Jitfakkar it-tletin anniversarju mill-mewt ta’ Mons Mikiel Azzopardi, fundatur “tal-oasi ta’ karità nisranija”

Membri tal-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM), residenti u ħbieb tad-Dar tal-Providenza ħadu sehem f’Celebrazzjoni Ewkaristika fil-kappella tad-Dar biex jitfakkar it-tletin anniversarju mill-mewt ta’ Mons Mikiel Azzopardi, li waqqaf id-Dar fl-1965. Dun Mikiel, kif kien magħruf l-aktar, twieled fil-Belt Valletta fl-10 ta’ Frar 1910 u miet fit-13 ta’ Mejju 1987. Din l-inizjattiva tal-AKM bdiet tmien snin ilu u baqgħet issir kull sena.

F’messaġġ qasir minn Praga, fejn Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza qiegħed jieħu sehem f’laqgħa Ewropeja dwar il-pastorali mal-persuni nieqsa mis-smigħ, ħeġġeġ għal aktar talb biex il-Mulej ikompli jbierek din il-ħidma qaddisa tad-Dar kif ukoll biex il-kawża tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni ta’ Mons Azzopardi timxi l-quddiem u jseħħ il-miraklu li jikkonferma l-qdusija ta’ dan is-saċerdot benefattur kbir tas-socjetà Maltija. Fr Martin qal li
Malta u Ghawdex jibqgħu rikkonoxxenti lejn l-Azzjonai Kattolika Maltija li ħolqot kif kien iħobb jgħid Dun Mikiel din l-oasi ta’ karità nisranija.

Iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika tmexxiet minn Fr Reuben Gauci, Assistent Ekkleżjastiku taż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK). Fl-omelija tiegħu, Fr Reuben qal li Dun Mikiel kien iħares lejn kull persuna b’imħabba kbira sew meta kien fil-qasam tal-edukazzjoni, imbagħad fl-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM) u fl-aħħar fid-Dar tal-Providenza.

Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, is-Sur Josef Debono, il-President tal-AKM iddeskriva id-Dar tal-Providenza bħala r-ruħ soċjali ta’ pajjiżna. Wara, dawk preżenti inġabru għal ftit ħin ta’ riflessjoni u talb madwar il-qabar ta’ Mons Azzopardi.

Is-sena li ġejja, Id-Dar tal-Providenza se tkun qed tfakkar il-ħamsin sena minn meta fil-11 ta’ Jannar 1968 il-Villa Mons Gonzi laqghet l-ewwel residenti kif ukoll il-ħamsin sena minn meta s-sorijiet tal-Karità bdew jaghtu s-servizz tagħhom lir-residenti tad-Dar.

Id-Dar tal-Providenza u l-grotta tal-Madonna ta’ Lourdes fi Triq Diċembru Tlettax fil-Marsa

Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, mexxa Ċelebrazzjoni Ewkaristika fil-grotta tal-Madonna ta’ Lourdes fi Triq Diċembru Tlettax fil-Marsa. Ħadu sehem ukoll il-kappillani taż-żewġ parroċċi tal-Marsa, Trinità Qaddisa u Maria Reġina. Dan huwa avveniment ta’ kull sena li beda fl-1981 meta Mons. Mikiel Azzopardi, il-fundatur tad-Dar tas-Siġġiewi, qaddes l-ewwel quddiesa f’din il-grotta f’sena li kienet iddedikata għall-persuni b’diżabilità.

Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, Fr Martin ingħata donazzjoni ta’ €2,088 mis-Sur Joseph Vella li jieħu ħsieb il-grotta flimkien ma’ ibnu Mario u għadd ta’ volontiera.

€1,645 miġbura waqt Marċ għall-Providenza

Fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju mill-Kanoniżżazjoni ta’ San Ġorġ Preca, l-Għaqda Mużikali San Gejtanu tal-Ħamrun organizzat marċ fi Triq il-Kbira il-Ħamrun b’risq id-Dar tal-Provdienza li għalih kienu mistiedna jipparteċipaw il-Baned kollha ta’ Malta. Fil-fatt rappreżentanza sabiħa mill-baned Malttin ħadet sehem f’din l-inizjattiva filantropika li bdiet b’quddiesa fil-Kappella tal-Midalja Mirakoluża fejn jinsabu l-fdalijiet ta’ San Ġorġ Preca, l-ewwel qaddis Malti.

