Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva iżur id-Dar tal-Providenza

Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, l-Onor Anthony Agius Decelis għamel l-ewwel żjara uffiċċjali tiegħu fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Huwa kien milqugħ mid-Direttur tad-Dar, Fr Martin u Micallef u ltaqa’ u tkellem mal-membri tal-amministrazzjoni. Huwa ħa l-opportunità li jiltaqa’ mar-residenti u l-carers tagħhom.

F’diskors qasir ta’ merħba Fr Martin irrefera għat-tnejn u ħamsin sena ta’ ħidma tad-Dar tal-Providenza li ma setgħet qatt tkun possibbli mingħajr nies bħal Dun Mikiel li kellu viżjoni, mingħajr ħaddiema dedikati, professjonisti u sorijiet tal-Karità flimkien ma’ benefatturi li emmnu f’din il-kawża u għenu biex din il-ħidma tibda u tibqa’ miexja. Huwa semma wkoll li tul dawn is-snin kien hemm ukoll Gvernijiet differenti li wkoll taw is-sostenn u l-appoġġ tagħhom lid-Dar u lill-ħidma tagħha. Għaldaqstant, Fr Martin qal li xtaq jieħu din l-opportunità biex juri l-apprezzament tad-Dar għall-għajnuna li l-Gvern preżenti u s-Segretarjat Parlamentari preżenti taw u qed jagħtu lid-Dar.

L-Onorevoli Agius Decelis qal li l-aġenda tal-ħidma kollha tas-Segretarjat Parlamentari hija msejsa fuq il-manifest elettorali tal-Partit Laburtista approvat mill-elettorat fl-aħħar elezzjoni ġenerali u għaldaqstant ikun min ikun is-Segretarju Parlamentari il-ħidma fis-settur tal-persuni b’diżabilità tibqa’ għaddejja u titwettaq. Huwa ħeġġeġ li jkun hemm ħidma kollettiva flimkien mad-Dar tal-Providenza u l-NGOs l-oħra biex tkompli ssir ħidma li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità.

Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis sab ħin biex iżur il-kappella u l-mużew ta’ Dun Mikiel kif ukoll jara b’għajnejh il-faċilitajiet u l-ħidma li ssir fil-pixxina terapewtika u fiċ-Ċentru Agrikolu

Jibda jitqassam id-Djarju tad-Dar tal-Providenza għas-sena 2018

Id-Djarju tad-Dar tal-Providenza għas-sena 2018 beda jitqassam f’kull dar ta’ Malta u Għawdex. Permezz ta’ dan id-djarju, li bit-tagħrif li fih jibqa’ jintuża s-sena kollha, is-sostenituri ikollhom l-opportunità li juru s-solidarjetà tagħhom mad-Dar li toffri residenza lil mija u ħmistax-il resident b’diżabilità bl-aħjar ambjent li jgħin fl-iżvilupp sħiħ tagħhom.

F’dawn l-aħħar ġimgħat għadd kbir ta’ volontiera minn kull qasam tal-ħajja taw daqqa t’id fl-ippakkjar ta’ dawn id-djarji f’envelopes apposta. Bħal fis-snin l-imgħoddija, id-djarju fih il-ħinijiet tal-quddies kollu tal-Ħdud u ta’ matul il-ġimgħa fil-knejjes kollha ta’ Malta u Għawdex u Kalendarju dettaljat. Fih ukoll il-lista tal-festi parrokkjali kollha fiż-żewġ gżejjer għas-sena ddieħla.

Jekk xi ħadd ma jasallux id-djarju huwa mitlub li jċempel lir-Reception tad-Dar tal-Providenza fuq 21462844 jew b’email fuq info@dartalprovidenza.org.

Ir-ritratt bil-kulur tal-qoxra huwa tpinġija ta’ Christina Grech

MAPFRE MSV Life u GasanMamo Insurance sponsorjaw l-istampar tad-djarju waqt li l-Maltapost reġgħet ġentilment aċċettat li tqassam id-djarji mingħajr ħlas fid-djar kollha.

Residenti tad-Dar tal-Providenza f’pellegrinaġġ għal Lourdes

L-Arċisqof Emeritus Mons Pawl Cremona O.P. mexxa pellegrinaġġ tal-morda f’Lourdes organizzat mill-Assoċċjazzjoni Volontarji Lourdes (AVL).

Il-grupp kien magħmul minn mija u tmenin persuna minn Malta u magħhom ingħaqdu sitta oħra minn Londra, Brussell u l-Lussemburgu. Fil-grupp kien hemm erba’ residenti tad-Dar tal-Providenza: Carmelina Formosa, Antonia Deguara, Pierre Borg u Frankie Cortis. Dawn kienu akkumpanjati mis-support workers tad-Dar.

Kull sena, l-Assoċċjazzjoni tgħin persuni morda biex iżuru s-Santwarju tal-Madonna ta’ Lourdes fil-grotta fejn, fil-11 ta’ Frar 1858, dehret għall-ewwel darba lil Bernardette Soubirous.

