Ir-Residenti tad-Dar tal-Providenza jilqgħu lil Kelly’s Heroes

Kelly’s Heroes, grupp ta’ erba’ mużiċisti folk Irlandiżi, ġew sad-Dar tal-Providenza biex jagħtu divertiment lir-residenti tad-Dar li minn naħa tagħhom laqgħuhom b’entużjażmu u ċapċip.

Kelly’s Heroes jinsabu Malta fuq stedina ta’ Għanafest li jsir f’Malta bejn it-22 u t-23 ta’ Ġunju 2018. L-Għanafest huwa ċelebrazzjoni tad-diversità mużikali fir-reġjun tal-Mediterran bil-għan li jagħmel lill-poplu Malti konxju tal-kulturi differenti li jeżistu madwarna u jservi ta’ pont bejn komunitajiet artistiċi u soċjali lokali u barranin.

Il-BOV Marigold Volleyball Marathon 2018 tfakkar l-10 edizzjoni tagħha

L-10 edizzjoni tal-BOV Marigold Volleyball Marathon b’risq Id-Dar tal-Providenza ġiet imnedija uffiċjalment aktar kmieni llum. Il-maratona ta’ 53 siegħa se tibda nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju fis-18.30 fil-parkeġġ tal-karozzi tad-dar residenzjali u se tiġi fi tmiemha fil-23.30 ta’ nhar il-Ħadd l-1 ta’ Lulju.

Il-konferenza stampa ġiet indirizzata mis-Sinjura Michelle Muscat, Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold – BOV fil-Komunità u minn Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza. Huma kienu akkompanjati mis-Sa Elvia George, Uffiċjal Kap Finanzjarju fil-Bank of Valletta u mis-Sur Emanuel Zammit, Chairperson tal-Kumitat Organizzativ tal-Maratona.

Fr Martin qal li, “Il-Maratona hija avveniment annwali ta’ ġbir ta’ fondi b’risq Id-Dar tal-Providenza li verament ipoġġi fuq quddiem l-altruwiżmu tal-Maltin u l-Għawdxin. F’din il-maratona wieħed jista’ jara l-ispirtu sportiv u l-volontarjat jaħdmu flimkien id f’id bl-għan waħdieni li jinġabru l-fondi biex jiġi żgurat li din id-Dar tkompli toffri ambjent bħal ta’ familja għar-residenti tagħha, li issa jlaħħqu l-115”. Huwa kompla jispjega li, “Il-missjoni tad-Dar dejjem kienet dik li tintegra lir-residenti tagħha kemm jista’ jkun possibbli fil-fibra soċjali tas-soċjetà Maltija, għan li qed jintlaħaq primarjament permezz tat-twaqqif ta’ djar f’lokalitajiet differenti. Hawnhekk ir-residenti jista’ jkollhom ħajja aktar indipendenti bl-appoġġ kollu li jeħtieġu.” Fr Martin esprima l-gratitudni tiegħu lejn il-pubbliku li dejjem qam għall-okkażjoni u ta l-appoġġ tiegħu lil dan ‘ix-xogħol ta’ mħabba’, bħalma rajna reċentement matul il-programm Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Ġunju, meta nġabret is-somma ta’ EUR 335,293.

Fr Martin spjega li l-ispejjeż operazzjonali tad-Dar ilaħħqu EUR 12,000 kuljum. Minbarra l-ħaddiema ta’ appoġġ, id-Dar timpjega diversi speċjalisti biex jagħtu l-għajnuna meħtieġa lir-residenti, inkluż terapisti okkupazzjonali u fiżjoterapisti.

Biex tkompli mal-intervent ta’ Fr Martin, is-Sinjura Muscat spjegat lid-Dar hija unika f’termini tal-‘atmosfera ta’ familja’ li tipprovdi lill-persuni b’diżabilità li jgħixu fiha. “Matul is-snin, minn kemm il-Fondazzjoni Marigold ilha tikkollabora mad-Dar tal-Providenza, kull meta nżuru din id-Dar, dejjem inħossu li deħlin f’darna, u r-rabta bejn il-ħaddiema ta’ appoġġ, il-voluntiera u r-residenti nfushom hija tassew ġenwina.” Is-Sinjura Muscat ħeġġet lin-nies biex ikomplu jappoġġjaw lid-Dar tal-Providenza sabiex id-Dar tkun tista’ tkompli tipprovdi ambjent ta’ kura u attenzjoni għar-residenti tagħha, u tgħinhom jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.”

