Maratona tal-Volleyball

Kull sena, Id-Dar tal-Providenza torganizza l-BOV Volleyball Marathon. L-ewwel edizzjoni kienet fl-2009. Din hi maratona ta’ 53 siegħa ta’ logħob kontinwu li ssir fl-ewwel tmiem il-ġimgħa ta’ Lulju.

L-għan tal-maratona hu li jinġabru fondi għad-Dar tal-Providenza fil-ħidma tagħha biex tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u tkompli tgħin fl-iżvilupp sħiħ u l-inklużjoni soċjali tal-persuni b’diżabilità li jużaw is-servizzi tagħha.

Għanijiet oħra huma li tinkoraġġixxi l-ħidma volontarja, l-isports u r-rispett lejn il-persuni b’diżabilità li għandhom jingħataw l-għażliet u l-opportunitajiet kollha li kull ċittadin għandu dritt igawdi.

Il-maratona ssir fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi u tixxandar għal partijiet twal fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televiżjoni.

Dawk li jixtiequ jieħdu sehem bħala players jew volontiera fil-maratona għandhom iniżżlu minn fuq l-internet l-applikazzjoni relevanti jew jidħlu fuq www.facebook.com/Volley4DTP . Normalment, l-applikazzjonijiet joħorġu bejn April u Mejju ta’ kull sena.

Karus ta’ Mħabba

Id-Dar tal-Providenza għandha karusijiet speċjali għat-tfal li jitqassmu fi skejjel u parroċċi għal żmien ir-Randan li fihom huma jistgħu jfaddlu xi flus biex jgħinu lid-Dar.

Ma’ kull karus jingħata fuljett li jispjega li l-flus miġbura jintużaw għall-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità biex huma jkollhom opportunitajiet indaqs u jgħixu f’ambjent fejn jistgħu jħobbu u jinħabbu, jitgħallmu u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-oħrajn, jikbru fil-fidi, jaħdmu u jgawdu l-ħajja bħal kull persuna umana oħra.

Il-fuljett juri li din l-inizjattiva hi biss qatra f’oċean ta’ x’nistgħu nagħmlu favur il-persuni b’diżabilità.

Skejjel u parroċċi li jridu jipparteċipaw f’din il-katina ta’ imħabba jistgħu jċemplu fuq 21462844 jew 21464915 jew jikkuntattjawna b’imejl fuq info@dartalprovidenza.org

Il-Grupp tal-Ħbieb tad-Dar tal-Providenza, NSW Australia

Il-Grupp twaqqaf f’Ottubru 2011 bil-għan li jiġbor fondi għad-Dar tal-Providenza, Malta. Fil-preżent dan il-grupp hu mmexxi mis-sinjuri:

· Jim Borg, Fundatur/Ko-ordinatur

· Marisa Previtera, Segretarja

· Miriam Friggieri, Teżoriera

Il-Grupp tal-Ħbieb tad-Dar tal-Providenza hu l-ambaxxatur uffiċċjali tad-Dar f’New South Wales, l-Awstralja.

Kull min jixtieq aktar dettalji jew jixtieq jagħmel donazzjoni għandu/għandha jikkuntattja:

lill-Ko-ordinatur, Jim Borg fuq Tel: +61 296367767 • Mob: +61 418825591 Wieħed jista’ jikkuntattjah ukoll bl-imejl: foph@bigpond.com.

Dettalji tal-kont bankarju:

Commonwealth Bank of Australia
Account Name: Friends of Providence House (NSW)
BSB: 062 416
Account Number: 1019 9448.

Dan hu l-uniku kont bankarju uffiċċjali fl-Awstralja

Festa ta’ Ġenerożità

Fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena d-Dar tal-Providenza torganizza Festa ta’ Ġenerożità fid-Dar tas-Siġġiewi biex tiġbor fondi tant meħtieġa għad-Dar. Kull sena aktar minn ħames miljun euro huma meħtieġa għat-tmexxija tad-djar tagħha inklużi dawk fil-komunitajiet tas-Siġġiewi, l-Qawra, Birkirkara, ż-Żurrieq w aktar tard il-Balluta. Din l-attività ta’ ġbir ta’ flus hija waħda mill-ewlenin li jsiru matul is-sena.

Il-Festa ta’ Ġenerożità tibda b’Quddiesa fil-kappella tad-Dar w aktar tard uħud mill-aqwa talent Malti jieħdu sehem f’maratona ta’ 15-il siegħa li ssir taħt it-tinda li tiġi armata apposta fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza. Dan l-avveniment jixxandar dirett fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televiżjoni. Bosta huma dawk il-Maltin li matul il-jum tal-ewwel tas-sena ‘l ġdida jerħulha lejn is-Siġġiewi biex jagħmlu d-donazzjoni tagħhom u jgawdu l-atmosfera.

