Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna jagħti bidu għall-Festa ta’ Ġenerożità 2025

Il-jum speċjali tal-Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza marbut mal-jum speċjali tal-ewwel ta’ sena ġdida beda b’quddiesa fil-kappella tad-Dar fis-Siggiewi. Ikkonċelebra Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna megħjun minn Monsinjur Martin Micallef, Vigarju Episkopali għad-Djakonija u d-Direttur tad-Dar tal-Providenza flimkien mal-Arċipriet tal-parroċċa tas-Siġġiewi, Dun Josef Mifsud.

L-Arċisqof irrefera għall-ewwel qari meħud mill-Ktieb tan-Numri li jgħid li  l-Mulej iberikna u jħarisna, jixħet id-dija ta’ wiċċu fuqna u jurina l-ħniena u jħarisna bi mħabba filwaqt li jagħtina s-sliem u jberikna. Dawn huma tliet valuri sbieħ li nixtieq noffri u nawgura lill-poplu għażiż tagħna, minn dan il-post qaddis u għażiż, mid-Dar tal-Providenza, aħna u nibdew sena ġdida, nibdew ukoll il-maratorna ta’ solidarjetà b’risq din in-netwerk ta’ djar, fejn il-persuni ħutna jkunu jistgħu jgħixu kemm jista’ jkun b’awtonomija u jkollhom il-kura meħtieġa. Huwa semma lill-Papa Franġisku li qal li f’postijiet bħad-Dar tal-Providenza, li l-Arċisqof jirreferi għaliha bħala post qaddis,  fejn niltaqgħu ma’ residenti persuni b’diżabilità inkunu qed niltaqgħu ukoll ma’ Ġesù Kristu.

L-Arċisqof kompla jgħid li l-ewwel tas-sena huwa jum iddedikat għall-paċi tant mixtieqa u qal li hemm postijiet fid-dinja, li huma vittmi ta’ vjolenza, ta’ aggressjoni, ta’ gwerer. Ejjew nitolbu lill-Mulej iberikna bil-paċi tal-qalb tagħna.

108 Xogħlijiet tal-arti se jiġu rkantati waqt il-Festa ta’ Ġenerożità

B’appoġġ għad-Dar tal-Providenza, 108 xogħol tal-arti mill-isbaħ, ġenerożament mogħtija minn artisti lokali u barranin, se jiġu rkantati online fuq  www.belgraviaauctions.com matul il-Festa ta’ Ġenerożità nhar l-Erbgha, l-ewwel ta’ Jannar 2025.

Dawk li jixtiequ jagħtu titwila lil dawn ix-xogħlijiet tal-arti, jistgħu jagħmlu dan fis-sala tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi fejn ix-xogħlijiet kollha jkunu għall-wiri matul il-jum kollu.

Aktar minn €1,700 miġbura għad-Dar tal-Providenza minn “Marċellino Ħobż u Nbid”

Is-somma ta’ €1,793.95 inġabret miż-żewġ produzzjonijiet li ttellgħu ta’ “Marċellino Ħobż u Nbid” b’risq id-Dar tal-Providenza. Din il-produzzjoni kienet tassew speċjali, mhux biss għax ġabet flimkien talent lokali mill-aqwa, iżda wkoll għax ġiet imwettqa b’mod professjonali u bl-appoġġ mill-isbaħ tar-residenti tad-Dar tal-Providenza li taw l-aħjar tagħhom.

David Muscat li ħa ħsieb din il-produzzjoni esprima gratitudni sinċiera lill-voluntiera kollha li offrew mill-ħin u l-enerġija tagħhom biex din il-produzzjoni tkun possibbli. Huwa radd ħajr speċjali lill-kumpaniji li offrew l-ilbies, il-props u d-dettalji kollha tax-xenarju li żiedu mal-professjonalità u s-sbuħija ta’ din il-produzzjoni, kif ukoll lill-Ability Promoters li ħadmu b’sens ta’ tim eċċezzjonali taħt it-tmexxija ta’ Gordon Scicluna u Miguel Grech.

David Muscat wassal ukoll apprezzament mill-qalb lix-xogħol mill-aqwa tal-atturi ewlenin, fosthom Sandro Vella, Stephen Cutajar u Lydon Agius, li daħlu perfettament fil-partijiet rispettivi tagħhom, b’mod partikolari Lydon Agius fil-parti ta’ Marcellino, kif ukoll lill-make-up artist Laura Farrugia Camilleri li żgurat li d-dehra tal-karattri fuq il-palk kienet realistika u memorabbli.