Is-Sa Elvia George qalet li huwa ta’ sodisfazzjon kbir għall-Bank of Valletta li qed iżomm l-appoġġ tiegħu għal dan l-avveniment permezz tal-Fondazzjoni Marigold. “Aħna ninsabu kunfidenti li l-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun storja oħra ta’ suċċess li se tkompli tagħti xhieda tal-ġenerożità tagħna bħala nazzjon. Fil-Bank of Valletta aħna bi pjaċir nagħtu l-appoġġ tagħna biex ngħinu lil din id-Dar, li l-isem tagħha huwa sinonimu mal-ambjent ta’ mħabba u kura li tipprovdi lir-residenti tagħha, tkompli taqdi r-rwol vitali tagħha fis-soċjetà tagħna.”

Filwaqt li ffoka aktar fuq ir-rwol tal-plejers tal-volleyball, is-Sur Zammit spjega li din is-sena se jieħdu sehem aktar minn 80 plejer fuq bażi volontarja. Dawn diġà kellhom taħriġ iebes, u l-plejers finali li se jieħdu sehem fil-maratona se jitħabbru wara l-prova ta’ 24 siegħa li hija maħsuba għal tmiem il-ġimgħa li ġej. “Bħal dejjem din il-maratona tkun possibbli biss minħabba l-ġenerożità kostanti tal-armata b’saħħitha tagħna ta’ 200 voluntier li jieħdu ħsieb kollox mid-divertiment sal-istands tal-ikel u ż-żona maħsuba għat-tfal. Is-Sur Zammit qal li l-maratona nnifisha se tixxandar b’mod dirett fuq l-istazzjonijiet prinċipali tat-TV imma ħeġġeġ lill-pubbliku biex iżur id-Dar u jagħti l-appoġġ lill-plejers li se jkunu qed jilagħbu l-volleyball bla waqfien għal 53 siegħa sħaħ.

Il-BOV Marigold Volleyball Marathon se tiġi inawgurata mill-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju fis-18.00.

Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jsiru permezz tat-telefon fuq in-numru 51702012 għal donazzjoni ta’ € 15, fuq in-numru 51802013 għal donazzjoni ta’ € 25 u fuq in-numru 51902070 għal donazzjoni ta’ € 50. Donazzjoni ta’ € 6.99 tista’ ssir billi jintbagħat SMS vojt fuq 50618944. L-abbonati tal-BOV Mobile Pay jistgħu jagħmlu d-donazzjoni tagħhom ukoll permezz tan-numru 79324834.

Xarabank jiġbor €335,293 għad-Dar tal-Providenza

Nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Ġunju 2018, waqt il-programm popolari televiżiv Xarabank inġabret is-somma ta’ €335,293 b’risq id-Dar tal-Providenza.

Din is-somma se tkun qed tingħaqad mas-somma li se tkun miġbura waqt l-10 edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball li se tinżamm fid-Dar tal-Providenza bejn il-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju u l-1 ta’ Lulju 2018.

Il-Bank Ċentrali ta’Malta jgħaddi l-qligħ mill-kunċert lid-Dar tal-Providenza

Il-qligħ kollu minn kunċert li fakkar il-Ħamsin Anniversarju tal-Bank Ċentrali ta’ Malta li sar dan l-aħħar fit-Teatru Manoel ingħata bħala donazzjoni lid-Dar tal-Providenza. Il-mistednin ġew imħeġġa jagħmlu donazzjoni volontarja waqt il-kunċert b’risq id-Dar.

Il-kunċert, li sar taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, kellu repertorju ta’ xogħlijiet mużikali minn Hildegard von Bingen għall-kompożitur kontemporanju żagħżugħ Malti Karl Fiorini.

L-Aħħar tislima lil Anna Stellini

Tajna l-aħħar tislima lil Anna Stellini, ħaddiema tad-Dar tal-Providenza għal dawn l-aħħar 11-il sena. Kienet mara tal-familja, ħabrieka, dedidkata u kellha mħabba kbira lejn ir-residenti tad-Dar tal-Providenza. Minkejja l-marda kiefra li ħakmitha tul dawn l-aħħar tlett snin, Anna dejjem baqgħet mara pożittiva u bi tbissima li tagħmillek kuraġġ. It-tbissima u l-memorja tagħha se jibqgħu f’qalbna.

