Quddiesa b’sufraġju għal Mons. Mikiel Azzopardi

Nhar is-Sibt 10 ta’ Mejju, id-Dar tal-Providenza flimkien mal-Azzjoni Kattolika Maltija organizzaw quddiesa b’sufragju għall-fundatur tad-Dar, Mons. Mikiel Azzopardi fl-okkażjoni tat-38 anniversarju mill-mewt tiegħu. Huwa kien miet fit-13 ta’ Mejju 1987 fl-eta ta’ 77 sena.

Il-quddiesa kienet iċċelebrata mill-Assistent Ekkleżjastiku taż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ZAK) Fr Reuben Gauci, flimkien ma’ Mons. Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza. Għal din il-quddiesa kienu preżenti, r-residenti tad-Dar, impjegati, voluntiera, id-Direttorat tal-Azzjoni Kattolika Maltija u l-anzjani tar-residenza tal-anzjani li tmexxi l-Knisja, Casa Leone ta’ San Ġiljan.

Fl-omelija tiegħu, Fr Martin tkellem dwar il-kwalitajiet tar-Ragħaj it-Tajjeb u qal li dawn kienu riflessi f’nies li Alla bagħtilna bħala rigal fosthom il-mibki Papa Franġisku, lill-Papa l-ġdid, Iljun XIV u Mons. Mikiel Azzopardi. Mons. Micallef fakkar li llkoll kemm aħna msejjħa biex inkunu ragħajja skont il-qalb ta’ Alla, skont is-sejħa partikolari tagħna u fl-ambjenti kollha li fihom ngħixu u naħdmu.

Fl-aħħar tal-quddiesa, il-President tal-Azzjoni Kattolika Maltija, Marija Cachia, rringrazzjat lir-residenti u impjegati tad-Dar tal-Providenza tal-merħba li taw, kif ukoll lir-residenti ta’ Casa Leone li flimkien mal-persuni responsabbli mit-tmexxija tad-dar u tal-uffiċċju Djoċesan għad-Djar tal-anzjani laqgħu l-istedina biex jattendu. Dan hu appuntament li jinżamm ta’ kull sena mhux biss b’rispett lejn Mons Mikiel Azzopardi imma wkoll b’rispett lejn dak li jirrapreżenta. Kif Dun Martin qal fl-omelija tiegħu, Mons Azzopardi kien iqiegħed l-Evanġelju fi prattika speċjalment b’rispett lejn id-dinjità ta’ kull persuna sa mill-konċepiment għall-mewt naturali tagħha.

Il-Papa Ljun XIV fakkarna li Alla jħobb lil kulħadd mingħajr kundizzjoni. Forsi dawn huma kliem li bħala soċjetà neħtieġu niġu mfakkra fihom.

Strieħ fis-sliem, Frankie

Frankie Bonello, resident għal bosta snin fir-Dar tal-Providenza, miet il-Ħadd, 11 ta’ Mejju 2025, filgħaxija u ngħaqad mal-Mulej fis-sema.

Frankie, kien il-wiċċ tad-Dar tal-Providenza, kellu karattru ferrieħi u kien il-ħabib ta’ kulħadd u kulħadd kien ħabib tiegħu.

F’post fuq facebook, Mons. Martin Micallef qal li għaxar snin ilu Frankie kellu l-opportunità jiltaqa’ u jgħannaq lil Papa Franġisku, ħdejn Casa Santa Marta, fil-Belt tal-Vatikan.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna, li kien preżenti mal-grupp ta’ residenti, ħaddiema u volontiera li kienu Ruma fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tad-Dar tal-Providenza,  kien qal li r-residenti stennew li jasal il-Papa b’ħerqa kbira u Frankie ħa l-opportunità li lill-Papa jgħannqu tliet darbiet. U l-Papa ħa pjaċir b’din it-tgħannieqa.

Fr Martin qal li llum Frankie żgur li reġa’ għannaq lil Papa Franġisku, din id-darba fis-sema fejn it-tnejn qed igawdu lil Mulej. Għal dawk kollha li kienu jafuh, Frankie jibqa’ bħala persuna b’imħabba sinċiera u ġenwina.

