Nibnu fuq il-legat ta’ Mons. Mikiel Azzopardi: sittin sena wara

Fit-12 ta’ Settembru 1965, Mons. Mikiel Azzopardi inqeda bil-programm regolari tiegħu ta’ kull nhar ta’ Ħadd, fuq ir-Rediffusion, Is-Siegħa tal-Morda, biex jaqsam il-ħolma kuraġġuża tiegħu li jiftaħ dar li toffri servizzi residenzjali lill-persuni b’diżabilità f’Malta. Qabel din id-data, kien diġà qiegħed ifittex proprjetajiet fil-Furjana, il-Gżira u Ħal Lija, iżda ma kellux il-flus biex jixtri proprjetà lesta. Għalhekk wara beda jikkunsidra li jibni fit-tarf tas-Siġġiewi, fejn l-Azzjoni Kattolika Maltija kienet akkwistat b’kera dak li kien magħruf bħal r-restcamp tas-servizzi Ingliżi, biex tużah bħala kamp tas-sajf għat-tfal.  Mons. Azzopardi kien qed jittama li hemmhekk se jibda jibni bil-mod il-mod skont id-donazzjonijiet li jkun ġabar.

Ftit wara x-xandira, mara li kienet taħdem bħala spiżjara fil-Furjana, marret tistennieh wara l-bieb tad-dar tiegħu fil-Furjana stess u offrietlu l-ewwel donazzjoni ta’ 100 lira – flus li kienet ġemmgħet għal safra. Hi xtaqet tkun hi li tagħti l-ewwel donazzjoni lil Mons. Azzopardi biex ikun jista’ jibda jirrealizza l-ħolma tiegħu. Dakinhar Mons. Azzopardi ħass li dan il-ġest nobbli kien sinjal minn Alla biex jibda jaħdem fuq dan il-proġett u fi żmien sentejn, irnexxielu jiftaħ l-ewwel dar f’Malta għall-persuni b’diżabilItà li semmieha Villa Mons. Gonzi. Għalhekk Mons. Azzopardi, dejjem qies id-data tat-12 ta’ Settembru 1965, bħala d-data tat-twaqqif tad-Dar tal-Providenza.

Sittin sena wara, li tiftaħ dar residenzjali f’żona iżolata tista’ tidher li kienet pass lura, speċjalment meta pajjiżi oħra kienu diġà qed jaħdmu biex jibdew il-proċess tad-deistituzzjonalizzazzjoni. Imma nistgħu ngħIdu li fil-kuntest Malti, il-viżjoni tiegħu kienet rivoluzzjonarja. Mons. Azzopardi kien pijunier fid-difiża tad-dinjità tal-persuna, fi żmien meta l-persuni b’diżabilità f’Malta kienu moħbija, minsija jew imwarrba. Għalkemm illum it-terminu “anġli” b’riferenza għal persuna b’diżabilità li kien iħobb juża Mons. Azzopardi, m’għadniex nużawh għax min għandu diżabilità huwa persuna u mhux esserri sopranaturali, hu użah biex jikkonfronta realtà kerha. Fi żmienu l-persuni b’diżabilità kienu meqjusa bħala oġġetti ta’ mistħija, u għalhekk il-kelma anġli li kien juża kienet kelma li tellgħet l-istatus tagħhom u ġabet għarfien lis-soċjetà li dawn il-persuni ma kinux definiti mid-diżabilità tagħhom imma mill-valur tagħhom bħala persuni. Mons. Azzopardu biddel l-inviżibbiltà tal-persuni b’diżabilità f’rikonoxximent, il-mistħija f’rispett, u l-esklużjoni f’dinjità.

Mons. Azzopardi u pijunieri oħra għamlu aktar milli waqqfu istituzzjoni. Huma ħeġġew qawmien kulturali, kissru l-preġudizzju u poġġew d-diżabilità fil-qafas tad-drittijiet u mhux tal-jaħassra. Wara mewtu fl-1987, dan il-qawmien intensifika bit-twaqqif tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità, illum il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (CRPD). Minn hemm ’il quddiem, Malta bdiet tinbidel gradwalment: l-ugwaljanza, l-aċċessibilità u l-parteċipazzjoni saru mhux biss ħolma imma drittijiet iggarantiti bil-liġi.