Grazzi Anna mir-residenti, s-sorijiet, ħaddiema u l-voluntiera kollha.

Id-Dar tal-Providenza tirringrazzja lill-Volontiera tagħha

Bħalma jsir kull sena, Id-Dar tal-Providenza organizzat attività biex matulha turi ir-rikonoxximent tagħha lill-għadd kbir ta’ voluntiera għad-dedikazzjoni u l-ħin tagħhom jew mar-residenti direttament jew fid-diversi oqsma tad-Dar fejn teħtieġ l-għajnuna. Din is-sena, l-attività bdiet b’quddiesa ta’ ringrazzjament minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, fil-kappella tal-iskola tas-Seminarju f’Tal-Virtù, fir-Rabat, għall-intenzjonijiet u l-bżonnijiet tal-volontiera imma ukoll b’suffraġju għal ruħ Donald Pace Bonello, wieħed mill-volontiera li miet dan l-aħħar.

Fr Martin irringrazzja lill-volontiera li b’tant imħabba u dedikazzjoni jagħtu ħinhom fid-diversi oqsma li jkun hemm il-ħtieġa tagħhom mar-residenti stess, fil-kċina, mal-ħajjata, fil-ġnien, fil-laundry, fl-amministrazzjoni u fl-uffiċċju tal-Belt. Fr Martin irringrazzja wkoll lir-Rettur u l-ammistrazzjoni tas-Seminarju li tawna l-permess nużaw il-kappella u l-canteen tagħhom għall-okkażjoni.

Music Room għar-residenti tad-Dar tal-Providenza

Ir-residenti tad-Dar tal-Providenza issa għandhom Music Room speċjalizzata fejn ikollhom sessjonijiet tal-mużika b’mod individwali kif ukoll fi gruppi, liema sessjonijiet huma ta’ benefiċċju kbir għalihom.

Il-Music Room setgħet issir bil-għajnuna finanzjarja tar-Rotary Club La Valette, ir-Rotary Club Malta u r-Rotary International District 2110 li sponsorjaw il-proġett kif ukoll tal-Alf. Mizzi Foundation li sponsorjat il-lift li jwassal għall-Music Room.

Qabel l-inawgurazzjoni tkellmu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, li fid-diskors ta’ merħba sab ħin jirringrazzja lil dawk kollha li taw l-għajnuna tagħhom biex jitwettaq dan il-proġett; is-Sinjura Margaret Vella, il-Fiżjoterapista Ewlenija tad-Dar li tkellmet dwar l-għan tal-Music Room; il-Perit, Prof. Vincent Buhagiar, koordinatur tal-proġett, li ta ħjiel tax-xogħol li kellu jsir biex tlestiet il-kamra u s-Sur Albert Petrococchino, mill-Alf Mizzi Foundation li ġentilment sponsorjat il-lift flimkien ma’ s-Sinjura Jane Mizzi, Trustee tal-Fondazzjoni, li ippreżentat iċ-ċekk tal-isponsorship lil Fr Martin.

Minn naħa tar-Rotary tkellmu s-Sur Bryan Sullivan tar-Rotary Club La Valette u s-sur John de Giorgio, Gvernatur tar-Rotary International f’Malta u fi Sqallija. Huma semmew l-impenn tar-Rotariani biex jgħinu sezzjonijiet tal-komunità li jagħmlu parti minnha.

Mons Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija għamel diskors tal-għeluq fejn irrepeta dak li qal Papa Franġisku li kull persuna fosthom il-persuni b’diżabilità huma persuni uniċi u irrepetibbli. Huwa qal li hija grazzja kbira li biex iseħħu proġetti bħal dan tal-Music Room, li jtejjbu il-kwalità tal-ħajja tar-residenti, hemm ukoll struttura ta’ impjegati u volontiera biex jaraw li x-xogħol isir u s-servizz jingħata.

Il-Music Room ġiet inawgurata mis-Sur John de Giorgio u mbierka minn Mons Cordina.

Ma naqasx li r-residenti juru l-abbiltajiet tagħhom bl-għajnuna tal-Ability Promoters tad-Dar u kantaw tliet siltiet mużikali.

