Villa Papa Giovanni
Fl-1971 beda x-xogħol fuq il-bini tat-tieni Villa biex tilqa’ fiha ħamsin resident ieħor. Din id-dar, li ssemmiet Villa Papa Ġiovanni, kienet inawgurata mill-Eċċ. Tiegħu Mons. Mikiel Gonzi, Arċisqof ta’ Malta fid-19 ta’ Marzu 1974. Fiha kien hemm kappella, pool terapewtika, gym, kmamar għall-attivitajiet u uffiċini amministrattivi. Il-bini kien iddisinjat mill-Perit Arthur Cutugno. Illum fiha erba’ flettijiet separati: Anġlu Kustodju, Warda, Sant’Antnin u Livia. Sfortunatament il-pool terapewtika m’għadhiex tiffunzjona għalkemm l-amministrazzjoni preżenti qed taħdem biex terġa’ tibniha.
Fl-2002, fuq in-naħa tax-xellug tal-kapella, ġie inawgurat mill-Eċċ. Tiegħu Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof ta’ Malta, mużew biex ifakkar lill-Mons. Azzopardi.
Il-kappella kienet rinovata fl-2005 taħt is-superviżjoni tal-Perit Dott. Conrad Thake. Il-ħġieg antik tat-twieqi inbidlu fi stained glass iddisinjati mill-artist Luciano Micallef waqt li l-kurċifiss ta’ din il-kapella hu xogħol tal-iskultur Anton Agius. Fl-2012 il-ħġieġ tat-twieqi tal-bibien tal-kappella inbidlu f’erba’ fused glass xogħol kollu kemm hu tal-artist Luciano Micallef.
This post is also available in: English