Il-funeral tiegħu ser isir nhar il-Ħamis 15 ta’ Mejju 2025, fil-kappella tad-Dar tal-Providenza fl-4:00 pm

Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja ta’ Papa Franġisku

It-Tnejn 21 ta’ April 2025, fis-7:35 ta’ filgħodu, Papa Franġisku rritorna fid-dar tal-Missier. Huwa ta ħajtu kollha għas-servizz tal-Mulej u tal-Knisja tiegħu. Hu għallimna biex ngħixu l-valuri tal-vanġelu b’fedeltà, kuraġġ u mħabba l-aktar lejn il-foqra.

Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja għażiża tiegħu filwaqt li tibqa’ tgħożż il-laqgħa tiegħu ma’ grupp ta’ residenti fil-Vatikan fit-13 ta’ Settembru 2015, fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tad-Dar.

Fil-pontifikat tiegħu dejjem talab lilna l-fidili biex nitolbu għalih. Illum ngħidulu: Santità ftakar fina li qiegħed mal-Missier li tant ħabbejt u itlob għalina.

Il-Kulleġġ San Benedittu jiġbor €5,200 għad-Dar tal-Providenza waqt ġimgħatejn ta’ mobilità sostenibbli u benesseri.

Matul il-ġimgħatejn li għaddew, studenti mill-iskejjel kollha fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu ħadu sehem f’varjetà ta’ attivitajiet divertenti u fl-istess waqt sinifikanti li jippromwovu mobilità sostenibbli, attività fiżika u benesseri ġenerali – kollha ċċentrati madwar l-użu tar-rota.  Bis-sehem u l-ġenerożità ta’ kulħadd inġabret is-somma sabiħa ta’ €5,200 b’risq id-Dar tal-Providenza.

Ms Roberta Argento, il-Prinċipal tal-Kulleġġ, qalet li dawn l-attivitajiet ġabru flimkien studenti, għalliema u l-komunità in ġenerali fi sforz wieħed bħala appoġġ għal kawża ġusta. Żiedet tgħid li dak kollu li sar jimmerita tifħir kbir lill-istudenti kollha, staff u familji tal-istudenti li bis-saħħa tagħhom din l-inizjattiva kienet suċċess kbir.

F’isem ir-residenti tad-Dar tal-Providenza, id-Direttur Mons. Martin Micallef irringrazzja l-Prinċipal tal-Kulleġġ San Benedittu, l-għalliema, l-istudenti u ġenituri għad-donazzjoni ġeneruża u s-solidarjetà tagħhom.

L-iskejjel fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu huma l-iskejjel primarji ta’ Birżebbuġa, Ħal Għaxaq, il-Gudja, Ħal Kirkop, Ħal Safi, iż-Żurrieq, l-Imqabba u l-Qrendi. L-iskola Sekondarja u Medja ta’ Ħal Kirkop u l-Helen Keller Resource Centre.

L-Old Motors Club Malta jiġbor €6,700 b’risq Id-Dar tal-Providenza

Is-somma sabiħa ta’ €6,700 inġabret f’attività annwali ta’ ġbir ta’ fondi b’risq id-Dar tal-Providenza li saret mill-Old Motors Club Malta nhar l-Erbgħa 19 ta’ Marzu 2025 fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi. Għal din l-attività kien hemm l-akbar numru ta’ karozzi klassici li ħadu sehem,  l-akbar attendenza li qatt kien hemm u, aktar importanti, ġbir rekord ta’ fondi.

Is-somma ġiet ippreżentata f’isem il-membri tal-club lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, miċ-ċermen tal-club, l-Imħallef Michael Mallia u Aldo Pace, il-kordinatur tal-attività.

L-Imħallef Mallia wera l-gratitudni tiegħu għal dawk kollha nvoluti fl-organizzazzjoni kif ukoll lil dawk li attendew bi ħġarhom għal din l-attività kbira li l-Old Motors Club Malta sar magħruf għalihom.

