.

Impjegati ta’ GO volontarjament jagħmlu għotja li ta’ kull xahar toħroġ mis-salarju tagħhom. Barra minn hekk matul is-sena jsiru diversi attivitajiet oħra ta’ ġbir ta’ fondi.

Bis-saħħa t’hekk, GO Cares tkun tista’ tappoġġja finanzjarjament organizzazzjonijiet bħad-Dar tal-Providenza w entitajiet oħra li jibbenefikaw minn dan il-fond.

F’isem ir-residenti u l-amministrazzjoni tad-Dar, id-Direttur Mons. Martin Micallef irringrazzja lir-rappreżentanti tal-kumitat ta’ tmexxija ta’ GO Cares li ppreżentaw iċ-ċekk għas-solidarjetà altruista tagħhom.

€2,125 miġbura waqt il-Kunċert tal-Forzi Armati ta’ Malta f’għeluq is-60 anniversarju tad-Dar tal-Providenza

Is-somma ta’ €2,125 inġabret waqt il-Kunċert Vokali u Strumentali mill-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta f’għeluq is-60 anniversarju tad-Dar tal-Providenza li sar fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl-Imdina nhar il-Ġimgħa, 28 ta’ Novembru 2025.

Il-preżentazzjoni saret mill-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, l-Brigadier Clinton J. O’Neill lid-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Mons. Martin Micallef li rringrazzja lill-Brigadier għax sena wara l-oħra l-banda tal-Forzi Armati baqgħet tagħmel dan il-kunċert b’risq id-Dar marbut mal-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità.

Għall-okkażjoni tas-60 anniversarju inkitbu żewġ siltiet mużikali li ndaqqu għall-ewwel darba: 60 Sena ta’ Storja: Id-Dar tal-Providenza tas-Surmast Nicholas Vella u Tama tas-Surmast Antoine Mercieca. Il-programm kien jinkludi wkoll xogħlijiet ta’ Johann Sebastian Bach, Richard Wagner, Frank Erickson, Lowell Mason, Morten Lauridsen, Peter A. Yon, Stephen Adams, Carl Coberg u tal-kompożitur Malti Tano Monseigneur.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Dr Alex Borg iżur id-Dar tal-Providenza

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Dr Alex Borg, akkumpanjat mis-sieħba tiegħu Sarah Bajada, żar id-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Huwa kien milqugħ mid-Direttur tad-Dar, Mons. Martin Micallef flimkien ma’ membri tal-amministrazzjoni u residenti. Huwa attenda għal quddiesa li saret fil-kappella tad-Dar li għaliha kienu preżenti wkoll familjari tal-ex Prim Ministru u ex-President ta’ Malta Eddie Fenech Adami li sakemm saħħtu kienet tippermetti kien iħobb jiċċelebra għeluq sninu fid-Dar tas-Siġġiewi.

Wara, Dr Borg kellu l-opportunità jiltaqa’ mar-residenti b’mod individwali.

Huwa żar il-Mużew Dun Mikiel fejn id-Direttur tad-Dar spjegalu l-istorja ta’ ħajjet Dun Mikiel u t-twaqqif tad-Dar tal-Providenza u ħa ħin biex jiffirma l-ktieb tal-viżitaturi. Wara huwa sellem lil Dun Mikiel fuq il-qabar tiegħu li jinsab fil-bitħa ta’ Villa Papa Giovanni.

Dr Borg żar ukoll il-gym fejn iltaqa’ mal-president tas-Siġġiewi Rowing Club il-Professur Joseph Grima u ma’ membri tal-club u ma’ ħaddiema tad-Dar.