It-Tnejn, 4 ta’ Settembru, Mons Cremona mexxa konċelebrazzjoni Ewkaristika bil-Malti fil-grotta.

Id-Dar tal-Providenza fil-“Festa Għeneb 2017” fis-Siġġiewi

Residenti u ħaddiema fiċ-Ċentru Agrikolu San Isidoru tad-Dar tal-Providenza ħadu sehem fil-“Festa Għeneb” li saret il-Ħadd, 27 ta’ Awwissu fil-pjazza ewlenija tas-Siġġiewi. Huma kellhom għadd ta’ prodotti agrikoli li jinħadmu mis-residenti biex jinbiegħu lill-pubbliku preżenti. Fost il-prodotti kien hemm diversi tipi ta’ ġammijiet, basal tal-pikles, ġulepp tal-ħarrub u tal-lumi, ġardiniera, kappar u għadd ta’ ħwawar u prodotti oħra.

“Festa Għeneb” kienet organiżżata mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi

“Esperjenza Li Nibqa’ Niftakar” – Sarah Anne Casha

Aktar kmieni dan ix-xahar, ġietni l-opportunità li flimkien ma’ tliet studenti oħra, nagħmel xogħol volontarju ma’ wħud mir-residenti tad-Dar tal-Providenza ġewwa s-Siġġiewi. Din kienet esperjenza ta’ ħamest ijiem, li matulhom konna qegħdin noqogħdu fil-kunvent tas-Sorijiet tal-Karità fil-Gudja, li lilhom konna qegħdin nirrapreżentaw.Il-ġurnata tagħna kienet tibda billi mmorru nisimgħu quddiesa ġewwa l-Parroċċa tal-Gudja stess, u wara li nerġgħu lura l-kunvent, nieħdu l-kolazzjon flimkien. Wara l-kolazzjon, konna ninġabru ġewwa l-kappella ċkejkna li hemm fil-kunvent sabiex nagħmlu ftit minuti ta’ riflessjoni quddiem Ġesu’ Ewkaristija.

Sal-ħin ta’ nofsinhar, il-ġurnata kienet tkun iddedikata għalina; kien hemm ġurnata fejn morna l-baħar u kien hemm ġranet li fihom kellna taħdidiet interessanti li jittrattaw suġġetti varji. L-ewwel taħdita li kellna, li kienet immexxija mis-Sur Tonio Macelli, saret il-Gudja u kienet dwar il-ħelsien emozzjonali. Laqtuni ħafna l-punti diversi ta’ kif wieħedjista’ jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu. F’taħdita li kellna fil-Fondazzjoni ta’ Santa Ġiovanna Antida f’Ħal Tarxien, iddiskutejna l-vjolenza domestika; kemm dik fiżika, mentali u emozzjonali. Kellna wkoll taħdita interessanti fil-Caritas, fejn ittrattajna l-użu tat-teknoloġija fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, u kif din qed toħnoq il-komunikazzjoni ta’ bejnietna. Ir-riflessjoni ewlenija kienet l-għarfien tat-telf ta’ ħin prezzjuż li jista’ jkun utiliżżat b’mod aktar effettiv.
Id-Dar tal-Providenza konna mmorru kuljum wara nofsinhar, wara li nkunu kilna u striħajna ftit. Il-ħidma tagħna kienet li nakkumpanjaw lir-residenti waqt il-ħarġa tagħhom ta’ kuljum. Il-postijiet li żorna kienu l-Viewing Gallery tal-Ajruport, il-Gallarija fil-Fgura, Tigné Point f’Tas-Sliema, u ħarġa oħra li kellna f’Baħar iċ-Ċagħaq.

Din kienet esperjenza li nibqa’ niftakarha għax nisslet fija sens ta’ responsabbiltà, l-aktar meta ħadt ħsieb persuna b’diżabilità fuq siġġu tar-roti. Personalment, ħassejtni nibża’ xi ftit għaliex din kienet l-ewwel esperjenza ta’ dan it-tip għalija, imma ninsab kuntenta li tgħallimt ħafna u kont ta’ servizz għal ħaddieħor. Kollox ma’ kollox, din kienet esperjenza li minnha tgħallimt naprezza aktar il-ħajja, l-opportunitajiet li jkolli u li ninsab f’saħħti. Nittama li studenti oħrajn bħali jgawdu is-sodisfazzjon ta’ esperjenza simili.

Jekk tixtieq tissieħeb ma’dan il-grupp, li jġib l-isem Young Friends of Jeanne Antide, żur il-paġna ta: facebook.com/ymsjam/

Il-Klabb Għannejja Maltin ta’ Melbourne fl-Awstralja jagħmlu donazzjoni lid-Dar tal-Providenza

Rappreżentanti tal-Klabb Għannejja Maltin ta’ Melbourne fl-Awstralja għamlu żjara u taw donazzjoni lid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Ir-rappreżentanti tal-Klabb, Mary u Joe Farrugia, Joe Busuttil, Debbie u Charles Baldacchino, iltaqgħu ma’ Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar. Fr Martin kien iltaqa’ mal-membri tal-Klabb waqt żjara li kien għamel fl-Awstralja fl-2013.