Fr Martin enfażizza l-irwol kruċjali li attivitajiet bħal din u l-ġbir ta’ fondi li jsir matulhom għandhom biex jgħinu lid-Dar tal-Providenza fil-missjoni tagħha li tkompli dejjem ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħha. Huwa irringrazzja l-Old Motors Club Malta għall-inizjattiva annwali tiegħu b’risq id-Dar.

Wirja u rkant ta’ karozzi klassiċi nkluż MG Midget klassiku b’risq id-Dar tal-Providenza

Nhar l-Erbgħa 19 ta’ Marzu, il-festa ta’ San Ġużepp u festa pubblika, dilettanti tal-karozzi vintage fi ħdan Old Motors Club Malta se jingħaqdu flimkien f’xow fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi b’appoġġ għal kawża nobbli.

Fi stqarrija ntqal li l-klabb għandu l-għan li jagħmel l-avveniment ta’ din is-sena rekord – mhux biss fin-numru ta’ karozzi klassiċi murija jew viżitaturi attirati, iżda fl-ammont ta’ fondi miġbura għal Dar Tal-Providenza, dar residenzjali li tipprovdi kura u appoġġ lil persuni b’diżabilità.

Id-dħul kollu miġbur se jiġi ppreżentat lil Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar, biex jgħin fil-ħidma li għaddejja tagħha.

Lil hinn mill-wiri impressjonanti ta’ karozzi vintage u klassiċi, dawk li jattendu jistgħu jassistu għal vintage bus ride, car boot sale u rkant tal-karozzi klassiċi – fosthom  l-irkant ta’ MG Midget klassiku.

Ritratt: Old Motors Club Malta

Il-Friends of Providence House NSW fl-Awstralja tirringrazzja u ssellem lis-Sur Jim Borg, il-fundatur u koordinatur tagħha

Il‑Friends of Providence House NSW (FOPH), ir‑rappreżentanta uffiċjali fl‑Awstralja tad‑Dar tal‑Providenza, irringrazzjat u sellmet lis‑Sur Jim Borg, il‑fundatur u koordinatur tagħha waqt il‑Festa ta’ Ġenerożità li saret fi tmiem il‑ġimgħa fiċ‑Ċentru La Vallette fi Blacktown NSW. L‑attività bdiet bil‑kant tal‑innijiet nazzjonali ta’ Malta u l‑Awstralja minn Ms Katelyn Vella, tfajla Awstraljana ta’ dixxendenza Maltija.  Dawk preżenti li ħonqu s‑sala ngħataw merħba mill‑preżentattriċi tas‑serata u teżoriera tal‑Assoċjazzjoni, Ms Miriam Friggieri li stiednet il‑mistednin biex ikunu ġenerużi fl‑għotjiet tagħhom lid‑Dar tal‑Providenza.

Is‑Sur Borg ta merħba lill‑Konslu Ġenerali ta’ Malta fi NSW, Ms Anneliese Sammut u rringrazzja lill‑isponsors ewlenin tas‑serata:  Il‑La Valette Social Centre, Breakaway Travel ta’ Blacktown, is‑Sinjuri Sistu and Maryanne Zammit u l‑isponsors l‑oħra kollha. Huwa rringrazzja wkoll lil‑membri tal‑kumitat, Rita O’Dwyer, segretarja, Miriam Friggieri, teżoriera kif ukoll lill‑ex segretarja u kofondatriċi Marisa Previtera għall‑ħidma tagħhom. Is‑Sur Borg imbagħad ħabbar b’dispjaċir kbir li sfortunatament dan l‑avveniment kien se jkun l‑aħħar wieħed għalih wara 60 sena sħaħ ta’ ħidma fil‑komunità Maltija, l‑aħħar 14‑il sena bħala koordinatur tal‑FOPH. Wara li rringrazzja lil dawk kollha li sena wara l‑oħra taw ħinhom u s‑sehem tagħhom f’din il‑Festa ta’ Ġenerożità, huwa appella biex ikun hemm persuna li tieħu postu bħala koordinatur tal‑assoċjazzjoni nkella il‑Friends of Providence House NSW tisfaxxa fix‑xejn.

