Rekluti ġodda tal-Forzi Armati ta’ Malta jgħinu fid-Dar tal-Providenza

Grupp ta’ rekluti ġodda tal-Forzi Armati ta’ Malta qattgħu xi jiem jagħlu xogħol volontarju f’Dar Akkwarell fil-Qawra. Ir-rekluti għamlu xogħol ta’ tikħil u żebgħa fil-partijiet komuni tar-residenza kif ukoll taw dehra ġdida lil-kmamar privati tar-residenti. Qabel telqu ir-rekluti ppreżentaw rigali li jafu li r-residenti jħobbu u għamlu wkoll donazzjoni għad-Dar tal-Providenza.

Ħidma oħra li għamlu r-rekluti tal-Forzi Armati ta’ Malta kienet fid-dar tat-tfal tal-Creche f’Tas-Sliema.

Din il-ħidma volontarja ma setgħetx tkun possibli mingħajr l-għajnuna materjali u finanzjarja. L-isponsors ewlenin kienu Sigma Malta, Macpherson Paints Malta, B&G Hardware Store, Betacentre, Nectar.

Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja ta’ Sr. Annunziata Cortis

Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja ta’ Sr Annunziata Cortis soru tal-Karità ta’ Santa Giovanna Antida Thouret li ngħaqdet mal-Mulej fis-sema fl-età venerabbli ta’ 105 sena. Sr Annunziata ħadmet fid-Dar tal-Providenza bejn l-1970 u l-1972 kif ukoll fl-1982. F’dan iż-żmien hija kienet ukoll is-superjura tal-Komunità tas-sorijiet residenti fid-Dar tal-Providenza.

Bijografija

Sr Annunziata twieldet fl-1913 fir-Rabat ta’ Malta. Fil-magħmudija tawha l-isem ta’ ‘Pawla’. Kienu żminijiet diffiċli għall-Ewropa kollha għaliex kienet qed tberraq l-ewwel gwerra dinjija (1914-1918). Minbarra minn hekk Malta kienet kolonja Ingliża u ma setgħux ma jħossux l-effetti tal-gwerra.

Il-ġenituri ta’ Sr Annunzjata għarfu jagħtu lil binthom formazzjoni profondament nisranija u umana. Ta’ età żgħira ħasset is-sejħa għall-ħajja reliġjuża u wara li talbet u ħadet pariri minn min kien jafha sewwa u seta’ jiggwidha, ta’ sittax il-sena ħalliet dak kollu li kien għażiż għaliha u daħlet fin-novizzjat tas-Sorijiet tal-Karità ġewwa Ħal Tarxien.

Sr Annunzjata kienet persuna umli, lesta dejjem li titgħallem. Wara n-novizzjat bagħtuha fl-isptar Centrali il-Furjana u hawn Is-superjuri tagħha mill-ewwel indunaw li fiha kien hemm il-kwalitajiet neċessarji għal Soru tal-Karità. Ta’ min jiftakar li f’dak iż-żmien l-isptarijiet ma kellhomx il-faċilitajiet ta’ llum u l-personal ma kienx hekk ikkwalifikat bħallum u għalhekk ix-xogħol kien iktar diffiċli u iebes millum.

Fl-1965, is-Sorijiet tal-Karità ġew mitluba li jmorru fi sptar fi Tripli u Sr Annunzjata marret tissupplixxi għal sentejn u hawn ukoll kienet għal qalbha mal-morda għaliex għaliha l-morda kienu mod tanġbbli li turi mħabba u nteress f’min hu fil-bżonn. Minn sentejn hija damet Tripli għal żmien ferm itwal u fl-1978 kienet responsabbli tal-komunità. Fil-ħajja twila tagħha insibuha tista’ tgħid f’kull dar ta’ kura li għandna f’Malta, Saura, l-isptar San Vinċenz, id-Dar tal-Providenza, Ħal Tarxien… Kull fejn kien hemm bżonn kienet tmur bil-qalb għaliex fil-marid kienet tara lil Kristu batut.

Minn barra l-qadi tal-morda, fl-1970 kienet kunsilliera Provincjali u anki dan is-servizz qdietu għal ħames snin b’għaqal u mħabba kbira. Sr Annunzjata kienet mara kapaci u kellha qalbha tajba ħafna u minkejja l-età kienet dejjem lesta biex tgħin u tagħti sehemha fejn ikun hemm bżonn.

Kienet mara spritwali ħafna. Kulħadd jitkellem fuq il-kalma u l-prudenza tagħha, fuq kemm kienet taf tostor dak li ma għandux jingħad, taħfer malajr lil min jonqosha b’xi mod, tagħder u tiskuża l-faqar morali u spiritwali ta’ l-oħrajn. Ta’ karattru ferrieħi u lesta dejjem biex tgħin u tkompli ma’ kulħadd.

Il-ħajja ta’ Sr Annunzjata kienet minsuġa minn atti ta’ mħabba kif jgħidu s-sorijiet kollha li għexu magħha. Sr Annunzjata kellha din il-forza għaliex qabel kollox kienet mara ta’ talb u intimità mal-Mulej . Il-ħin tat-talb għaliha ma kienet tibdlu ma’ ebda attività oħra jekk mhux għal bżonn.

Dawn l-aħħar snin għexet fid-dar tas-sorjiet tal-Karità f’Ħal Balzan fejn is-sorijiet jieħdu l-mistrieħ tagħhom wara snin ta’ servizz tal-karità.

Id-Dar tal-Providenza torganizza kors speċjalizzat fit-terapija fl-ilma.

