Residenti tad-Dar tal-Providenza f’pellegrinaġġ għal Lourdes

L-Arċisqof Emeritus Mons Pawl Cremona O.P. mexxa pellegrinaġġ tal-morda f’Lourdes organizzat mill-Assoċċjazzjoni Volontarji Lourdes (AVL).

Il-grupp kien magħmul minn mija u tmenin persuna minn Malta u magħhom ingħaqdu sitta oħra minn Londra, Brussell u l-Lussemburgu. Fil-grupp kien hemm erba’ residenti tad-Dar tal-Providenza: Carmelina Formosa, Antonia Deguara, Pierre Borg u Frankie Cortis. Dawn kienu akkumpanjati mis-support workers tad-Dar.

Kull sena, l-Assoċċjazzjoni tgħin persuni morda biex iżuru s-Santwarju tal-Madonna ta’ Lourdes fil-grotta fejn, fil-11 ta’ Frar 1858, dehret għall-ewwel darba lil Bernardette Soubirous.

It-Tnejn, 4 ta’ Settembru, Mons Cremona mexxa konċelebrazzjoni Ewkaristika bil-Malti fil-grotta.

Id-Dar tal-Providenza fil-“Festa Għeneb 2017” fis-Siġġiewi

Residenti u ħaddiema fiċ-Ċentru Agrikolu San Isidoru tad-Dar tal-Providenza ħadu sehem fil-“Festa Għeneb” li saret il-Ħadd, 27 ta’ Awwissu fil-pjazza ewlenija tas-Siġġiewi. Huma kellhom għadd ta’ prodotti agrikoli li jinħadmu mis-residenti biex jinbiegħu lill-pubbliku preżenti. Fost il-prodotti kien hemm diversi tipi ta’ ġammijiet, basal tal-pikles, ġulepp tal-ħarrub u tal-lumi, ġardiniera, kappar u għadd ta’ ħwawar u prodotti oħra.

“Festa Għeneb” kienet organiżżata mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi

“Esperjenza Li Nibqa’ Niftakar” – Sarah Anne Casha

Aktar kmieni dan ix-xahar, ġietni l-opportunità li flimkien ma’ tliet studenti oħra, nagħmel xogħol volontarju ma’ wħud mir-residenti tad-Dar tal-Providenza ġewwa s-Siġġiewi. Din kienet esperjenza ta’ ħamest ijiem, li matulhom konna qegħdin noqogħdu fil-kunvent tas-Sorijiet tal-Karità fil-Gudja, li lilhom konna qegħdin nirrapreżentaw.Il-ġurnata tagħna kienet tibda billi mmorru nisimgħu quddiesa ġewwa l-Parroċċa tal-Gudja stess, u wara li nerġgħu lura l-kunvent, nieħdu l-kolazzjon flimkien. Wara l-kolazzjon, konna ninġabru ġewwa l-kappella ċkejkna li hemm fil-kunvent sabiex nagħmlu ftit minuti ta’ riflessjoni quddiem Ġesu’ Ewkaristija.

Sal-ħin ta’ nofsinhar, il-ġurnata kienet tkun iddedikata għalina; kien hemm ġurnata fejn morna l-baħar u kien hemm ġranet li fihom kellna taħdidiet interessanti li jittrattaw suġġetti varji. L-ewwel taħdita li kellna, li kienet immexxija mis-Sur Tonio Macelli, saret il-Gudja u kienet dwar il-ħelsien emozzjonali. Laqtuni ħafna l-punti diversi ta’ kif wieħedjista’ jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu. F’taħdita li kellna fil-Fondazzjoni ta’ Santa Ġiovanna Antida f’Ħal Tarxien, iddiskutejna l-vjolenza domestika; kemm dik fiżika, mentali u emozzjonali. Kellna wkoll taħdita interessanti fil-Caritas, fejn ittrattajna l-użu tat-teknoloġija fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, u kif din qed toħnoq il-komunikazzjoni ta’ bejnietna. Ir-riflessjoni ewlenija kienet l-għarfien tat-telf ta’ ħin prezzjuż li jista’ jkun utiliżżat b’mod aktar effettiv.
Id-Dar tal-Providenza konna mmorru kuljum wara nofsinhar, wara li nkunu kilna u striħajna ftit. Il-ħidma tagħna kienet li nakkumpanjaw lir-residenti waqt il-ħarġa tagħhom ta’ kuljum. Il-postijiet li żorna kienu l-Viewing Gallery tal-Ajruport, il-Gallarija fil-Fgura, Tigné Point f’Tas-Sliema, u ħarġa oħra li kellna f’Baħar iċ-Ċagħaq.