Fi tmiem il-Marċ hekk imsejjaħ għall-Providenza, saru diversi donazzjonijiet lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza ,mill-Baned li pparteċipaw kif ukoll minn għaqdiet ċiviċi u politiċi tal-Ħamrun biex b’hekk inġabret is-somma sabiħa ta’ €1,645.

Il-President tal-Għaqda Mużikali tal-Ħamrun is-Sur Anselm Sciberras irringrazzja lill-bandisti kollha li ħadu sehem bla ħlas għal din l-inizjattiva u ħabbar li din se tibqa’ ssir kull sena.

Fr Martin Micallef ingħaqad mal-President fir-ringazzjamenti tiegħu għal dawk kollha li ħadu sehem filwaqt li qal li inizjattivi bħal din jimlew id-Dar bil-kuraġġ biex tkompli tagħti l-għola kwalità ta’ servizz lir-residenti tad-Dar.

€2920 miġbura waqt it-The Two Islands Challenge b’riżq id-Dar tal-Providenza

Nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Marzu, l-Gruppi “Experience Edventures and More” u “Camini..amo 2017” irnexxielhom jiġbru s-somma sabiħa ta’ €2920 waqt mixja ta’ 45 kilometru li bdiet minn quddiem il-Knisja Parrokkjali tal-Għarb sal-Imġarr Għawdex u kompliet miċ-Ċirkewwa sa ħdejn il-Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa fin-nofsinhar ta’ Malta.

146 parteċipant minn Malta u Għawdex sfidaw is-sħana tal-ġurnata biex jinġabru fondi għad-Dar tal-Providenza. Din kienet ir-raba’ edizzjoni ta’ din l-isfida annwali.

L-organizzaturi u d-Dar tal-Providenza jirringrazzjaw lill-parteċipanti kollha kif ukoll lil dawk il-kumpaniji li sapportjaw din l-inizjattiva fosthom il-Maltapost plc, Custo Coaches, V. Spiteri & Sons Ltd, General Soft Drinks Ltd., Go & Fun, Greens Supermarket u Easy Dry Malta.

Onorifiċenza Mertu Siġġiewi for Mgr Lawrence Gatt, ex-Director of Id-Dar tal-Providenza

Id-Dar tal-Providenza wishes to express its satisfaction as well as its appreciation that Mgr Lawrence Gatt, ex-Director of Id-Dar tal-Providenza, was presented with the Onorifiċenza Mertu Siġġiewi by the Siġġiewi Local Council. Mgr Gatt just turned 80 and was Director of the Home for a full 22 years between 1978 and 2009. Currently he is the Chancellor of the Maltese Curia.

The presentation ceremony took place on Sunday 5th March 2017 at Id-Dar tal-Providenza under the Distinguished Patronage of Dr Louis Galea following a thanksgiving Mass at the Home’s Chapel and was held on the occasion of Jum is-Siġġiewi.

Whilst Mgr Gatt was Director of the Home, Villa Papa Luciani was inaugurated, Dar Żerniq opened its doors in the community of Siġġiewi and Villa Monsinjur Gonzi was rebuilt from scratch. Other refurbishing works were undertaken on existing facilities and structures.

Also under his watch, apart from improved support for the residents and respite services, the residents with intellectual disabilities started getting support to grow in their faith through symbolic catechesis with the support of the Glasgow based Agency SPRED (SPecial REligious Development).

Together with Mgr Lawrence Gatt Prof Albert Fenech, Sr Adele Baldacchino, Mr Joe Aquilina and Mro Euchar Gravina were also apresented the Onorifiċenza Mertu Siġġiewi.

$7,000AUD jinġabru f’Fund Raising Night fl-Awstralja b’risq Id-Dar tal-Providenza

Il-Friends of Providence House NSW(FOPH) flimkien mal-Ħamrun Club ta’ Marsden Park, f’Sydney, l-Awstralja inrexxielhom jiġbru $7,000AUD waqt Fund Raising Night li sar is-Sibt 18 ta’ Frar 2017 b’risq Id-Dar tal-Providenza.

