Paragliding għal żewġ residenti tad-Dar tal-Providenza

Christine Borg u Tonio Mercieca fl-aħħar qatgħu xewqithom u għamlu avventura ta’ paragliding wara li s-sena l-oħra attentat biex jogħlew fuq il-baħar ta’ Golden Bay f’Għajn Tuffieħa kellu jitħassar minħabba rjieħ qawwija. Għall-ħabta ta’ l-għaxra ta’ filgħodu tas-Sibt, 21 ta’ Lulju 2018, Christine u Tonio waslu fl-Amazonia Complex tal-lukanda Dolmen faċċata tal-Oracle Casino biex jibdew il-preparamenti għall-avventura tagħhom li l-irjieħ, għalkemm mhux qawwija ħafna, ikkomplikaw xi ftit. Imma xejn ma kien se jżomm liż-żewġ residenti, li t-tnejn jużaw siġġu tar-roti tal-elettriku, milli jattwaw il-ħolma tagħhom li jitħażżmu ma’ parachute u jagħmlu paragliding fuq il-baħar ikħal u kemxejn imċaqlaq tal-Qawra.

Eżatt wara l-esperjenza tagħha, Christine qalet li “kienet ferħana għax hemm fuq tħossok libera minn kollox, mingħajr wheelchair, mingħajr ħafna ssikkar. Kienet esperjenza sabiħa u jekk ningħata l-opportunità, nerga’ nagħmilha.”

Tonio sejħilha esperjenza tal-ġenn li tħossok maqtugħ mill-art. “Minflok toqgħod tħares u tgħid nixtieq nagħmilha, irniexxieli nagħmilha u għalija hija boost għall-ħajja u għall-futur. Bl-appoġġ misthoqq, kollox possibbli.”

Christine u Tonio jirringrazzjaw lil dawk kollha li għenu biex il-ħolma tagħhom issir realtà, speċjalment lis-support worker tagħhom Anna Marshall u Andrew Micallef tas-Sun & Fun Watersports.

€27,300 miġbura waqt lejla gastronomika b’risq Id-Dar tal-Providenza

€27,300 inġabru waqt lejla gastronomika b’risq Id-Dar tal-Providenza organizzata minn Infinitely Xara Co. Ltd, li s-sidien tagħha huma l-familja Zammit Tabona. Din l-ikla, li ġiet organizzata għat-tieni sena konsekuttiva, saret f’Misraħ il-Kunsill fl-Imdina, biswit il-Kunsill Lokali tal-Imdina u bl-isfond tal-faċċata grandjuża tal-lukanda ta’ ħames stilel, The Xara Palace Relais & Chateaux. Infinitely Xara organizzat ikla ta’ ħames korsi akkumpanjata b’inbejjed differenti. Iktar minn €55,000 inġabru f’dawn is-sentejn.

L-ikla saret taħt il-patroċinju tal-E.T. Monsinjur Joe Galea Curmi, l-Isqof Awżiljarju Elett ta’ Malta. Kienu preżenti wkoll l-Arċisqof Emeritus Mons Pawl Cremona O.P. u Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza.

Diversi persuni attendew din is-serata minn kumpaniji stabbiliti li taw id-donazzjonijiet tagħhom lid-Dar tal-Providenza. Il-kumpaniji ewlenin tas-serata kienu Diamonds International, EY, Francis J. Vassallo & Associates Group, GSD Marketing Ltd, Halmann Vella Ltd, KRS Releasing Ltd, Malta International Airport, PWC, Raico, Seifert Systems Ltd, The Point Shopping Mall, VJ Salomone Marketing Ltd u l-Kunsill Lokali tal-Imdina.

Ringrazzjament speċjali jmur għand dawk in-nies kollha li taw sehemhom matul din l-attività ta’ ġbir ta’ fondi, il-ħaddiema, il-voluntiera, l-isponsors u d-donaturi tal-arti li nbigħu waqt is-serata.