Din kienet esperjenza li nibqa’ niftakarha għax nisslet fija sens ta’ responsabbiltà, l-aktar meta ħadt ħsieb persuna b’diżabilità fuq siġġu tar-roti. Personalment, ħassejtni nibża’ xi ftit għaliex din kienet l-ewwel esperjenza ta’ dan it-tip għalija, imma ninsab kuntenta li tgħallimt ħafna u kont ta’ servizz għal ħaddieħor. Kollox ma’ kollox, din kienet esperjenza li minnha tgħallimt naprezza aktar il-ħajja, l-opportunitajiet li jkolli u li ninsab f’saħħti. Nittama li studenti oħrajn bħali jgawdu is-sodisfazzjon ta’ esperjenza simili.

Jekk tixtieq tissieħeb ma’dan il-grupp, li jġib l-isem Young Friends of Jeanne Antide, żur il-paġna ta: facebook.com/ymsjam/

Il-Klabb Għannejja Maltin ta’ Melbourne fl-Awstralja jagħmlu donazzjoni lid-Dar tal-Providenza

Rappreżentanti tal-Klabb Għannejja Maltin ta’ Melbourne fl-Awstralja għamlu żjara u taw donazzjoni lid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Ir-rappreżentanti tal-Klabb, Mary u Joe Farrugia, Joe Busuttil, Debbie u Charles Baldacchino, iltaqgħu ma’ Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar. Fr Martin kien iltaqa’ mal-membri tal-Klabb waqt żjara li kien għamel fl-Awstralja fl-2013.

L-Assoċċjazzjoni twaqqfet biex tipprovdi ambjent u post fejn l-għannejja u l-kitarristi li joqogħdu f’Melbourne jkunu jistgħu jiltaqgħu u jesprimu ruħhom fl-għamla tradizzjonali tal-mużika folkloristika Maltija. Bis-saħħa t’hekk jibqgħu iżommu din it-tradizzjoni fl-Awstralja li laqgħethom.

Pellegrinaġġ bil-muturi b’risq id-Dar tal-Providenza

Fid-9.OOam telaq pellegrinaġġ bil-muturi mid-Dar tal-Providenza organizzat għat-tieni sena konsekuttiva mill-Parroċċi tal-Imġarr Ħad-Dingli li t-tnejn se jiċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija nhar il-Ħadd li ġej.

Fi kliem Mons Kalċidon Vassallo l-Arċipriet tal-Imġarr li kien preżenti għat-tluq tal-pellegrinaġġ din kienet inizzjattiva li ħareġ biha Dun Ewkarist Zammit l-Arċipriet ta’ Ħad Dingli. Is-sena l-oħra dan il-pellegrinaġġ telaq minn quddiem il-knisja parrokkjali tal-Imġarr u spiċċa quddiem il-Knisja Arċipretali ta’ Ħad-Dingli.

Mons Vassallo qal li din is-sena xtaqna li nibdew dan il-pelleġrinaġġ mid-Dar tal-Providenza għaliex stedinna lill-parteċipanti biex jagħtu donazzjoni lid-Dar tal-Providenza.
Fr Martin Micallef Direttur tad-Dar tal-Providenza rringrazzja lill-Arċipriet ta’ Ħad Dingli u l-kappillan tal-Imġarr għal din l-inizzjattiva sabiħa kif ukoll irringrazzja lill-parteċipanti kollha.

Il-Pellegrinaġġ bil-muturi din is-sena għamel waqfa quddiem il-Knisja Arċipretali ta’ Ħad Dingli u ntemm quddiem il-Knisja tal-Imġarr.

Residenti tad-Dar tal-Providenza fi żjara fi Sqallija

Erba’ residenti tad-Dar tal-Providenza flimkien mas-support workers tagħhom marru fuq btala fi Sqallija. Kemm damu hemm żaru l-Etna, Taormina u Sirakuża. Fr Trevor Fairclough, li akkumpanja lill-grupp, iċċelebra il-quddiesa ta’ kuljum. Ir-residenti ħadu gost iżuru l-postijiet Sqallin u sabu ħin biex jixtru xi affarijiet żgħar ta’ tifkira għalihom u għal xi oħrajn. Kienet tassew esperjenza sabiħa.