Dawk li attendew taw ċapċipa mill-qalb meta Ms Marisa Previtera, Segretarja tal FOPH qrat messaġġ li ntbagħat għall-okkażjoni mid-Direttur tad-Dar, Fr Martin Micallef. Huwa qal li huwa tabilħaqq ġest sabiħ li minkejja li huma eluf ta’ mili il-bogħod, il-Maltin l-Għawdxin ma jaqtgħu qatt ir-rabta tagħhom ma’ art twelidhom u jibqgħu jagħtu appoġġ finanzjarju lil organiżżazzjonijiet f’Malta bħalma hija id-Dar tal-Providenza. Huwa rringrazzja Il-Friends of Providence House NSW u lill-membri u ħbieb tal-Ħamrun Club li għażlu li jattendu għall-Fund Raising Night u jagħmlu donazzjoni ġeneruża lid-Dar fis-Siġġiewi.

Il-Friends of Providence House fi New South Wales hija mmexxijja mill-fundatur u koordinatur tagħha Jim Borg.

The Two Islands Challenge b’risq id-Dar tal-Providenza Ingħaqad magħna f’mixja ta’ 45 kilometru jew parti minnha

Il-gruppi “Experience: Adventures and More” u “Camini…amo” se jorganiżżaw ir-raba’ edizzjoni ta’ The Two Islands Challenge. Din tikkonsisti f’mixja ta’ 45km li tibda mit-tarf ta’ Għawdex u tispicca fit-tarf ta’ Malta. Din l-isfida ser issir nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Marzu 2017.

Il-parteċipanti Maltin jiltaqgħu iċ-Ċirkewwa ħdejn il-vapur fis-7.00am biex jirkbu l-vapur tas-7.30am. Hekk kif jaslu fil-port tal-Imġarr ser isibu trasport jistenniehom biex jeħodhom qrib il-kappella ta’ San Dimitri fl-Għarb minn fejn ser tibda l-mixja fit-8.30am. Il-parteċipanti Għawdxin jiltaqgħu fit-8.00am ħdejn il-Knisja Parrokkjali tal-Għarb. Mill-Għarb il-parteċipanti jimxu 13-il kilometru sal-port tal-Imġarr u jirkbu l-vapur tal-11.15am. Kif jaslu ċ-Ċirkewwa jibdew mixja ta’ 32 kilometru sal-Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuga. Min għal xi raġuni jew oħra ma jistax jagħmel l-isfida kollha jista wkoll jagħmel parti minnha.

Min jixtieq jipparteċipa għandu jirreġistra billi jżur is-sit: www.dartalprovidenza.org. Għall-aktar informazzjoni tistgħu żżuru wkoll l-paġni “Experience: Adventures and More” u “Camini…amo” fuq Facebook.

Marcel Pisani – Kolonna fil-qasam tal-persuni b’diżabilità

Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja tas-Sur Marcel Pisani attivist kbir fil-qasam tal-persuni b’diżabilità li l-Mulej sejjaħlu għal għandu nhar is-Sibt 12 ta’ Frar 2017. Il-ħidma tiegħu fi ħdan l-Għaqda Nazzjonali Ġenituri b’Diżabilità li mexxa għal bosta snin u l-Aġenzija Sapport li tagħha kien l-ewwel CEO issarfet f’titjib fil-kwalita’ tal-ħajja ta’ bosta persuni b’diżabilità u l-ġenituri tagħhom.

Quddiem l-ostakli tas-soċjetà għall-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità fil-ħajja tas-soċjetà li bħala ġenitur ta’ żewġt ulied b’diżabilità beda jesperjenza, ma baqax passiv imma beda moviment ta’ ġenituri li bdew jitkellmu f’isem uliedhom mal-awtoritajiet biex jingħataw dak li kien tagħhom bi dritt.

It-triq ma kienetx faċli, imma d-determinazzjoni ta’ Marcel, martu Adelina u ġenituri oħra bdew iġibu l-bidla li kien hemm bżonn kemm fil-mentalità tan-nies li kienet tħares b’mod negattiv lejn il-persuni b’diżabilità, kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi li kienu nieqsa għal kollox.