ID-DAR TAL-PROVIDENZA U L-AZZJONI KATTOLIKA MALTIJA IFAKKRU LIL MONS MIKIEL AZZOPARDI

“L-impenn sħiħ ta’ Mons Mikiel Azzopardi wera ruħu fl-imħabba tiegħu lejn dawk emarġinati, bla vuċi, moħbija u minsija minn ħafna nies. Hu għaraf li iktar ma bniedem hu dgħajjef, iktar jeħtieġ appoġġ u għajnuna.” Dan qalu Mons Joe Galea Curmi, Vigarju Ġenerali, fl-omelija li għamel waqt Ċelebrazzjoni Ewkaristika li saret biex jitfakkar il-wieħed u tletin anniversarju tal-mewt ta’ Mons Mikiel Azzopardi, li waqqaf id-Dar tal-Providenza fl-1965.

Il-Vigarju Ġenerali kompla jgħid li Dun Mikiel ried li s-soċjetà Maltija tagħraf id-dinjità ta’ kull bniedem u għalhekk tal-persuni b’diżabilità. “Il-messaġġ ta’ Dun Mikiel,” qal il-Monsinjur Vigarju, “hu tassew attwali anke llum meta jfakkarna li l-ħajja umana irridu ngħożżuha. Quddiem il-ħajja umana, ma noqogħdux ngħoddu ċ-ċelloli biex naraw jistħoqqilhiex dinjità, ma noqogħdux niddiskriminaw bejn min jistħoqqlu jgħix u min nistgħu inħalluh għal riħu. Il-ħajja umana hi għażiża mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha u t-tul kollu tagħha. Minna titlob rispett sħiħ.”

Għal din il-Quddiesa, li saret fil-kappella tad-Dar tal-Providenza, attendew għadd ta’ membri tal-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM), residenti u ħbieb tad-Dar. Dun Mikiel twieled fil-Belt Valletta fl-10 ta’ Frar 1910 u miet fit-13 ta’ Mejju 1987. Flimkien ma’ Mons Galea Curmi, ikkonċelebraw Fr Rueben Gauci, Assistent Ekkleżjastiku taż-ŻAK u Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza.

Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, saru diskorsi qosra minn Fr Martin li irringrazzja lill-Azzjoni Kattolika Maltija għall-appoġġ sħiħ li dejjem tat u għadha tagħti lid-Dar tal-Providenza. Is-Sur Josef Deguara, President tal-AKM aċċenna għall-omelija ta’ Mons. Vigarju u tenna li l-ħajja umana irridu ngħożżuha.

Wara, dawk preżenti inġabru flimkien għal moment ta’ skiet ma’ Mons. Galea Curmi, Fr Reuben u Fr Martin u talbu madwar il-qabar ta’ Mons Azzopardi.

Omelija – 31 anniversarju mill-mewt ta’ Mons. Mikiel Azzopardi 12 ta’ Mejju 2018

Imħabba kbira lejn dawk emarġinati, bla vuċi, moħbija u minsija

“Il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.” Din l-aħħar sentenza tas-silta minn San Mark tal-Evanġelju tal-lum, li tispjega fi ftit kliem il-ħajja u l-missjoni tad-dixxipli ta’ Ġesù wara li hu tela’ s-sema, tfakkarni ħafna f’Mons. Mikiel Azzopardi li llum qegħdin infakkru l-31 anniversarju mill-mewt tiegħu.

Il-Mulej ħadem permezz ta’ Dun Mikiel fil-kelma li hu xandar għal snin b’ħeġġa u b’determinazzjoni, u l-Mulej wettaq din il-kelma b’dan il-miraklu kbir ta’ mħabba, id-Dar tal-Providenza, li dis-sena ċċelebrajna l-50 sena minn meta nfetħet l-ewwel dar tagħha. Għalhekk illum aħna nfakkru b’għożża lil dan il-qaddej tal-Mulej u nirringrazzjaw lil Alla għal dak li għamel permezz tiegħu għall-ġid tas-soċjetà Maltija.

Dun Mikiel emmen bis-sħiħ li s-sema hu pajjiżna – dak li turina l-festa tal-Mulej tiela’ s-sema. Kien jemmen li dik hi d-destinazzjoni tagħna, lil hemm mexjin, biex ’il quddiem naslu fejn wasal qabilna Ġesù fil-glorja tiegħu. Din il-fidi soda fi Kristu ħaj kienet dejjem f’qalb u f’fomm Dun Mikiel, u din il-fidi mexxietu tul ħajtu kollha.