Huwa temm billi rringrazzja lill-pubbliku ġeneruż li bl-għajnuna tiegħu setgħu jinġabru €1,793.95 matul dawn iż-żewġ rappreżentazzjonijiet. Din is-somma se tgħin biex inkomplu nappoġġjaw ix-xogħol li jsir u s-servizzi li toffri d-Dar tal-Providenza.

Ritratt: Fr Martin Micallef

Inawgurata wirja ta’ xogħlijiet tal-arti fil-Parlament ta’ Malta b’risq id-Dar tal-Providenza

F’diskors tal-ftuħ, Fr Martin Micallef, id-Drettur tad-Dar tal-Providenza, ħabbar li kemm ilha ssir din il-wirja ta’ xogħlijiet tal-arti fil‑Parlament, mill‑irkantijiet li saru d‑Dar daħħlet €226,542.

Huwa rringrazzja lill-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati, l-Onor. Dott. Anġlu Farrugia, li bħalma għamel għal dawn l-aħħar tmien snin din is-sena reġa’ offra lid-Dar tal-Providenza, il‑bini tal‑Parlament biex tkun tista’ ssir wirja ta’  108 biċċa xogħol tal‑arti mill‑isbaħ kemm ta’ artisti rinomati kif ukoll oħrajn li għadhom fil‑bidu tal‑karriera artistika tagħhom bħal Tonio Mercieca, artist li jpenġi b’ħalqu u li jgħix f’waħda mid‑djar fil-komunità li tmexxi d-Dar tal-Providenza.  Tonio qed jieħu sehem f’din l‑esibizzjoni għall‑ewwel darba.

F’kelmtejn tal-okkażjoni fl-inawgurazzjoni tal-wirja ta’ din is-sena, l-iSpeaker faħħar ix-xogħol imprezzabbli li d-Dar tas-Siġġiewi qed tkompli twettaq fis-soċjetà tagħna u tenna li d-Dar mhux biss hija kenn għall-persuni b’diżabilità, iżda wkoll simbolu tal-imħabba u s-solidarjetà li jgħammar fil-qalb tal-poplu tagħna.

L-iSpeaker qal ukoll li l-wirja artistika hija eżempju ċar tal-ispirtu ġenwin ta’ għaqda u ġenerożità, hekk kif il-kontribuzzjonijiet tal-artisti u l-appoġġ tal-pubbliku jkomplu jagħtu l-ħajja lil din il-missjoni qaddisa. Waqt li irringrazzja lil Fr Martin għall-impenn kontinwu tiegħu,  l-iSpeaker esprima l-fiduċja tiegħu li din l-inizjattiva se tkun suċċess kbir u turi għal darb’oħra l-qawwa tas-solidarjetà tal-poplu Malti u Għawdxi

L‑irkant ta’ dawn ix‑xogħlijiet ser isir online nhar l‑ewwel tas‑sena waqt il‑Festa ta’ Ġenerożità u se jitmexxa minn Belgravia Auctions.   Din il‑wirja se tkun qed terġa’ tittella’ fis‑sala tad‑Dar tal‑Providenza nhar l‑1 ta’ Jannar meta se jkun qed isir l‑irkant.

Fr Martin kompla jgħid li grazzi għall‑appoġġ sħiħ tas-soċjetà Maltija, id‑Dar tal‑Providenza tibqa’ impenjata li tkompli ttejjeb il‑kwalità tal‑ħajja tar‑residenti u s‑servizzi li toffri u anke biex ir‑residenti jkunu inklużi u jipparteċipaw dejjem aktar fil‑ħajja tal‑komunitijiet tagħna.

Huwa temm billi ħeġġeġ lill‑poplu Malti u Għawdxi biex fl‑1 ta’ Jannar  ikompli jagħmel dan waqt il‑Festa ta’ Ġenerożità li din is‑sena se terġa’  ssir fil‑car park tad‑Dar, fis‑Siġġiewi, imma anke permezz tal‑irkant.

L-Eden Leisure Foundation tagħti żewġ defibrillators lid-Dar tal-Providenza

L-Eden Leisure Foundation (ELF) ippreżentat lid-Dar tal-Providenza żewġ defibrillators flimkien ma’ żewġ donazzjonijiet ta’ €3,000 kull waħda mill-Eden Leisure Group u mill-Eden Hospitality Limited. L-ELF kienet saqsiet lill-amministrazzjoni tad-Dar b’liema mod tista’ tgħin u t-tweġiba kienet defibrillators.

