Il-Friends of Providence House NSW fl-Awstralja tirringrazzja u ssellem lis-Sur Jim Borg, il-fundatur u koordinatur tagħha
Il‑Friends of Providence House NSW (FOPH), ir‑rappreżentanta uffiċjali fl‑Awstralja tad‑Dar tal‑Providenza, irringrazzjat u sellmet lis‑Sur Jim Borg, il‑fundatur u koordinatur tagħha waqt il‑Festa ta’ Ġenerożità li saret fi tmiem il‑ġimgħa fiċ‑Ċentru La Vallette fi Blacktown NSW. L‑attività bdiet bil‑kant tal‑innijiet nazzjonali ta’ Malta u l‑Awstralja minn Ms Katelyn Vella, tfajla Awstraljana ta’ dixxendenza Maltija. Dawk preżenti li ħonqu s‑sala ngħataw merħba mill‑preżentattriċi tas‑serata u teżoriera tal‑Assoċjazzjoni, Ms Miriam Friggieri li stiednet il‑mistednin biex ikunu ġenerużi fl‑għotjiet tagħhom lid‑Dar tal‑Providenza.
Is‑Sur Borg ta merħba lill‑Konslu Ġenerali ta’ Malta fi NSW, Ms Anneliese Sammut u rringrazzja lill‑isponsors ewlenin tas‑serata: Il‑La Valette Social Centre, Breakaway Travel ta’ Blacktown, is‑Sinjuri Sistu and Maryanne Zammit u l‑isponsors l‑oħra kollha. Huwa rringrazzja wkoll lil‑membri tal‑kumitat, Rita O’Dwyer, segretarja, Miriam Friggieri, teżoriera kif ukoll lill‑ex segretarja u kofondatriċi Marisa Previtera għall‑ħidma tagħhom. Is‑Sur Borg imbagħad ħabbar b’dispjaċir kbir li sfortunatament dan l‑avveniment kien se jkun l‑aħħar wieħed għalih wara 60 sena sħaħ ta’ ħidma fil‑komunità Maltija, l‑aħħar 14‑il sena bħala koordinatur tal‑FOPH. Wara li rringrazzja lil dawk kollha li sena wara l‑oħra taw ħinhom u s‑sehem tagħhom f’din il‑Festa ta’ Ġenerożità, huwa appella biex ikun hemm persuna li tieħu postu bħala koordinatur tal‑assoċjazzjoni nkella il‑Friends of Providence House NSW tisfaxxa fix‑xejn.
Il‑Konslu Ġenerali ta’ Malta fi NSW irringrazzjat lis‑Sur Jim Borg għall‑ħidma sfieqa li għamel f’dawn l‑aħħar 60 sena u saħqet fuq l‑importanza tal‑għajnuna finanzjarja lid‑Dar tal‑Providenza f’Malta. Ms Sammut ħabbret li fit‑8 ta’ Marzu Jim Borg se jingħata l‑unur Ġieħ lis‑Siġġiewi.
F’messaġġ viżwali, Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar tas‑Siġġiewi, rringrazzja lill‑kumitat u speċjalment lis‑Sur Jim Borg għall‑ħidma tagħhom fil‑komunità Maltija‑Awstraljana. Huwa tkellem dwar is‑sinifikat u l‑impatt tad‑donazzjonijiet li jsiru biex id‑Dar tal‑Providenza, li tieħu ħsieb 115‑il resident, tkun tista’ tkompli tipprovdi l‑għajnuna meħtieġa lill‑persuni b’diżabilità f’Malta.
Is‑Sur Borg ippreżenta wkoll ċertifikati ta’ apprezzament lill‑isponsors differenti kif ukoll trofew lil Breakaway Travel Blacktown għall‑ġenerożità tagħhom matul is‑snin kif ukoll lill‑kantanti li f’dawn l‑aħħar 9 snin taw ħinhom għal dan l‑avveniment ta’ ġbir ta’ fondi għad‑Dar tal‑Providenza.
Il‑kantanti tas‑serata kienu Joe Apap u n‑neputijiet Charlie Muscat, James Cassar u Katelyn Vella li magħhom ingħaqdet Natasha Tatarinoff li paxxew lil dawk preżenti b’kanzunetti bil‑Malti u bl‑Ingliż. Is‑Sur Ivan Cauchi kien responsabbli għall‑PA System u d‑dwal.
Id‑donazzjonijiet tas‑serata jingħataw f’ċekk li jiġi ppreżentat fil‑Maratona tal‑Volleyball li ssir kull sena f’Lulju fil‑parkeġġ tad‑Dar tal‑Providenza fis‑Siġġiewi.