Fi ħdan l-Għaqda Nazzjonali Ġenituri tal-Persuni b’Diżabilità ħadem biex titwaqqaf Dar il-Kaptan biex toffri s-servizz ta’ respite li il-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità tant kellhom bżonnu. Fi ħdan l-Aġenzija Sapport li tista’ tgħid bniha hu, ħoloq firxa ta’ servizzi fosthom il-ftuħ ta’ bosta djar residenzjali fil-komunità u servizzi oħra fil-komunità għall-persuni b’diżabilità.

Fl-2013, bħala rikonoxximent għal din il-ħidma, id-Dar tal-Providenza tat lilu u lil martu Adelina l-Premju Dun Mikiel Azzopardi.

Id-Dar tal-Providenza twassal il-kondoljanzi lil martu Adelina u lill-uliedu Paul u Matthew.

Ippreżentata donazzjoni ta’ €882 lid-Dar tal-Providenza mill-ITS

L-istudenti u l-impjegati tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) ippreżentaw donazzjoni ta’ €882 lid-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Dun Martin Micallef.

Din is-somma inġabret mill-impjegati tal-Ministeru għat-Turiżmu kif ukoll permezz ta’ bejgħ ta’ prodotti tal-ikel li ġew imħejjija bl-għajnuna tal-istudenti u l-impjegati stess matul l-aħħar jiem.

Din l-attività hija l-ewwel waħda fost sensiela ta’ attivitajiet ippjanati mill-Kumitat ta’ Attivitajiet Soċjali fi ħdan l-ITS li jifforma parti mill-programm Responsabbiltà Soċjali Korporattiv.

Dan il-programm għandu l-għan li jgħin lill-għaqdiet kemm b’mod finanzjarju kif ukoll b’għajnuna ta’ bosta avvenimenti bil-parteċipazzjoni tal-istudenti u l-impjegati.

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis ingħaqad mal-istudenti u l-impjegati tal-ITS waqt il-preżentazzjoni tad-donazzjoni fid-Dar tal-Providenza.

Ritratt: DOI – Pierre Sammut

L-Arċisqof Charles J. Scicluna jiltaqa’ mal-persuni nieqsa mis-smigħ.

F’laqgħa mal-persuni nieqsa mis-smigħ Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna kellu l-opportunità jisma’ d-diffikultajiet, ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet tagħhom biex iħossuhom aktar inklużi u parteċipi fil-ħajja tal-Knisja bħala membri sħaħ tagħha.