Id-defibrillator huwa apparat li japplika ċarġ elettriku jew kurrent lill-qalb biex terġa tħabbat b’mod normali. Jekk il-qalb tieqaf tħabbat minħabba l-hekk imsejjaħ arrest kardijaku, id-defibrillator jista’ jgħin biex il-qalb tibda tħabbat mill-ġdid. L-apparat se jiġi installat f’postijiet strateġiċi fid-djar fil-komunità.

L-amministratur tad-Dar tal-Providenza, Ms. Nadine Camilleri Cassano irringrazzjat lill-Eden Leisure Foundation għall-għoti tad-defibrillators u għad-donazzjoni ta’ €6,000 kif ukoll lill-Eden Leisure Group għall-appoġġ kontinwu tiegħu.

Premju Nazzjonali Volontier tas-sena 2024

Tony Sammut, volontier tad-Dar tal-Providenza u ta’ diversi għaqdiet oħra, rebaħ il-Premju Nazzjonali Volontier tas-Sena 2024. Huwa qal li qed, “jiddedika dan il-premju lil ommu, lil missieru u lid-Dar tal-Providenza.” Il-premju ingħata waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat 2024 organizzata mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju.

Mons. Victor Grech kien mogħti l-Premju Nazzjonali Speċjali għall-ħidma Volontarja 2024.  Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta rċieva dan il-Premju f’isem Mons. Victor Grech li kien indispost.

F’messaġġ qasir irrekordjat Mons. Grech qal, “Jiddispjaċini ħafna li ma stajtx inkun magħkom fiżikament.  Nirringrazzja lill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat għal dan il-premju speċjali. Il-volontarjat kien u jibqa’ settur għal qalbi għax dejjem emmint fih. Kien permezz ta’ grupp żgħir ta’ volontiera li bdew is-servizzi fi ħdan il-Caritas b’risq persuni fil-bżonn.  Inħeġġeġ li tibqgħu tgħożżu u taħdmu sabiex dan is-settur jibqa’ jiġi rikonoxxut u apprezzatt.  Nistieden lil kull min jista’ biex jimpenja ruħu f’xi għaqda jew imidd idejh biex jgħin lil xi ħadd vulnerabbli.  Permezz tal-volontarjat tirċievi aktar milli tagħti.  Nirringrazzjakom mill-ġdid u napprezza ħafna dan il-premju. Tisljiet minn qalbi.”

Premjijiet oħra ingħataw lil:

  • Dylan Farrugia volontier fi ħdan il-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija li rebaħ il-Premju Volontier Żagħżugħ/a tas-Sena 2024,
  • Victoria Fenech volontiera fi ħdan The Malta Rabbit Club rebħet il-Premju Victor Calvagna għat-Tifel/Tifla Volontier tas-Sena 2024,
  • Rise Foundation rebħet il-Premju Nazzjonali Speċjali Proġett tas-Sena fis-Settur Volontarju 2023,
  • L-għaqda Equal Partners Foundation rebħet il-Premju Għaqda Volontarja tas-Sena 2024.

‘Marċellino Ħobż u Nbid’

 

Il-produzzjoni tal-Milied ta’ din is-sena fid-Dar tal-Providenza hija ‘MARĊELLINO ĦOBŻ U NBID’. Dramm bi 3 atti mnebħa mill-film ‘Marcellino Pane e Vino’ maqluba għall-Malti, b’direzzjoni u b’arranġament għal fuq il-palk minn David Muscat.

‘MARĊELLINO ĦOBŻ U NBID’, bis-sehem tar-residenti tad-Dar, ħaddiema u voluntiera, se jsir nhar l-Erbgħa 18 ta’ Diċembru u l-Ħamis 19 ta’ Diċembru fis-7.00pm fis-Sala San Pawl. Il-familjari tar-residenti kif ukoll il-pubbliku huma mistiedna jaraw id-dramm li jieħu madwar siegħa u nofs. Id-dħul huwa b’xejn iżda kull donazzjoni tiġi apprezzata.

Dawk interessati huma mitluba jibbukkjaw minn qabel fuq 9945 7784 jew mir-reception tad-Dar tal-Providenza fuq 2146 2844 jew 2146 4915.