Marbut mal-Festa ta’ Ġenerożità, fil-ġimgħat bikrin ta’ Diċembru jsir irkant ta’ xogħlijiet tal-arti ġentilment mogħtija minn artisti Malti u barranin. Dawn l-aħħar snin, bil-permess ġentili u bil-patrunaġġ tal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Dr Anġlu Farrugia, ssir wirja tax-xogħlijiet tal-arti fl-intrata tal-bini tal-Parlament fil-Belt Valletta. Dan l-aħħar ukoll, l-irkant kien qed isir fl-istess post tal-wirja. Ix-xogħlijiet kollha tal-arti jkunu wkoll esibiti on line fuq www.dtpauction.com

Il-Bażar

Id-Dar għandha bażar li jinfetaħ għall-pubbliku kull nhar ta’ Tlieta filgħodu bejn it-8.00am u 12.30pm. F’dan il-bażar hemm bosta oġġetti li l-pubbliku jagħti lid-Dar biex jinbiegħu. Il-bażar jiftaħ ukoll waqt diversi attivitatjiet li d-Dar torganizza u li jkunu miftuħa għall-pubbliku. Għall-aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkuttattjana fuq: info@dartalprovidenza.org jew ċemplilna fuq: (00356) 21 462 844.

Bottijiet

Id-Dar tal-Providenza għandha numru ta’ bottijiet li jistgħu jitpoġġew fi ħwienet biex wieħed jista’ jagħmel donazzjoni żgħira.

Għall-aktar informazzjoni jew biex tal-ħwienet jistgħu jieħdu sehem f’din l-attività wieħed jista’ jċempel fuq 21462844 jew 21464915 jew jikkuntattjana b’imejl fuq info@dartalprovidenza.org.

Coin Boxes

Id-Dar tal-Providenza has a number of coin boxes which can be placed on shop counters for money collecting.

For more information or to be come part of this activity, shop owners or other entities can call us on 21462844 or 21464915 or contact us by email on info@dartalprovidenza.org .

Skema ta’ 25c ta’ Ewro – Inizjattiva dwar ir-Responsabbilità Soċjali

Għal ħamsa u ħamsin sena, Id-Dar tal-Providenza tipprovdi residenza permanenti u servizzi ta’ respite lill-persuni b’diżabilità.Illum id-Dar tiġbor fiha tliet residenzi fis-Siġġiewi: Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni u Villa Papa Luciani kif ukoll ħamest idjar fil-komunità: ‘Żerniq’ fis-Siġġiewi, ‘Akkwarell’ fil-Qawra, ‘Dar Pirotta’ f’Birkirkara, ‘Shalom’ fiż-Żurrieq u dar oħra fil-Balluta . Biex tagħti dan is-servizz l-ispiża hi waħda konsiderevoli – fil-preżent tlaħħaq madwar €10,000 kuljum.

Matul is-snin, id-Dar tal-Providenza rnexxielha tlaħħaq ma’ dawn l-ispejjeż grazzi għall-Providenza Divina u l-ħafna ħbieb u benefatturi f’Malta u barra minn Malta.

Wieħed mill-modi kif nistgħu niġbru l-fondi hu billi ninkoraġġixxu l-impjegati jwiegħdu li jagħtu 25 ċenteżmu ta’ Ewro (€0.25) fil-ġimgħa mill-paga tagħhom lid-Dar. Dan l-ammont żgħir jitnaqqas mill-paga tagħhom imbagħad il-kumpanija tgħaddieh fil-kont bankarju tad-Dar. Mill-esperjenza li kellna, din l-inizjattiva titlob ftit li xejn xogħol amministrattiv u ċerti li l-maġġoranza tal-impjegati ma jsibu l-ebda oġġezzjoni li jidħlu fiha.

Għalhekk qed nitolbu s-sapport tagħkom biex tidħlu f’din l-iskema u tħeġġu l-ħaddiema tagħkom jipparteċipaw fiha.

Kumpaniji interessati jistgħu jiksbu, jekk iridu, aktar informazzjoni dwar din l-iskema permezz ta imejl fuq info@dartalprovidenza.org.

Impjegati li jixtiequ jidħlu f’din l-iskema għandhom jikkunttajaw l-HR Manager tal kumpanija tagħhom. Jekk il-kumpanija tagħhom mhix diġà parti minn din l-iskema huma għandhom jinkoraġġixxu lil min iħaddimhom biex jagħmel dan.

Fondi

Donazzjonijiet oħra