Wirja u rkant ta’ karozzi klassiċi nkluż MG Midget klassiku b’risq id-Dar tal-Providenza
Nhar l-Erbgħa 19 ta’ Marzu, il-festa ta’ San Ġużepp u festa pubblika, dilettanti tal-karozzi vintage fi ħdan Old Motors Club Malta se jingħaqdu flimkien f’xow fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi b’appoġġ għal kawża nobbli.
Fi stqarrija ntqal li l-klabb għandu l-għan li jagħmel l-avveniment ta’ din is-sena rekord – mhux biss fin-numru ta’ karozzi klassiċi murija jew viżitaturi attirati, iżda fl-ammont ta’ fondi miġbura għal Dar Tal-Providenza, dar residenzjali li tipprovdi kura u appoġġ lil persuni b’diżabilità.
Id-dħul kollu miġbur se jiġi ppreżentat lil Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar, biex jgħin fil-ħidma li għaddejja tagħha.
Lil hinn mill-wiri impressjonanti ta’ karozzi vintage u klassiċi, dawk li jattendu jistgħu jassistu għal vintage bus ride, car boot sale u rkant tal-karozzi klassiċi – fosthom l-irkant ta’ MG Midget klassiku.
Ritratt: Old Motors Club Malta