F’kumment li għamel, id-direttur tal-produzzjoni David Muscat, qal li l-iskop wara produzzjonijiet teatrali bħal dawn huwa li r-residenti jistghu jesprimu l-ħiliet tagħhom permezz tad-drama. Din is-sena, se jkunu qed jieħdu sehem flimkien mar-residenti l-attur Sandro Vella u Lydon Agius, it-tifel li se jinterpreta l-parti ta’ Marċellino, li rebaħ l-ewwel edizzjoni tal-Malta’s Got Talent.

Dun Anġ Seychell jingħata l-Premju Mons. Mikiel Azzopardi ta’ din is-sena

Fil‑knisja parrokkjali taż‑Żejtun il‑Ġimgħa filgħaxija Dun Anġ Seychell, wara mewtu, ġie mogħti l‑Premju Mons. Mikiel Azzopardi għal din is-sena għall‑kontribut kbir tiegħu fil‑qasam tal‑persuni b’diżabilità. Dan tħabbar minn Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, waqt il‑kunċert annwali mill‑banda tal‑Forzi Armati ta’ Malta. Dun Anġ kien saċerdot Żejtuni li ddedika ħajtu għall‑oħrajn b’mod speċjali għall‑persuni b’diżabilità li tant kien jirrispetta li saħansittra offra daru stess biex jgħixu fiha. Bit‑twaqqif ta’ Fondazzjoni Nazareth, Dun Anġ assigura li s‑servizzi residenzjali li beda joffri jibqgħu jiġu offruti fis‑snin li ġejjin.

Il‑premju Mons. Mikiel Azzopardi kien ippreżentat minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna lil Ms. Muriel Grech, Direttur għall‑Proġetti Kapitali fil‑Fondazzjoni Nazareth wara li Etienne Schembri, preżentatur tas‑serata imma wkoll Direttur Amministrattiv tal‑Fondazzjoni qara l‑bijografija ta’ Dun Anġ.

Aktar kmieni, Fr Martin qal li ninsabu fuq l‑għatba ta’ sena ġdida, sena li fiha d‑Dar tal‑Providenza se tkun qed tiċċelebra s‑sittin sena mit‑twaqqif tagħha.  Ninsabu wkoll fuq l‑għatba tal‑Ġublew tat‑Tama. Fil‑bolla tal‑Indizzjoni għall‑Ġublew 2025, Papa Franġisku jsejjaħ opri soċjali bħad‑Dar tal‑Providenza, opri ta’ tama.  Hu  jiddefinixxi s‑servizzi inklużivi li jingħataw minn dawn l‑istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet bħala, “innu lid‑dinjità umana, għanja ta’ tama.”

Fr Martin kompla jgħid li  filwaqt li nħarsu lura lejn dawn is‑sittin sena ta’ ħidma tad‑Dar tal‑Providenza,  bħala soċjetà, bħala Knisja u bħala individwi nistgħu vemanent ngħidu li d‑Dar kienet, għada u nittammaw li tibqa’, “innu lid‑dinjità umana, għanja ta’ tama.”  Tul dawn is‑sittin sena d‑Dar tal‑Providenza offriet tama lil madwar 270 persuna b’diżabilità billi offritilhom residenza, f’ambjent jixbaħ lil ta’ familja, ambjent sikur u fuq kollox ambjent li jirrispetta d‑dinjità u d‑drittijiet tagħhom.

Fr Martin temm jgħid li d‑Dar offriet u għada toffri tama mhux biss lil dawk li jeħtieġu residenza permanenti imma wkoll lil dawk il‑persuni b’diżabilità u l‑familjari tagħhom li jeħtieġu s‑servizz ta’ respite, fost servizzi oħra. Jalla l‑Ġublew tat‑Tama jkompli jimliena bil‑ħeġġa biex fis‑snin li ġejjin inkomplu, kif jgħid Papa Franġisku, “niftħu beraħ b’ġenerożità l‑bibien tal‑akkoljenza, biex lil ħadd qatt ma tonqsu t‑tama ta’ ħajja aħjar.”