L-Assoċċjazzjoni twaqqfet biex tipprovdi ambjent u post fejn l-għannejja u l-kitarristi li joqogħdu f’Melbourne jkunu jistgħu jiltaqgħu u jesprimu ruħhom fl-għamla tradizzjonali tal-mużika folkloristika Maltija. Bis-saħħa t’hekk jibqgħu iżommu din it-tradizzjoni fl-Awstralja li laqgħethom.

Pellegrinaġġ bil-muturi b’risq id-Dar tal-Providenza

Fid-9.OOam telaq pellegrinaġġ bil-muturi mid-Dar tal-Providenza organizzat għat-tieni sena konsekuttiva mill-Parroċċi tal-Imġarr Ħad-Dingli li t-tnejn se jiċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija nhar il-Ħadd li ġej.

Fi kliem Mons Kalċidon Vassallo l-Arċipriet tal-Imġarr li kien preżenti għat-tluq tal-pellegrinaġġ din kienet inizzjattiva li ħareġ biha Dun Ewkarist Zammit l-Arċipriet ta’ Ħad Dingli. Is-sena l-oħra dan il-pellegrinaġġ telaq minn quddiem il-knisja parrokkjali tal-Imġarr u spiċċa quddiem il-Knisja Arċipretali ta’ Ħad-Dingli.

Mons Vassallo qal li din is-sena xtaqna li nibdew dan il-pelleġrinaġġ mid-Dar tal-Providenza għaliex stedinna lill-parteċipanti biex jagħtu donazzjoni lid-Dar tal-Providenza.
Fr Martin Micallef Direttur tad-Dar tal-Providenza rringrazzja lill-Arċipriet ta’ Ħad Dingli u l-kappillan tal-Imġarr għal din l-inizzjattiva sabiħa kif ukoll irringrazzja lill-parteċipanti kollha.

Il-Pellegrinaġġ bil-muturi din is-sena għamel waqfa quddiem il-Knisja Arċipretali ta’ Ħad Dingli u ntemm quddiem il-Knisja tal-Imġarr.

Residenti tad-Dar tal-Providenza fi żjara fi Sqallija

Erba’ residenti tad-Dar tal-Providenza flimkien mas-support workers tagħhom marru fuq btala fi Sqallija. Kemm damu hemm żaru l-Etna, Taormina u Sirakuża. Fr Trevor Fairclough, li akkumpanja lill-grupp, iċċelebra il-quddiesa ta’ kuljum. Ir-residenti ħadu gost iżuru l-postijiet Sqallin u sabu ħin biex jixtru xi affarijiet żgħar ta’ tifkira għalihom u għal xi oħrajn. Kienet tassew esperjenza sabiħa.

€27,730 miġbura waqt ikla b’risq Id-Dar tal-Providenza

Infinitely Xara, propjetà tal-familja Zammit Tabona, organizzaw ikla b’risq Id-Dar tal-Providenza taħt il-patroċinju ta’ Mons Arċisqof Charles J. Scicluna li minnha nġabret is-somma sabiħa ta’ €27,730. L-attività saret fl-ambjent storiku ta’ Misraħ il-Kunsill fl-Imdina magħrufa wkoll bħala x-Xara Palace Relais & Chateaux Square.

Il-mistednin ingħataw ikla delizzjuża u gastronomika b’għażla ta’ inbejjed u bl-akkumpanjament ta’ mużika akustika. Għall-ikla, li kienet sponsorjata minn Infinitely Xara u għadd ta’ kumpaniji oħra, kien preżenti wkoll Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza.

Somma ta’ €658,039 miġbura waqt il-Maratona tal Volleyball fid-Dar tal-Providenza.

Waqt il-Maratona tal-Volleyball fid-Dar tal-Providenza inġabret is-somma sabiħa ta’ €658,039. Il-Maratona bdiet il-Ġimgħa u ġiet inawgurata mill-E.T. Dolores Cristina Aġent President ta’ Malta u waslet fi tmiemha f’nofs il-lejl tal-Ħadd.

Izjed min 300 voluntier taw l-appoġġ tagħhom waqt din il-Maratona li rat erbgħin player jagħtu kollox biex jiġbru dawn il-fondi għad-Dar tal-Providenza.

Parti mis-somma miġbura kienet tinkludi €€355,353 miġbura waqt il-programm Xarabank li sar nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Ġunju.

Fr Martin Micallef irringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi tal-appoġġ li ta’ lid-Dar tal-Providenza. Fr Martin sostna li l-ammont li nġabar hu xhieda ta’ kemm il-Maltin u Għawdxin għandhom għal qalbhom din id-Dar u rega’ wiegħed li ser jibqa’ jingħata l-aqwa servizz possibbli lir-residenti ta’ din id-Dar.