€27,730 miġbura waqt ikla b’risq Id-Dar tal-Providenza

Infinitely Xara, propjetà tal-familja Zammit Tabona, organizzaw ikla b’risq Id-Dar tal-Providenza taħt il-patroċinju ta’ Mons Arċisqof Charles J. Scicluna li minnha nġabret is-somma sabiħa ta’ €27,730. L-attività saret fl-ambjent storiku ta’ Misraħ il-Kunsill fl-Imdina magħrufa wkoll bħala x-Xara Palace Relais & Chateaux Square.

Il-mistednin ingħataw ikla delizzjuża u gastronomika b’għażla ta’ inbejjed u bl-akkumpanjament ta’ mużika akustika. Għall-ikla, li kienet sponsorjata minn Infinitely Xara u għadd ta’ kumpaniji oħra, kien preżenti wkoll Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza.

Somma ta’ €658,039 miġbura waqt il-Maratona tal Volleyball fid-Dar tal-Providenza.

Waqt il-Maratona tal-Volleyball fid-Dar tal-Providenza inġabret is-somma sabiħa ta’ €658,039. Il-Maratona bdiet il-Ġimgħa u ġiet inawgurata mill-E.T. Dolores Cristina Aġent President ta’ Malta u waslet fi tmiemha f’nofs il-lejl tal-Ħadd.

Izjed min 300 voluntier taw l-appoġġ tagħhom waqt din il-Maratona li rat erbgħin player jagħtu kollox biex jiġbru dawn il-fondi għad-Dar tal-Providenza.

Parti mis-somma miġbura kienet tinkludi €€355,353 miġbura waqt il-programm Xarabank li sar nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Ġunju.

Fr Martin Micallef irringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi tal-appoġġ li ta’ lid-Dar tal-Providenza. Fr Martin sostna li l-ammont li nġabar hu xhieda ta’ kemm il-Maltin u Għawdxin għandhom għal qalbhom din id-Dar u rega’ wiegħed li ser jibqa’ jingħata l-aqwa servizz possibbli lir-residenti ta’ din id-Dar.

Donazzjoni mill-Komunità Maltija-Amerikana ta’ San Francisco Bay, Kalifornja

Il-Maltese Cross Foundation ta’ Kalifornja għamlet id-donazzjoni tagħha ta’ kull sena lid-Dar tal-Providenza f’isem il-Komunità Maltija-Amerikana fl-inħawi ta’ San Francisco Bay.

Il-preżentazzjoni saret lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, mis-Sinjura Mary Borg Smith u r-raġel tagħha Robert minn Millbrae, Kalifornja.
Ħajr speċjali jmur lis-Sur Louis Vella, President tal-Maltese Cross Foundation ta’ Kalifornja, li huwa wkoll il-Konslu Onorarju ta’ Malta f’San Francisco.

Imnedija uffiċjalment il-Maratona tal-Volleyball BOV Marigold 2017

Id-9 edizzjoni tal-BOV Marigold Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza, ġiet uffiċjalment imnedija llum waqt konferenza stampa fid-Dar tal-Providenza. Il-Maratona se tibda nhar il-ġimgħa 30 ta’ Ġunju fis-6.30 p.m. u tasal fi tmiemha l-Ħadd 2 ta’ Lulju f’nofsillejl wara 53 siegħa ta’ logħob kontinwu.

Il-konferenza tal-aaħbarijiet kienet indirizzata mis-sinjura Michelle Muscat, Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold – BOV in the Community u Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza. Preżenti kien hemm ukoll is-Sinjura Elvia George, CFO tal-Bank of Valletta u s-Sur Emanuel Zammit Chairperson tal-Kumitat organizzattiv tal-Maratona.

Is-Sinjura Michelle Muscat ingħatat merħba sabiħa mir-residenti u l-ħaddiema tad-dar. Hija ġiet milqugħa minn Fr Martin Micallef fejn żaret partijiet mid-Dar. Hija kellha c-ċans iżżur ukoll il-pixxina terapewtika li ġiet inawgurata f’Novembru tas-sena l-oħra. Il-pixxina tintuża regolarment kulljum bħala parti mit-terapija għar-residenti.