Steven Mulvaney, President tal-Għaqda Maltija tal-Persuni Nieqsa mis-Smigħ qal li f’Malta hawn madwar 250 persuna li jużaw il-Lingwa tas-Sinjali Maltija u li huma membri tal-Għaqda. Imbagħad hemm livelli oħra ta’ nuqqas ta’ smigħ bħal dawk li jiżviluppaw nuqqas ta’ smigħ bix-xjuħija. B’kollox hu kkalkulat li hawn madwar 1,000 persuna nieqsa mis-smigħ f’pajjiżna.
Is-Sur Mulvaney irringrazzja lill-Arċisqof li laqgħa l-istedina tal-Għaqda biex jiltaqa’ magħhom kif ukoll tal-appoġġ li l-Knisja f’Malta qed tagħti biex il-persuni nieqsa mis-smigħ ikunu nklużi fil-Knisja. Ħuwa semma l-quddiesa li ssir kull nhar tas-Sibt fil-kappella tal-Università ta’ Malta fejn il-Knisja tħallas is-serviżż tal-interpreti biex jifhmu x’ikun qed jintqal u jipparteċipaw b’mod attiv.
Fost ix-xewqat tal-persuni nieqsa mis-smigħ semma l-bżonn li jkun hemm aktar quddies aċċessibbli għalihom, il-bżonn li jkun hemm screens fil-knejjes li juru l-qari tal-quddies jew karti bil-qari biex għallinqas ikunu jistgħu jaqraw dak li jkun qed jingħad. Faħħar ukoll il-fatt li l-Knisja dalwaqt se tibda proġett biex ikunu irrekordjati il-qari tal-quddiesa bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija. Hija x-xewqa tiegħu li ‘l quddiem dawn il-videos ikun aċċessibbli fuq Application li wieħed jista’ jaċċessa permezz tal-internet waqt il-quddies minn fuq il-mobile. Semma wkoll il-bżonn li s-seminaristi jkunu aktar konxji tal-kultura u l-bżonnijiet tal-persuni nieqsa mis-smigħ u li jkollhom l-opportunità li waqt l-istudji tagħhom fl-Università jagħmlu l-kors bażiku tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija.
Is-Sur Mulvaney semma wkoll il-bżonn li jiġi offrut is-servizz tal-interpreti tal-Lingwa tas-Sinjali waqt il-laqgħat tal-katekiżmu, fil-preparamenti għas-sagramenti bħall-Ewwel Tqarbina, il-Griżma tal-Isqof, Magħmudija u ż-Żwieġ biex kulħadd ikun jista’ jirċievi l-formazzjoni bħal ħaddieħor.
Tkellmu wkoll diversi persuni nieqsa mis-smigħ. Keith Callus tkellem dwar il-bżonn li jkun hemm ukoll quddiesa interpretata bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija il-Ħadd filgħodu barra dik tas-Sibt filgħaxija. Natalino Psaila żied li hi x-xewqa tiegħu li l-quddies li jkun mxandar fuq l-istazzjon nazzjonali jkun interpretat bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija. Omm ta’ tifla nieqsa mis-smigħ qalet li l-ewwel problema li ltaqgħet magħha kienet meta bintha bdiet tmur il-Mużew. L-ewwel reazzjoni tal-katekista kienet li m’għandhiex għalfejn tmur għall-katekiżmu għax il-kappillan xorta jgħamlilha l-ewwel tqarbina. Hi insistiet li bintha kellha dritt bħal ħaddieħor li tattendi għal-laqgħat tal-katekiżmu u bil-għajnuna tagħha u tal-interpretu bintha setgħet tersaq għall-ewwel tqarbina ippreparata bħal ħaddieħor. Hija saħqet li l-katekisti għandu jkollhom laqgħat ta’ għarfien dwar il-bżonnijiet tal-persuni nieqsa mis-smigħ u mhux jassumu li dawn il-persuni qed jifhmuhom.
Fil-kummenti tiegħu waqt din il-laqgħa l-Arċisqof Charles J. Scicluna talab lill-Għaqda biex isir kuntatt mas-Seminarju ħalli s-seminaristi jkollhom aktar għarfien tal-realtà tal-persuni nieqsa mis-smigħ u biex iħajru seminaristi jitgħallmu l-Lingwa tas-Sinjali Maltija. Huwa semma l-importanza li l-Knisja toffri is-servizz tal-interpreti tal-Lingwa tas-Sinjali għall-katekiżmu u okkażjonijiet speċjali oħra. L-Arċisqof wera x-xewqa wkoll li l-Knisja tkompli tiżviluppa servizzi biex il-persuni b’nuqqas ta’ smigħ, imorru f’liema knisja jmorru għall-quddies, iħossuhom inklużi. Semma wkoll kemm hu mportanti li l-parroċċi jkunu jafu min huma l-persuni nieqsa mis-smigħ li jgħixu fil-komunità biex jistgħu iwieġbu aħjar għall-bżonnijiet tagħhom. Pereżempju għat-tberik tal-familji, il-kappillan jista’ jirranġa biex isib ġurnata meta jieħu miegħu interpretu u jdur lill-familji ta’ dawn il-persuni. Dwar il-qrar fakkar li l-liġi tal-Knisja tippermetti li l-persuni nieqsa mis-smigħ, jekk ma jsibux qassis li jaf il-Lingwa tas-Sinjali, jistgħu jużaw is-servizz tal-interpretu u l-interpretu bħal qassis hu marbut bis-sigriet tal-qrar. L-Arċisqof qal li ser jitkellem dwar il-ħtiġijiet tal-persuni nieqsa mis-smigħ fil-laqgħa li jmiss tal-Kulleġġ tal-Kappillani. Monsinjur Arċisqof esprima s-sodisfazzjon tiegħu li diversi urew ix-xewqa li bħala grupp imorru għall-pellegrinaġġ Marjan f’Lourdes. Għalhekk ħeġġiġhom biex jorganizzaw dan il-pellegrinaġġ fejn ikollhom is-servizz tal-interpretazzjoni tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija.