Jitlesta proġett ieħor ta’ rinovar fid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi
Id-Dar tal-Providenza lestiet xogħol estensiv ta’ rinovar ta’ wieħed mill-flatijiet tad-Dar. Dan kien it-tieni flat li kien rinovat f’dawn l-aħħar sentejn.
Waqt ċerimonja qasira li għaliha kienu mistiedna r-residenti, il-familjari, il-ħaddiema u volontiera tad-Dar, Mons. Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar, filwaqt li rringrazzja lill-impjegati kollha li ħadmu fuq dan il-proġett, qal li d-Dar tibqa’ impenjata li toffri ambjent dinjituż u sikur fejn jgħixu r-residenti. Huwa rringrazzja lill-benefatturi kollha li b’xi mod għenu biex dan il-proġett seta’ jkun possibli.
Fix-xhur li ġejjin se jibda xogħol ta’ rinovar fuq flat ieħor.



