SPRED
Fid-dinja tal-lum kulħadd sar konxju li persuni b’diżabiltajiet intellettwali, bħala membri mgħammda tal-Knisja tagħna, għandhom drittijiet spiritwali kif ukoll ħtiġijiet spiritwali. Matul is-snin fid-Dar tal-Providenza ppruvajna nindirizzaw l-importanza li nwieġbu għal dawn il-ħtiġijiet tagħhom.
Fl-2004, Id-Dar tal-Providenza bdiet tuża l-metodu msejjaħ SPRED – Żvilupp Speċjali Reliġjuż – li għal bosta snin intuża b’suċċess f’bosta partijiet tad-dinja. Fi SPRED kull persuna b’diżabilità ntellettwali għandha sponsor u tagħmel parti minn komunità żgħira ta’ (normalment) 14-il ruħ. Biex jieħdu benefiċċju akbar fis-sens ta’ dak li huwa spiritwali, l-ambjent fejn jiltaqgħu huwa ppreparat b’reqqa kbira. Din hija kamra li toffri merħba ta’ mħabba b’distrazzjonijiet mill-inqas u li tgħin lil dawk li jattendu biex ilestu ruħhom għal esperjenza tassew spiritwali. Wara madwar 45 minuta, il-grupp jinġabar madwar il-Kelma t’Alla f’kamra oħra li hija qisha oratorju u jitmexxew, minn Katekist Mexxej, f’katekeżi sinifikattiva. Dak li huwa reali għar-residenti tagħna huma l-affarijiet ordinarji fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum – li jieklu, li jixorbu, li jidħku mal-ħbieb, li jistennew lil xi ħadd ġej jew li jmorru x’imkien. Huma propju dawn il-ġrajjiet ordinarji li jiġu mfakkra f’sessjoni ta’ SPRED. Mill-uman, imbagħad ngħaddu għad-Divin għax Alla juri ruħu fl-affarijiet ordinarji. Kull sessjoni tintemm bil-qsim tal-ikel madwar mejda li kulħadd jagħti daqqa t’id għall-preparazzjoni tagħha. L-esperjenza kollha hija ta’ madwar sagħtejn.
Il-grupp ta’ katekisti jiltaqgħu il-ġimgha ta’ wara biex jagħmlu analiżi tal-aħħar laqgħa u biex jippreparaw, permezz tat-talb, għal-laqgħa li tmiss.
Ladarba l-Katekeżi u l-Liturġija huma intrinsikament konnessi, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Quddiesa fil-Kappella tad-Dar tal-Providenza jieħdu sinifikat aktar profond. Il-kwiet u s-sens ta’ talb esperjenzati fil-laqgħat ta’ SPRED jagħtu sens akbar lill-Liturġija. Permezz ta’ dan il-bilanċ bejn katekeżi u liturġija, kulħadd huwa mrawwem biex jifhem aħjar il-misteru ta’ Alla li “jwettaq xi ħaġa sabiħa għalina u fostna.”
Fi SPRED, il-volontiera jikbru fil-fidi. Il-ħbieb jikbru fil-fidi. Flimkien, bħala kompanji, jagħmlu mixja fil-fidi u jaqsmu bejniethom din il-fidi.
Min hu nteressat jaqsam din il-fidi u l-ħbiberija ma’ persuni b’diżabilità intellettwali jista’ jikkuntattja lil SPRED permezz ta’ Imejl fuq spred@dartalprovidenza.org
This post is also available in: English