Is-sinjura Muscat qalet li id-Dar tal-Providenza rnexxielha toħloq marka speċjali fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minnha. Leali għaIl-viżjoni tal-fundatur tad-Dar Monsinjur Mikiel Azzopardi, id-Dar qed tkompli toffri ambjent ta’ familja lir-residenti tagħha filwaqt li tgħinhom jimmassimizzaw l-abiltajiet kollha tagħhom u jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà b’mod speċjali bid-diversi djar li qed jinfetħu fil-komunità.

Dwar l-involviment tal-Fondazzjoni Marigold, Is-sinjura Muscat qalet li “hu ta sodisfazzjon għall-Fondazzjoni li tissapportja dan l-avveniment li mhux biss qiegħed jgħin biex jinġabru fondi għad-Dar iżda ukoll biex jagħti ċans liż-żagħżagħ u għadd ta voluntiera biex jgħinnu lid-Dar tkompli tgħix il-missjoni tagħha billi tassigura li s-soċjetà tkun waħada li tinkludi lil dawn il-persuni.

Fr Martin Micallef, filwaqt li irringrazzja lill-Fondazzjoni Marigold BOV in the Community għall-appoġġ kontinwu tagħha, stqarr li hu ta privileġġ għalih li jmexxi din id- Dar li għal ħamsin sena sħaħ baqgħet miexja fuq il-providenza mogħtija lilha mis-soċjetà. Dwar li sfidi li jiltaqa’ magħhom kuljum, Fr Martin qal li “d-Dar li llum tilqaa’ 114 resident, teħtieġ mat-tnax il-elf ewro kuljum. Id-Dar trid tipprovdi għall-bżonnijiet individwali ta’ kulljum għar-residenti tagħha kif ukoll għal kull bżonn ieħor fosthom is-servizzi ta’ terapisti okkupazzjonali u fiżjotepatisti. Id-Dar toffri wkoll s-servizzi ta’ Respite għall-familji li fih ħdanhom jgħixu persuni b’diżabilità. Eżempju ta’ dan hija il-pixxina terapewtika li għamlet differenza kbira fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Mhix faċli li żżomm id-Dar għaddejja u fl-Istess ħin ittejjeb is-servizzi għal kwalità ta ħajja aħjar għar-residenti.”

Is-Sinjura Elvia George qalet li “l-Bank of Valletta huwa kuntent ħafna li għal darb’oħra qed jagħti is-appoġġ tiegħu permezz tal-Fondazzjoni għal din il-maratona biex jinġabru fondi li tant huma meħtieġa. Aħna ċerti li l-pubbliku se jwieġeb bi ħġaru bħal ma għamel dejjem kull darba li ntalab biex jgħin.” Hija enfasizzat li d-Dar hija sinonima mal-ambjent mimli mħabba u attenzjoni individwali li tagħti lir-residenti tagħha u l-Bank huwa sodisfatt li qed jikkontribwixxi għal dan is-sostenn ta’ din l-organizzazjoni mhux governattiva.

Fl-intervent tiegħu is-Sur Zammit ta’ ħarsa ġeneral tax-xogħol kollu involut biex tittella’ din il-Maratona. Hu qal li “’l fuq minn mitejn voluntier ser ikunu involuti matul il-53 siegħa ta’ logħob kontinwi biex niżguraw li dan l-avveniment ikun suċċess.” Huwa stieden il-pubbliku ġenerali biex iżur din l-attività matul it-tlett ijiem tal-maratona biex jagħti l-appoġġ tiegħu lill-plejers li ser ikunu jilgħabu fil-qilla tax-xemx u matul l-ljieli u fl-istess ħin jgħin li-Dar tal-Providenza.

Il-Maratona se tkun trasmessa fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali, madanakollu l-pubbliku huwa mħeġġeġ biex iżur id-Dar tal-Providenza fejn ser ikun hemm spettaklu mużikali, ikel u xord kif ukoll żona għat-tfal.

Il-BOV Marigold Volleyball Marathon se tkun inawgurata uffiċċjalment nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju fi-6.30 p.m. mill-Aġent President ta’ Malta s-Sinjura Dolores Cristina.

Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jsiru bit-telefon fuq 51702012 għal donazzjoni ta’ €15 u fuq 51802013 għal donazzjoni ta €25. Donazzjoni ta’ €6.99 tista’ ssir billi jintbagħat SMS vojt fuq 50618944. L-abbonati tal-BOV Mobile Pay jistgħu ukoll jagħmlu d-donazzjoni tagħhom fuq in-numru 79324834.