Il‑Konslu Ġenerali ta’ Malta fi NSW irringrazzjat lis‑Sur Jim  Borg għall‑ħidma sfieqa li għamel f’dawn l‑aħħar 60 sena u saħqet fuq l‑importanza tal‑għajnuna finanzjarja lid‑Dar tal‑Providenza f’Malta. Ms Sammut ħabbret li fit‑8 ta’ Marzu Jim Borg se jingħata l‑unur Ġieħ lis‑Siġġiewi.

F’messaġġ viżwali, Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar tas‑Siġġiewi, rringrazzja lill‑kumitat u speċjalment lis‑Sur Jim Borg għall‑ħidma tagħhom fil‑komunità Maltija‑Awstraljana. Huwa tkellem dwar is‑sinifikat u l‑impatt tad‑donazzjonijiet li jsiru biex id‑Dar tal‑Providenza, li tieħu ħsieb 115‑il resident, tkun tista’ tkompli tipprovdi l‑għajnuna meħtieġa lill‑persuni b’diżabilità f’Malta.

Is‑Sur Borg ippreżenta wkoll ċertifikati ta’ apprezzament lill‑isponsors differenti kif ukoll trofew lil Breakaway Travel Blacktown għall‑ġenerożità tagħhom matul is‑snin kif ukoll lill‑kantanti li f’dawn l‑aħħar 9 snin taw ħinhom għal dan l‑avveniment ta’ ġbir ta’ fondi għad‑Dar tal‑Providenza.

Il‑kantanti tas‑serata kienu Joe Apap u n‑neputijiet Charlie Muscat, James Cassar u Katelyn Vella li magħhom ingħaqdet Natasha Tatarinoff li paxxew lil dawk preżenti b’kanzunetti bil‑Malti u bl‑Ingliż. Is‑Sur Ivan Cauchi kien responsabbli għall‑PA System u d‑dwal.

Id‑donazzjonijiet tas‑serata jingħataw f’ċekk li jiġi ppreżentat fil‑Maratona tal‑Volleyball li ssir kull sena f’Lulju fil‑parkeġġ tad‑Dar tal‑Providenza fis‑Siġġiewi.

Donazzjoni ta’ €7,000 mill-Attard Bros. Group

Is-Sur Michael Attard, CEO tal-Attard Bros. Group, ippreżenta donazzjoni ta’ €7,000 lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, waqt żjara li għamel fid-Dar fis-Siġġiewi. Din l-għotja hija parti tad-donazzjonijiet li s-Sur Attard ġabar waqt Ġirja għall-Karità li hu organizza flimkien mal-ħbieb tiegħu bil-għan li jappoġġjaw karitajiet lokali. Din l-attività ta’ ġbir ta’ fondi kienet success grazzi għan-numru sabiħ ta’ kumpaniji, impjegati, familji u ħbieb li kkontribwew għal din il-kawża denja.

Fr Martin irringrazzja lis-Sur Attard għal dan il-ġest ġeneruż li se jmur għall-proġett ta’ rinnovazzjoni ta’ wieħed mill-fletts fil-Villa Papa Giovanni fis-Siġġiewi, li żgur se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Il-President ta’ Malta tagħmel l-ewwel żjara uffiċċjali tagħha fid-Dar tal-Providenza

Il-President ta’ Malta, Dr Myriam Spiteri Debono, għamlet l-ewwel żjara uffiċċjali tagħha fid-Dar tal-Providenza u f’messaġġ li ħalliet fil-ktieb tal-viżitaturi qalet, “Jalla l-wens u l-faraġ imbierek li jinxtered permezz ta’ din l-opra ta’ mħabba jġib dejjem fuq quddiem it-tajjeb kollu f’kull bniedem.” Hija esprimiet il-ferħ tagħha fl-ewwel żjara uffiċċjali tagħha fid-Dar tas-Siġġiewi, li hija ddeskriviet bħala l-opra tajba ta’ Mons. Mikiel Azzopardi, opra dejjiema li f’dawn is-snin kollha kompliet titkattar bl-imħabba u ġenerożità tal-poplu Malti.

