Strieħ fis-sliem, Frankie
Frankie Bonello, resident għal bosta snin fir-Dar tal-Providenza, miet il-Ħadd, 11 ta’ Mejju 2025, filgħaxija u ngħaqad mal-Mulej fis-sema.
Frankie, kien il-wiċċ tad-Dar tal-Providenza, kellu karattru ferrieħi u kien il-ħabib ta’ kulħadd u kulħadd kien ħabib tiegħu.
F’post fuq facebook, Mons. Martin Micallef qal li għaxar snin ilu Frankie kellu l-opportunità jiltaqa’ u jgħannaq lil Papa Franġisku, ħdejn Casa Santa Marta, fil-Belt tal-Vatikan.
L-Arċisqof Charles J. Scicluna, li kien preżenti mal-grupp ta’ residenti, ħaddiema u volontiera li kienu Ruma fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tad-Dar tal-Providenza, kien qal li r-residenti stennew li jasal il-Papa b’ħerqa kbira u Frankie ħa l-opportunità li lill-Papa jgħannqu tliet darbiet. U l-Papa ħa pjaċir b’din it-tgħannieqa.
Fr Martin qal li llum Frankie żgur li reġa’ għannaq lil Papa Franġisku, din id-darba fis-sema fejn it-tnejn qed igawdu lil Mulej. Għal dawk kollha li kienu jafuh, Frankie jibqa’ bħala persuna b’imħabba sinċiera u ġenwina.
Il-funeral tiegħu ser isir nhar il-Ħamis 15 ta’ Mejju 2025, fil-kappella tad-Dar tal-Providenza fl-4:00 pm