Żewġ residenti tad-Dar tal-Providenza f’avventura ta’ paragliding

Christine u Tonio, żewġ residenti tad-Dar tal-Providenza b’diżabilità fiżika li jgħixu f’Dar Akkwarell fil-Qawra se jerġgħu jidħlu għall-avventura ta’ paragliding li s-sena l-oħra kellhom iħassru minħabba l-irjieħ qawwija. Din se ssir nhar is-Sibt li ġej, 21 ta’ Lulju bejn il-11.00am u s-1.00pm fl-Amazonia Complex fil-Qawra, faċċata tal-Oracle Casino. Min ikun fl-inħawi huwa mħeġġeġ li jagħti appoġġ lil Christine u Tonio f’din l-avventura li ilhom joħolmu biha għal dawn l-aħħar sentejn.

Id-Dar tal-Providenza tingħata il-‘Paul Harris Recognition Award’

Waqt ikla li saret bil-għan li tiġbor fondi u li saret f’Dar il-Kaptan, fl-Imtarfa, Rotarian Bryan Sullivan, President tar-Rotary Club La Valette Malta 2017-2018, ippreżenta lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza bil-‘Paul Harris Recognition Award’. Dan ingħata b’turija ta’ apprezzament għal ħidma li tagħmel id-Dar.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, Rotarian Sullivan qal li “huwa l-pjaċir tagħhom li jagħrfu l-irwol li d-Dar tal-Providenza għandha biex tagħmel id-differenza fil-komunità.”

53 siegħa ta’ Volleyball iwasslu għal ġabra ta’ €651,905 għad-Dar tal-Providenza

It-tmiem tal-Maratona tal-Volleyball BOV Marigold 2018, f’nosillejl tal-Ħadd 1 ta’ Lulju, kien ikkarraterizzat minn ferħ, tbissim, doċċi ta’ xampanja u sentimenti ta’ gratitudni lejn l-40 plejer, rġiel u nisa, coaches, arbitri, score keepers, tobba, fiżjoterapisti u infermiera, li ddeċidew li jisfidaw is-sħana tal-ġurnata u l-ħemda tal-lejl biex jilagħbu volleyball bla waqfien għal 53 siegħa b’risq id-Dar tal-Providenza.

Il-ġenerożita tagħhom f’ħinhom u fl-isforzi tagħhom kien ippariġġjat mill-ġenerożita tal-poplu Malti b’donazzjonijiet ta’ madwar of €651,905. Din is-somma tinkludi l-ammont ta’ €335,291 miġbur waqt l-edizzjoni speċjali ta’ Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Ġunju.

Il-Maratona kienet inawgurata uffiċjalment nhar il-Ġimgħa filgħaxija mill-President ta’ Malta, l-E.T Marie-Louise Coleiro Preca, li preżentat ukoll donazzjoni mill-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.

Matul it-tlett ijiem tal-Maratona, il-plejers u l-organizzaturi kellhom l-opportunità jilqgħu lill-Prim Ministru Dr Joseph Muscat u lis-Sinjura Michelle Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Adrian Delia, l-Arċisqof Emeritus Mgr Paul Cremona O.P., Ministri, Segretarji Parlamentari, membri oħra tal-Parlament u membri tal-PE. Kollha qattgħu ħin jirrispondu t-telefonati mill-pubbliku li kienu qed iċemplu biex jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom.

Filgħaxija u matul il-lejl, il-Maratona tal-Volleyball ixxandret b’mod dirett fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni TVM, TVM2, ONE TV, NET TV.

Il-President ta’ Malta tinawgura l-10 Edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball BOV Marigold b’risq id-Dar tal-Providenza

L-10 edizzjoni tal-Maratona ta’ 53 siegħa ta’ Volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza li qed issir bl-appoġġ tal-Marigold Foundation – BOV in the Community kienet inawgurata uffiċjalment mill-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta. Hija żaret id-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi fejn kienet milqugħa minn Fr Martin Micallef id-Direttur tad-Dar, ir-residenti, kif ukoll mis-Sinjura Elvia George, Chief Finance Officer tal-Bank of Valletta li hija wkoll membru fuq il-Bord tal-Marigold Foundation – BOV in the Community.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm preżenti fost oħrajn l-Onor. Anthony Agius Decelis, Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, is-Sur Clifton Grima, Segretarju Parlamentari għaż-żgħażagħ, Sport u Organizazzjonijiet Volontarji kif ukoll Dr Maria Deguara, kelliema tal-Oppozizzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva.