F’diskors ta’ merħba, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, irringrazzja lill-President ta’ Malta li għoġobha tilqa’ l-istedina li żżur id-Dar.  Huwa spjega s-servizzi li toffri d-Dar u rringrazzjaha tal-appoġġ tagħha.

Fr Martin żied jgħid li d-Dar tal-Providenza tibqa’ impenjata li toffri s-servizzi residenzjali lill-persuni b’diżabilità filwaqt li tkun ukoll ta’ ispirazzjoni għas-soċjetà Maltija tal-valuri li jiddistingwuna bħala poplu, dak tas-solidarjetà u r-rispett lejn kull persuna.

Il-President iltaqgħet ma’ diversi residenti tad-Dar waqt sessjoni tal-mużika, fil-pixxina terapewtika, fiċ-ċentru agrikolu San Isidor, fil-kmamar multisensorjali, fost oħrajn. Hija żaret ukoll il-kappella u l-mużew iddedikat lil Mons. Mikiel Azzopardi, l-fundatur tad-Dar tal-Providenza. Fil-Gym iltaqgħet ukoll mal-Prof. Joseph Grima, President tas-Siġġiewi Rowing Club, li spjegalha li dan il-gym bi ftehim mad-Dar tal-Providenza qed jintuża wkoll mis-Siġġiewi Rowing Club fejn diversi persuni inkluż persuni b’diżabilità jmorru jittrenjaw hemmhekk filgħaxija.

Waqt iż-żjara tagħha, l-President iltaqgħet ukoll ma’ diversi ħaddiema tad-Dar u faħħret l-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom.

Din is-sena d-Dar tal-Providenza qed tiċċelebra s-60 anniversarju mit-twaqqif tagħha.  Tul dawn is-snin id-Dar offriet servizzi residenzjali lil madwar 275 persuna b’diżabilità.  Illum id-Dar tospità 115-il persuna fid-diversi djar li għandha, kemm fis-Siġġiewi kif ukoll, fil-Qawra, Birkirkara u ż-Żurrieq.

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Id-Dar tal-Providenza b’rikonoxximent għall-impenn tagħha fil-komunità permezz tal-isport

Id-Dar tal-Providenza, flimkien mal-Caritas u Patri Hilary Tagliaferro OSA, ingħataw l-unur ‘Fostering Generosity and Community Through Sport’ għax joffru dixxiplini differenti li jagħtu anki żvog pożittiv f’ħajja tant mgħaġġla.

Id‑Dar tal‑Providenza għal diversi snin impenjat numru kbir ta’ żgħażagħ biex f’Lulju ta’ kull sena tittella’ l‑maratona tal‑volleyball b’risq il‑ħidma li ssir mar‑residenti tad‑Dar. Permezz ta’ din id‑dixxiplina sportiva, il‑parteċipanti tal‑maratona jifhmu aktar is‑servizzi li toffri d‑Dar tas-Siġġiewi.

Patri Hilary Tagliaferro OSA, il-moħħ wara il‑Youth Football Association f’Malta, ġie rikonoxxut għall‑ħidma kbira tiegħu matul is‑snin fejn tkellem u ħeġġeġ persuni sabiex jersqu u jipprattikaw il‑futbol.

Caritas Malta ngħatat il‑premju għall‑impenn tagħha li tuża l‑isport bħala għodda fir‑rijabilitazzjoni mid‑droga u kif ukoll bħala għodda preventiva biex tħajjar il‑pubbliku għall‑attivitajiet sportivi b’mod partikolari il‑Caritas Run for Life li issa se ssir it‑3 edizzjoni tagħha fit‑2 ta’ Marzu 2025.