Matul il‑kunċert, li kien taħt id‑direzzjoni tas‑Surmast u Direttur Mużikali, il‑Maġġur Jonathan Borg, indaqqu xogħlijiet vokali u strumentali ta’ kompożituri magħrufa barranin flimkien ma’ siltiet tal‑kompożituri Maltin Tano Monseigneur, Ray Magri u Ssgt Gilbert Camilleri li kkompona s‑silta ‘Refuġju’ b’dedika lil Staff Sergeant Tony Lautier li miet f’Settembru li għadda fl‑età ta’ 60 sena. F’mument emozjonanti Ssgt Camilleri ppreżenta lis‑Sinjura Lautier, il‑partitura ta’ ‘Refuġju’ flimkien ma’ tifkira tar‑raġel tagħha.

Wara l‑preżentazzjoni ta’ tifkiriet lil uħud minn dawk li taw sehemhom, Mons. Arċisqof għamel diskors qasir li fih fakkar u faħħar il‑ħidma fejjieda ta’ Dun Anġ Seychell fil‑qasam tal‑persuni b’diżabilità. Fakkar ukoll fil‑ħidma tad‑Dar tal‑Providenza tul dawn l‑aħħar sittin sena u ħeġġeġ lill‑poplu Malti u Għawdxi biex fil‑Festa ta’ Ġenerożità tal‑ewwel tas‑sena jerġa jagħti l‑appoġġ finanzjarju tiegħu bħalma dejjem għamel fl‑imgħoddi.

Ritratt; Ian Noel Pace, Arċidjoċesi ta’ Malta

Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza fl-Ewwel ta’ Jannar 2025

Għal darb’oħra, il‑Festa ta’ Ġenerożità b’risq id‑Dar tal‑Providenza se terġa tiġi organizzata taħt it‑tinda l‑kbira fil‑parkeġġ tas‑Siġġiewi. Dan  tħabbar  minn Fr Martin Micallef, Direttur u mis‑Sinjura Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad‑Dar, waqt konferenza tal‑aħbarijiet li saret nhar l‑Erbgħa 27 ta’ Novembru 2024.

Bħalma sar waqt edizzjonijiet riċenti, il‑Festa ta’ Ġenerożità se tkun trasmessa fuq l‑istazzjonijiet ewlenin tat‑televixin bejn l‑10:00am u nofsillejl. Fid‑9:30am, TVM2 ixandar il‑quddiesa mill‑kappella tad‑Dar li se titmexxa mill‑E.T. Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna.

Fr Martin ħabbar li s‑sena 2025 se tkun sena speċjali għad‑Dar tal‑Providenza għax se tkun qed tfakkar is‑60 sena mit‑twaqqqif tagħha. Dan ħabbru Fr Martin Micallef li qal li tul dawn is‑snin id‑Dar offriet residenza permanenti lil 270 persuna b’diżabilità kif ukoll bosta oħra li ġew offruti s‑servizz ta’ respite.  Id‑Dar dejjem offriet servizzi personalizzati ta’ kwalità lir‑residenti, servizzi li jirrispettaw id‑drittijiet u d‑dinjità tagħhom.  Dan kien possibli biss grazzi għall‑appoġġ kontinwu tal‑poplu Malti u Għawdxi.

Fr Martin żied jgħid li d‑Dar se tkun qed tiċċelebra dan l‑avveniment bi tnedija ta’ strateġija għas‑snin li ġejjin li tpoġġi d‑deistituzzjonalizzazzjoni fiċ‑ċentru tagħha fid‑dawl tal‑prinċipji tal‑Konvenzjoni tan‑Nazzjonijiet Uniti għad‑Drittijiet tal‑Persuni b’diżabilità billi toffri aktar servizzi residenzjali fil‑komunità u atternattivi oħra ta’ sapport skont ix‑xewqat tal‑persuna.

Fr Martin tkellem ukoll dwar il‑ħidma li qed issir fid‑Dar li kompliet fuq il‑proġett ta’ rinovar ta’ erba’ flats f’Villa Papa Giovanni fejn ix‑xogħol fuq wieħed minnhom tlesta f’Mejju li għadda u x‑xogħol fuq it‑tieni wieħed mistenni jkun lest kmieni s‑sena d‑dieħla. Id‑Dar kompliet tinvesti fir‑riżorsa umana anke b’impjieg ta’ professjonisti, taħriġ kontinwu lill‑impjegati, xiri ta’ apparat ġdid, manutenzjoni, u proġetti oħra biex tkompli ttejjeb is‑servizzi tagħha.