Fr Martin Micallef beda l-indirizz qasir tiegħu billi rringrazzja l-voluntiera għall-appoġġ tagħhom matul is-sena kif ukoll lill-plejers li mhux biss jipparteċipaw fil-maratona imma wkoll jagħmlu xahrejn intesivi ta’ taħriġ sa kemm jintgħażlu t-timijiet li jkunu se jidħlu għal din l-isfida.

“Din il-maratona tistrieħ fuq sisien għeżież wisq għalina jiġifieri s-solidarjetà u l-isport. L-ispirtu altruistiku ta’ kull min hu involut jiddi tul din l-attività u juri li fejn hemm ir-rieda nistgħu naslu. Aħna nħossuna komossi quddiem l-appoġġ tal-poplu Malti u Għawdxi sena wara l-oħra.”

Fr Martin spjega kif evolviet id-Dar u qal li l-proġett il-kbir ta’ din is-sena se jkun il-ftuħ ta’ dar oħra fil-Balluta kif ukoll proġett ta’ rinovazzjoni ġewwa Dar Żerniq li kienet l-ewwel dar fil-komunità.”

Is-Sinjura Elvia George kompliet fuq dak li qal Fr Martin u qalet li “Il-Fondazzjoni Marigold ilha taħdem fil-qrib mad-Dar tal-Providenza se mit-twaqqif tagħha ħames snin ilu. Il-ħidma ta’ kuljum hija biċċa xogħol inkredibbli, aħseb u ara li tinvesti f’faċilitajiet ġodda u ssostniehom. Mandakollu dan hu neċessarju mhux biss għar-residenti tad-Dar imma wkoll għal dawk li jkollhom bżonn residenza għal żmien qasir. Tul is-snin, id-Dar baqgħet tgħożż il-valuri vera tal-Fundatur tagħha u verament toffi ambjent ‘ta’ familja’ li min ikollu bżonn is-servizzi residenzjali tagħha.” Hija temmet tgħid li d-Dar tal-Providenza hija eżempju għal dak li l-Marigold Foundation – BOV in the Community teżisti għalih iġifieri li tagħti lill-għaqdiet mhux governattivi pjattaforma biex itejbu l-ħidma tagħhom.”

L-E.T Marie-Louise Coleiro Preca esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-mod kif il-pajjiz kollu kapaċi jingħaqad flimkien biex jgħin lid-Dar tal-Providenza is-sena kollha imma b’mod partikulari waqt din l-attività annwali.” Hija kompiet tgħid li,“Ħamsin sena wara, din id-Dar għadha xhieda ħajja tal-viżjoni tal-Fundatur Mons. Mikiel Azzopardi. Illum il-ġurnata id-Dar għad għandha rwol importanti li tipprovdi lir-residenti tagħha d-dinjità u l-inklużjoni li jixirqilhom biex jgħixu ħajjithom fil-milja kollha tagħha.”

Il-Maratona li qed tinżamm fil-parkeġġ tad-Dar stess fis-Siġġiewi tasal fi tmiemha l-Ħadd l-1 ta’ Lulju.

Filwaqt li wieħed ikun qed jissapportja l-plejers li qed jidħlu għal din l-isfida wieħed jista’ wkoll igawdu minn spettaklu tal-aqwa talent mużikali Malti. Il-Ġimgħa se ddoqq il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, kantanti lokali kif ukoll il-Band ta’ Kersten Graham. Is-Sibt filgħaxija l-Banda tal-Pulizija se ttellgħa spettaklu mużikali bil-parteċipazzjoni ta’ kantanti lokali filwaqt li l-Ħadd se jkun hemm spettaklu mużikali mill-Band popolari The Crowns sa ma tiġi fi tmiemha l-maratona mat-tokki ta’ nofsillejl.

Din is-sena, se jerġa’ jkollna big screen għal min ikun irid isegwi wkoll il-logħob tat-Tazza tad-Dinja. Ma jonqsux ukoll stalls b’ikel għall-gosti ta’ kulħadd.