Imma fl-istess waqt, Dun Mikiel għaraf ukoll li l-viżjoni tas-sema mhijiex aljenazzjoni – ma tħalliniex inħarsu ċċassati lejn is-sema b’idejna marbuta u nieqfu hemm – imma, il-kontra, hi xprun biex hawn, fuq din l-art naħdmu b’entużjażmu u kuljum biex ngħixu l-kelma ta’ Alla u nwasslu l-imħabba tiegħu. Għaraf li l-missjoni tagħna hi hawn, f’din id-dinja. Hawn imsejħin biex nimpenjaw ruħna f’azzjoni Kattolika. Hawn imsejħin biex naħdmu għall-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem u nibdlu s-soċjetà għall-aħjar.

Kien dan l-impenn sħiħ ta’ Dun Mikiel li wera ruħu fl-imħabba tiegħu lejn dawk emarġinati, bla vuċi, moħbija u għalhekk minsija minn ħafna nies. Hu għaraf li iktar ma bniedem hu dgħajjef, iktar jeħtieġ appoġġ u għajnuna. Ried li s-soċjetà Maltija tagħraf id-dinjità ta’ kull bniedem, u għalhekk tal-persuni b’diżabilità wkoll. Dan kien il-mod sabiħ li bih għex din il-mixja lejn is-sema pajjiżna.

Dan hu messaġġ importanti li Mons. Azzopardi jagħti lilna lkoll miġbura hawn. Ifakkarna li aħna maħluqin biex fl-aħħar tal-mixja tagħna f’din id-dinja ningħaqdu għal dejjem ma’ Alla li hu mħabba. Ifakkarna wkoll li din il-viżjoni lilna timliena b’enerġija biex hawn, f’din il-ħajja, kull wieħed u waħda skont is-sejħa li jagħmlilna l-Mulej, nagħtu kontribut siewi lis-soċjetà.

Il-messaġġ ta’ Dun Mikiel hu tassew attwali meta jfakkarna li l-ħajja umana rridu ngħożżuha. Quddiem il-ħajja umana, ma noqogħdux ngħoddu ċ-ċelloli biex naraw jistħoqqilhiex dinjità jew le, ma noqogħdux niddiskriminaw bejn min jistħoqqlu jgħix u min nistgħu nħalluh għal riħu. Il-ħajja umana hi għażiża mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, u t-tul kollu tagħha. Minna titlob rispett sħiħ.

Meta ngħixu b’dan l-ispirtu, ġa nkunu qegħdin minn issa ngħixu l-ħajja ta’ dejjem. Inkunu qed niltaqgħu ma’ Kristu hawn, hu li qal “dak kollu li għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”. Inkunu qegħdin inħallu lil Kristu bl-ispirtu tiegħu jgħallimna l-valuri veri tal-ħajja li smajna fl-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin– l-umiltà, il-ħlewwa, is-sabar, l-imħabba, is-sliem.

Grazzi, Mulej, ta’ Mons. Mikiel Azzopardi. Ħa jkun għalina dejjem ispirazzjoni kif għandna ngħixu bil-viżjoni tas-sema u b’impenn sħiħ fis-soċjetà llum.

Fr Joe Galea Curmi

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca tindirizza l-konferenza “Every Life Matters”

“L-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilitajiet, fil-livelli kollha tas-soċjetà, hija parti sħiħa mill-impenn biex inħaddnu l-valuri demokratiċi, u nissalvagwardjaw id-drittijiet umani universali.” Dan kien wieħed mill-messaġġi li wasslet il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca meta għamlet id-diskors tal-ftuħ fil-konferenza “Every Life Matters” fil-Grand Hotel Excelsior. Il-Konferenza kellha l-għan li tqajjem għarfien dwar l-inklużjoni u t-theddid li jiffaċċjaw persuni b’diżabiltajiet, li ħajjithom hija mhedda sa mill-bidu tagħha fil-ġuf.

Il-President qalet li huwa essenzjali għalina li dejjem nippromwovu, nipprijoritizzaw u nipproteġu id-dinjità intrinsika tal-persuna umana. Dan huwa meħtieġ speċjalment f’dan iż-żmien meta pajjiżna għaddej minn tibdiliet storiċi fl-isfera ta’ leġislazzjoni u politika li jittrattaw oqsma sensittivi ta’ kura riproduttiva. Hija qalet li temmen li hu meħtieġ li l-professjonisti kollha tagħna, l-attivisti tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll membri tal-komunitajiet milquta, jieħdu sehem fi djalogu rispettabbli fuq kwistjonijiet ta’ etika daqshekk importanti.

