Festa ta’ Ġenerożità
Fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena d-Dar tal-Providenza torganizza Festa ta’ Ġenerożità fid-Dar tas-Siġġiewi biex tiġbor fondi tant meħtieġa għad-Dar. Kull sena aktar minn ħames miljun euro huma meħtieġa għat-tmexxija tad-djar tagħha inklużi dawk fil-komunitajiet tas-Siġġiewi, l-Qawra, Birkirkara, ż-Żurrieq w aktar tard il-Balluta. Din l-attività ta’ ġbir ta’ flus hija waħda mill-ewlenin li jsiru matul is-sena.
Il-Festa ta’ Ġenerożità tibda b’Quddiesa fil-kappella tad-Dar w aktar tard uħud mill-aqwa talent Malti jieħdu sehem f’maratona ta’ 15-il siegħa li ssir taħt it-tinda li tiġi armata apposta fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza. Dan l-avveniment jixxandar dirett fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televiżjoni. Bosta huma dawk il-Maltin li matul il-jum tal-ewwel tas-sena ‘l ġdida jerħulha lejn is-Siġġiewi biex jagħmlu d-donazzjoni tagħhom u jgawdu l-atmosfera.
Marbut mal-Festa ta’ Ġenerożità, fil-ġimgħat bikrin ta’ Diċembru jsir irkant ta’ xogħlijiet tal-arti ġentilment mogħtija minn artisti Malti u barranin. Dawn l-aħħar snin, bil-permess ġentili u bil-patrunaġġ tal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Dr Anġlu Farrugia, ssir wirja tax-xogħlijiet tal-arti fl-intrata tal-bini tal-Parlament fil-Belt Valletta. Dan l-aħħar ukoll, l-irkant kien qed isir fl-istess post tal-wirja. Ix-xogħlijiet kollha tal-arti jkunu wkoll esibiti on line fuq www.dtpauction.com
This post is also available in: English