Il‑Festa ta’ Ġenerożita tal‑1 ta’ Jannar, hija appuntament annwali, fejn id‑Dar tista’ ddur lejn il‑poplu Malti u Għawdxi biex jgħinnha finanzjarjament għax l‑ispejjeż huma kbar.  Fil‑fatt, id‑Dar għandha bżonn madwar 7 miljun ewro kull sena biex topera.

Ms Nadine Camilleri Cassano, l‑Amministratur tad‑Dar tal‑Providenza tkellmet dwar id‑diversi attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi li se jsiru matul ix‑xahar ta’ Diċembru li jwasslu għall‑ewwel tas‑sena u kif il‑poplu jista’ jgħin.

Hija spjegat kif id‑donazzjonijiet jistgħu isiru mill‑lum stess sal‑ewwel tas‑sena b’wieħed minn dawn il‑mezzi.  Fil‑fatt, dawn id‑donazzjonijiet se jkunu inklużi fis‑somma totali li titħabbar fi tmiem il‑maratona fl‑1 ta’ Jannar 2025.

€15         51702013

€25         51802014

€50         51902085

€100     51302022

SMS €7   50618922

Wieħed jista’ wkoll jagħmel donazzjoni b’mod faċli fuq Paypal u kontijiet tad‑Dar tal‑Providenza mal‑banek ewlenin: APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank, BNF Bank.

Donazzjonijiet via BOV Mobile u myAPS Payment to Mobile (P2M) jistgħu isiru fuq 7932 4834.

Aktar minn hekk, individwi jistgħu wkoll jibgħatu d‑donazzjoni tagħhom ta’ iżjed minn €20 permezz ta’ ċekk lid‑Dar tal‑Providenza, Triq Lapsi, is‑Siġġiewi  SGW2822. Għandhu jiġi nnutat li skont direttiva mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta ċekkijiet wara ta’ inqas minn €20 ma jistgħux jissarfu mill‑banek Maltin.

Donazzjonijiet oħra jintlaqgħu fl‑uffiċċju tad‑Dar tal‑Providenza, fi Triq San Pawl il‑Belt (wara s‑suq), mit‑Tlieta sas‑Sibt filgħodu bejn id‑9:00 am u n‑12:00 pm, mill‑Paola Catholic Bookshop, kif ukoll mill‑Pjazza tar‑Rabat Malta fil‑ġranet ta’ qabel il‑Milied sal‑1 ta’ Jannar 2025.

Tkellmet ukoll is-Sinjura Amanda Ciappara, li qalet li l‑Maratona ta’ 30 siegħa xandir mużikali organizzata minn Radju RTK se ssir fi tmiem din il‑ġimgħa  bejn is‑Sibt 30 ta’ Novembru u l‑Ħadd l‑1 ta’ Diċembru 2024.

 

Kunċert vokali u strumentali mill-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta

Kull sena d-Dar tal-Providenza torganizza kunċert marbut mal-Jum Dinji tal-Persuni b’Diżabilità li jiġi ċċelebrat fit-3 ta’ Diċembru u se jsir nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Novembru 2024 fis-7.30pm fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina V.M. fiż-Żejtun.

Fil-kunċert, li se jsir taħt il-patroċinju distint tal-E.T. Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna, tieħu sehem il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta taht id-direzzjoni tas-Surmast u Direttur Mużikali tagħha, il-Maġġur Jonathan Borg.

Il-programm jinkludi xogħlijiet ta’ Puccini, Hansen, Schubert, Vivaldi, Morricone, De Haan, Lloyd Weber, Innocenzi u Swearingen. Ma jonqsux siltiet minn kompożituri Maltin Tano Monseigneur, Ssgt Gilbert Camilleri u Ray Magri.

Matul is-serata jitħabbar ukoll ir-rebbieħ/a tal-Premju Mons. Mikiel Azzopardi għal din is-sena. Premju li jingħata bħala għarfien tal‑kontribut mogħti lid‑Dar tal‑Providenza minn persuni jew oganizzazzjonijiet li jaħdmu fil‑qasam tal‑persuni b’diżabilità.

Id‑dħul huwa b’xejn u min hu interessat jista’ jibbukkja s‑seats billi jirreġistra mar‑ reception desk tad‑Dar tal‑Providenza b’telefonata fuq 21462844 – 21464915 jew b’email fuq: info@dartalprovidenza.org sa mhux aktar mill‑Ġimgħa, 15 ta’ Novembru 2024.

Ritratt: Justin Gatt