Il-President għamlet referenza għall-individwi u familji li kellhom esperjenzi personali ta’ xi jfisser tgħix b’diżabiltajiet u li kellhom l-opportunità jagħtu din ix-xhieda fil-konferenza u qalet: “Intom l-esperti ta’ ħajjitkom u hija ir-responsabbiltà tagħna li nagħtu widen għall-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tagħkom.”

F’diskors ta’ merħba, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, qal li f’dawn l-aħħar ħamsin sena, bis-saħħa ta’ pijunieri fil-qasam tal-persuni b’diżabilità, il-persuni b’diżabilità għamlu kisbiet kbar f’dak li huma drittijiet, inklużjoni soċjali u servizzi u ta’ dan għandna għalfejn inħossuna kburin għalkemm għad baqa’ ħafna x’isir. Dan kollu hu frott ta’ żieda fl-għarfien tad-dinjità li għandhom iġawdu l-persuni d’diżabilità bħala ċittadini ndaqs.
Fr Martin qal li din il-konferenza għandha l-iskop li tisfidana biex naħdmu lkoll bħala soċjetà biex nieqfu nħarsu lejn id-differenza bħala xi theddida imma bħala xi ħaġa li tagħnina. “Irridu nieqfu nħarsu lejn il-bniedem minn lenti li tqis kemm kapaċi jipproduċi u kemm kapaċi jitla’ l-iskaluni tas-suċċess. Irridu nħarsu lejn kull bniedem bħala uniku, irripetibbli, u prezzjuż – għani fl-umanità u fl-ispiritwalità; irridu nħarsu lejn kull bniedem fid-dawl mhux tant ta’ kemm għandu valur imma bħala xi ħadd li jgawdi dinjità inkalkulabbli. Soċjetà vera titkejjel biss mir-rispett li bih tħares lejn kull persuna.”
“Aħna, li nemmnu li Every Life Matters, inweġġgħu meta niltaqgħu ma’ ġenituri li qed jistennew tarbija u li forsi jiffaċċjaw riskji minħabba l-età jew raġunijiet oħra, li jaqsmu magħna l-esperjenzi tagħhom dwar il-pariri li jkunu ingħataw minn ginekoloġi, professjonisti jew nies oħra biex jagħmlu t-testijiet meħtieġa ħalli, jekk jirriżulta xi ħaġa, ‘iħaddmu rashom’.”
Fr Martin temm jgħid li “aħna, li nemmnu li Every Life Matters, nixtiequ nibqgħu ngħixu f’soċjetà li tgawdi minn leġiżlazzjoni li tħares dejjem id-dritt tal-ħajja f’kull stadju tagħha bla ma tagħżel min għandu jgħix jew imut.”

Kien hemm żewġ diskorsi ewlenin. L-ewwel wieħed mill-Prof Carmen Martinez Cue tal-One of Us Federation li iffokat fuq l-avvanzi u riċerki ġodda fit-trattament ta’ persuni bid-Down Syndrome. Prof Martinez Cue hija Associate Professor tal-Farmakoloġija fil-Fakultà tal-Mediċina fl-Università ta’ Cantabria fi Spanja. Wara kien hemm intervent minn Dr Domenico Coviello dwar l-aspetti mediċi u etiċi fl-għażla u fl-eżaminar qabel it-twelid tal-embrijun. Dr Coviello huwa bħalissa d-Direttur tal-Laboratorju tal-Ġenetika Umana fl-Isptar Galliera f’Genoa fejn ilu minn Marzu 2010.

Saru testimonjanzi minn Joeanne Xerri u Vanessa Portanier, żewġ ommijiet li qed irabbu tfal b’diżabilità kif ukoll minn Amy Camilleri Zahra li għandha diżabilità.

Id-diskors tal-għeluq sar minn Mons Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija fl-Arċidjoċesi ta’ Malta.
Il-konferenza “Every Life Matters” kienet organizzata mill-Life Network Foundation Malta u Id-Dar tal-Providenza bil-kollaborazzjoni tal-One Of Us Federation u LeJeune Foundation.

Bazaar b’risq id-Dar tal-Providenza

Bazaar b’risq id-Dar tal-Providenza

fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi

Nhar il-Ħadd, 22 ta’ April

bejn id-disa’ ta’ filgħodu u l-erba’ ta’ wara nofsinhar

Issibu oġġetti utli għad-dar bi prezzijiet imraħħsa

Narawkom