L-Old Motors Club Malta jiġbor €6,700 b’risq Id-Dar tal-Providenza
Is-somma sabiħa ta’ €6,700 inġabret f’attività annwali ta’ ġbir ta’ fondi b’risq id-Dar tal-Providenza li saret mill-Old Motors Club Malta nhar l-Erbgħa 19 ta’ Marzu 2025 fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi. Għal din l-attività kien hemm l-akbar numru ta’ karozzi klassici li ħadu sehem, l-akbar attendenza li qatt kien hemm u, aktar importanti, ġbir rekord ta’ fondi.
Is-somma ġiet ippreżentata f’isem il-membri tal-club lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, miċ-ċermen tal-club, l-Imħallef Michael Mallia u Aldo Pace, il-kordinatur tal-attività.
L-Imħallef Mallia wera l-gratitudni tiegħu għal dawk kollha nvoluti fl-organizzazzjoni kif ukoll lil dawk li attendew bi ħġarhom għal din l-attività kbira li l-Old Motors Club Malta sar magħruf għalihom.
Fr Martin enfażizza l-irwol kruċjali li attivitajiet bħal din u l-ġbir ta’ fondi li jsir matulhom għandhom biex jgħinu lid-Dar tal-Providenza fil-missjoni tagħha li tkompli dejjem ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħha. Huwa irringrazzja l-Old Motors Club Malta għall-inizjattiva annwali tiegħu b’risq id-Dar.