Illum, id-Dar tal-Providenza għadha qed tkompli l-ħidma li beda  Mons. Azzopardi, billi toffri servizzi residenzjali lill-persuni b’diżabilità intellettwali u tappoġġjahom.  Id-Dar mhux biss toffri kenn iżda tiżgura d-dinjità, il-kwalità tal-ħajja u s-sens ta’ appartenenza fil-komunità.

Li nfakkru l-anniversarju tas-sittin sena u dak li wettaq Mons. Azzopardi, jfisser aktar milli nħarsu lura fiż-żmien, imma jfisser kuraġġ biex niffaċċjaw l-isfidi tal-lum. Id-Dar tal-Providenza bdiet il-mixja lejn id-deistituzzjonalizzazzjoni bil-ftuħ tad-dar fil-komunità fl-1997, bil-ftuħ ta’ Żerniq fis-Siġġiewi. Dan il-vjaġġ għandu jkompli u d-Dar hija kommessa li tkompli twettqu. Fil-fatt id-Dar bħalissa qed taħdem biex toffri tliet residenzi żgħar oħra fil-komunità.

Id-deistituzzjonalizzazzjoni mhijiex sempliċement li toħroġ lin-nies minn residenzi kbar imma tfisser li tgħaqqad is-servizzi mal-għażliet, il-bżonnijiet, id-drittijiet u l-aspirazzjonijiet tal-persuni. Tfisser li tkun konformi mal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, li tafferma d-dritt tagħhom li jiddeċiedu fejn, kif u ma’ min iridu jgħixu.  Tfisser ukoll li nassiguraw li kull persuna tħossha sigura, għandha skop fil-ħajja, tħossha tappartjeni u għandha d-dinjità tagħha mħarsa.

Li tpoġġi l-persuna fiċ-ċentru jfisser li wieħed jagħraf li ma teżistix soluzzjoni waħda għal kulħadd. Ifisser li wieħed jagħraf li hemm persuni b’diżabilitajiet differenti. Riċerka riċenti Awstraljana tenfasizza tliet modi kif inħarsu lejn dan: l-inklużjoni fil-mainstream, tuża s-servizzi l-istess bħal kullħadd imma addattati u appoġġ personali. Applikati għad-Dar tal-Providenza, dawn ifissru tliet impenji:

  • L-ewwel, li nipprovdu assistenza personali sabiex il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti fid-djar li jagħżlu u jgħixu l-ħajja li jixtiequ bl-appoġġ ta’ servizzi li jindirizzaw il-bżonnijiet relatati mad-diżabilità tagħhom.
  • It-tieni, li noffru akkomodazzjoni f’appartamenti jew djar żgħar fil-komunità għal dawk li jeħtieġu livelli differenti ta’ appoġġ filwaqt li dejjem niżguraw il-privatezza, inkluż kmamar individwali.
  • It-tielet, li noħolqu ambjenti speċjalizzati għal persuni bi bżonnijiet kumplessi, fejn jista’ jingħata appoġġ mingħajr ma tkun kompromessa d-dinjità tal-persuna.

Din mhux biss teorija; hija obbligazzjoni morali. Hija dak li teħtieġ l-inklużjoni vera. L-aqwa test tal-progress mhuwiex in-numru ta’ servizzi offruti, imma jekk il-persuni b’diżabilità jħossux li ħajjithom tirrifletti t-tamiet tagħhom stess u mhux il-konvenjenza ta’ sistema.

Sittin sena wara li Mons. Mikiel Azzopardi tkellem għall-ewwel darba fuq il-mikrofonu u qasam ix-xewqa tiegħu, Malta tinsab mill-ġdid f’salib it-toroq. Se nikkuntentaw ruħna li nżommu dak li jeżisti, jew ikollna l-kuraġġ, kif għamel darba hu li nimmaġinaw aktar? Jekk nagħżlu din tal-aħħar, allura l-legat tiegħu mhux biss jibqa’ mfakkar, imma jibqa’ ħaj, u jmexxina ’l quddiem.

Mons. Martin Micallef
Direttur tad-Dar tal-Providenza u Vigarju Episkopali għad-Djakonija