Il-Maratona qed tixxandar b’mod dirett fuq l-istazzjonijiet prinċipali tat-televiżjoni: TVM, TVM2, NET u One.

Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jsiru permezz tat-telefon fuq in-numru 51702012 għal donazzjoni ta’ €15, fuq in-numru 51802013 għal donazzjoni ta’ €25 u fuq in-numru 51902070 għal donazzjoni ta’ €50. Donazzjoni ta’ €6.99 tista’ ssir billi jintbagħat SMS vojt fuq 50618944. L-abbonati tal-BOV Mobile Pay jistgħu jagħmlu d-donazzjoni tagħhom ukoll permezz tan-numru 79324834. Se jkun hemm ukoll pledge line bin-numru 2146 1537.

Awguri lil Mary Verzin f’għeluq id-90 sena tagħha

Maria Dolores Verzin, volontiera fid-Dar tal-Providenza, tagħlaq 90 sena fid-29 ta’ Ġunju. L-isbaħ xewqat mingħand id-Direttur tad-Dar, Fr Martin Micallef, l-amministrazzjoni u kollegi li ħadmu mas-Sinjura Verzin.

Is-Sinjura Verzin, li kienet ġiet mistiedna minn Mons Mikiel Azzopardi stess biex tiġi tgħin fid-Dar tal-Providenza, fl-2011 ingħatat il-Premju Dun Mikiel b’rikonixximent tal-ħidma tagħha fid-Dar. Il-ħin tagħha tagħtih fit-taqsima tal-ħajjata li hemm fid-Dar.

L-impjegati tal-BOV u l-parteċipanti fil-maratona tal-Volleyball f’logħba ta’ ħbiberija kontra xulxin

Ftit ġranet biss ’il bogħod mit-tisfira li se tagħti bidu għall-Maratona tal-Volleyball ta’ 53 siegħa għall-avveniment annwali ta’ ġbir ta’ fondi b’risq Id-Dar tal-Providenza, grupp ta’ impjegati tal-BOV ħadu sehem f’logħba ta’ ħbiberija kontra wħud mill-plejers li se jieħdu sehem fil-maratona. Il-logħba saret fil-parkeġġ tad-Dar innifisha.

Kif spjega Emanuel Zammit, iċ-Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv tal-Maratona, it-taħriġ għall-maratona issa jinsab għaddej fl-aqwa tiegħu b’40 plejer minn total ta’ madwar 200 voluntier jaslu fil-fażi finali, wara li fi tmiem il-ġimgħa li għadda ġie organizzat il-boot camp finali ta’ 24 siegħa. Dawn il-plejers ilhom jitħarrġu sa mill-aħħar ta’ Mejju, filwaqt li jsibu bilanċ bejn ir-reġim tat-taħriġ iebes, u l-impenji personali u tax-xogħol tagħhom.

Meta tkellmet qabel l-avveniment, Elvia George li hija kemm iċ-Chief Finance Officer tal-Bank kif ukoll membru fuq il-Bord tal-Fondazzjoni Marigold – BOV fil-Komunità qalet li, “Il-Fondazzjoni għal darb’oħra qed tagħti l-appoġġ tagħha lil din il-maratona ta’ solidarjetà. Huwa inkoraġġanti għalina li naraw lin-nies tagħna jieħdu sehem b’ħeġġa f’dan l-avveniment, li jgħin biex tinħoloq aktar kuxjenza dwar l-attivitajiet li hemm imħejjija għal dan it-tmiem il-ġimgħa fid-Dar.”

Filwaqt li rringrazzja lill-impjegati tal-BOV li ħadu sehem, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza esprima l-gratitudni tiegħu għal din il-wirja ta’ solidarjetà li sena wara l-oħra żżomm lid-Dar għaddejja, filwaqt li tippermetti lir-residenti jgħixu l-ħajja ta’ dinjità u inklużjoni li jixirqilhom.”

Il-Maratona tal-Volleyball se tiġi inawgurata uffiċjalment nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju fis-18.00 mill-E.T. Marie-Louise Coleiro-Preca, President ta’ Malta.

Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jsiru permezz tat-telefon fuq 51702012 għal donazzjoni ta’ € 15, 51802013 għal donazzjoni ta’ € 25 u 51902070 għal donazzjoni ta’ € 50. Tista’ ssir donazzjoni ta’ € 6.99 billi jintbagħat SMS vojt fuq 50618944. L-abbonati tal-BOV Mobile Pay jistgħu wkoll jagħmlu d-donazzjoni tagħhom fuq in-numru 79324834.

Id-Dar tal-Providenza tawgura lill-Isqof-Elett Mons Joe Galea Curmi

Id-Dar tal-Providenza tifraħ lil Monsinjur Joe Galea Curmi, Vigarju Ġenerali li l-Papa Franġisku nnominah Isqof Awżiljarju ta’ Malta. L-Isqof nominat, Mons Galea Curmi għandu għal qalbu ħafna s-settur tal-persuni b’diżabilità kif ukoll il-ħidma tad-Dar tal-Providenza. Nawgurawlu u nwegħduħ it-talb tagħna fil-qadi tal-Ministeru Episkopali ġdid fdat lilu.

(Ritratt: Ian Noel Pace)

Il-Malta Institute of Accountants jappoġġja l-ħidma tad-Dar tal-Providenza

Is-somma sabiħa ta’ €4,000 kienet ippreżentata mill-Malta Institute of Accountants lid-Dar Tal-Providenza. Din id-donazzjoni kienet tinkludi wkoll donazzjonijiet li taw il-membri tal-istess Istitut, dan l-aħħar xahar kif ukoll somma li nġabret waqt attivita soċjali annwali mtellgħa għall-membri.

Is-Sur William Spiteri Bailey, President tal-Malta Institute of Accountants qal li jemmen li l-Istitut għandu rwol doppju fis-soċjeta. “Nemmnu li għandna numru ta’ funzjonijiet x’naqdu u minn dawn il-funzjonijiet joħroġ il-bżonn tar-rwol tagħna li nkunu qrib is-soċjeta u nidħlu għal proġetti ispirati mill-kunċett tal-ġid komuni. Din is-sena l-Istitut għażel li jappoġġa kawza nobbli mresqa lilu mill-Advocacy for Legacy dik tad-Dar Tal-Providenza.”

Fr. Martin Micallef, Directtur tad-Dar Tal-Providenza rringrazzja lill-MIA għal din id-donazzjoni ġeneruża. Huwa qal li hu ta’ pjaċir għalih li l-MIA għamlet tagħha l-kunċett li jagħti jagħti saħħa lil individwi u jappoġġjohom biex jgħixu ħajja dinjituża bil-ħolqien ta’ ambjent tajjeb għal kulħadd li jkabbar il-potenzjal u l-abilta tagħhom. Huwa rringrazzja lill-membri tal-Istitut li ħadu din l-Inizzjattiva u appoġġjaw il-kawża tagħna.

Is-Sur Jesmond Saliba, fundatur tal-A4L (Advocacy for Legacy), rringrazja lil Malta Institute of Accountants li ġentilment appoġġjaw din l-inizjattiva. Ispirata mill-prinċipju tal-ġustizzja soċjali, l-inklużjoni soċjali u r-rispett lejn id-dinjita umana, Advocacy for Legacy hi komessa li tmexxi l-quddiem l-opportunitajiet tal-ħajja kif ukoll opportunitajiet għas-soċjeta Maltija b’enfasi speċjali fuq li tagħti s-saħħa lil dawk l-aktar vunerabbli, fosthom it-tfal, mir-riskji marbutin ma’ inklużjoni soċjali biex jiġi rrealiżżat il-potenzjal u jintlaħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Caption Il-President tal-Malta Institute of Accountants (MIA) William Spiteri Bailey jippreżenta d-donazzjoni ta’ €4,000 lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza. Preżenti wkoll kien hemm Ms Maria Cauchi Delia CEO ta’ l-MIA, Ms Analise Sammut, Events and Relationship Coordinator ta’ l-MIA, Ms Nadine Camilleri Cassano Amministratur tad-Dar Tal-Providenza u Jesmond Saliba Fundatur ta’ Advocacy for Legacy.