Bejn l-4 u s-7 ta’ Ottubru, id-Dar tal-Providenza, bil-kollaborazzjoni tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Fiżjoterapisti, organizzat Kors speċjalizzat fit-Terapija Idrokinetika. Il-kors kien immexxi mid-Dott.ssa Maria Cristina Gualtieri, fiżjoterapista speċjalizzatta fit-terapija ta’ kundizzjonjiet varji fl-ilma, u Omor Milanesi li assistijha. Il-Kors kien ibbażat fuq erba’ modules: fosthom kif it-terpaija fl-ilma tista’ tintuża bħala meżż ta’ rijabilitazzjoni għal persuni bi problemi ortopediċi kif ukoll kundizzjonjiet newroloġiċi fit-tfal u fl-adulti. Kull module kien organizzat b’sessjoni teoretika u oħra prattika li fihom minbarra li ntweriet it-teknika rijabilitattiva lil dawk li ħadu sehem, sar ukoll taħriġ fuq każi kliniċi reali. Il-parti prattika saret fil-pixxina terapewtika tad-Dar tal-Providenza.

L-għan tal-kors kien li l-fiżjoterapisti li kienu qed jieħdu sehem jingħataw tagħrif u struzzjonijiet dwar kif dan il-metodu rijabilitattiv jista’ jisfrutta l-potenzjal terapewtiku tiegħu.

Ħmistax-il fiżjoterapista, li tlieta minnhom huma impegati tad-Dar tal-Providenza, attendew għal dan il-kors. Huma ħadu sehem b’interess kbir u b’mod interattiv.

Din hija t-tieni darba li d-Dar tal-Providenza qed torganizza dan il-kors. Fi tmien il-kors Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza qassam iċ-ċertifikati tal-partiċipazzjoni lil-fiżjoterapisti li attendew għall-kors.

Dawra bil-muturi b’risq id-Dar tal-Providenza

Nhar il-Ġimgħa, 28 ta’ Settembru, il-Forzi Armati ta’ Malta bil-koperazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta u l-Protezzjoni Ċivili organizzaw dawra bil-muturi b’risq id-Dar tal-Providenza. Il-muturi nġabru fil-Barracks ta’ Ħal Luqa fis-6.00pm fejn sar it-tberik tal-muturi mill-kappillan tal-Forzi Armati ta’ Malta, Fr Joe Meli u l-kappillan tal-Puliżija, Patri Ray Bonnici OFM Cap. Il-Kurunell Brian Gatt kellem lill-parteċipanti u rringrazzjahom tas-sehem tagħhom f’din l-inizjattiva. Wara dawra ta’ madwar siegħa il-muturi waslu d-Dar tal-Providenza fejn l-Armata organizzat pasta night għas-sewwieqa, il-familjari u l-ħbieb.

L-Assoċjazzjoni Voluntarji Lourdes (AVL) f’pellegrinaġġ tal-morda f’Lourdes

L-Arċisqof Emeritus Mons Pawl Cremona O.P. mexxa l-pellegrinagg għal Lourdes li sar bejn it-30 ta’ Awwissu u l-4 ta’ Settembru 2018. Grupp ta’ mija u tnejn u disgħin pellegrini Maltin ħadu sehem f’dan il-pellegrinaġġ organizzat kull sena mill-Assoċjazzjoni Voluntarji Lourdes (AVL).

Minbarra l-pazjenti, il-grupp kien magħmul fost oħrajn minn voluntiera fosthom żgħażagħ, tobba, infermiera, carers u saċerdoti. Kull pazjent kellu wieħed jew żewġ carers miegħu skont l-esiġenzi tal-kaz. Kien hemm ukoll tobba u nfermiera mir-Renal Unit fl-Isptar ta’ Mater Dei li raw li pazjenti setgħu ikollhom trattament tad-Dialysis kemm damu f’Lourdes.

Il-grupp ħa sehem fil-purċissjoni Aux Flambeaux fejn Mons Cremona ta l-barka fit-tmiem tagħha, fil-Via Sagra kif ukoll fil-quddiesa internazzjonali li kienet iċċelebrata l-Ħadd. Huma kellhom ukoll quddiesa bil-Malti fil-grotta stess.

Kull sena, l-Assoċjazzjoni tgħin persuni morda biex jagħmlu l-vjaġġ minn Malta għall-grotta tal-Madonna ta’ Lourdes, fejn dehret għall-ewwel darba lil Bernardette Soubirous fil-11 ta’ Frar tal-1858. L-Assoċjazzjoni tippromwovi d-devozzjoni universali lejn il-Madonna, torganizza u tikkordina pellegrinaġġi f’Lourdes għall-morda. Iġġib ukoll flimkien persuni dedikati u ispirati mill-karità biex ikunu voluntiera biex jgħinu il-morda matul il-pellegrinaġġi.

Dawk li jixtiequ jingħaqdu mal-Assoċjazzjoni għall-pellegrinaġġ tas-sena ddieħla f’Lourdes, jistgħu jidħlu fil-Facebook page tal-Assoċjazzjoni Voluntarji Lourdes – AVL.

Dan il-pellegrinaġġ kien suċċess bil-pariri siewja u appoġġ finanzjarju tal-Air Malta u tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Għotja ta’ €1,000 mis-St. Paul Chamber Ensemble lid-Dar tal-Providenza

Is-St. Paul Chamber Ensemble taw €1,000 lid-Dar tal-Providenza mid-dħul minn kunċerti li għamlu aktar kmieni din is-sena: Il-preżentazzjoni tal-‘Messa da Requiem’ f’Marzu li għadda u l-kunċerti mill-Hässelby Motet Choir tal-Isvezja f’Mejju.

Meta ġie ppreżentat biċ-ċekk ta’ €1,000, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, irrinigrazzja lill-organizzaturi, il-kumitat u l-isponsors li kienu parti minn dawn il-kunċerti.

Il-kumpaniji li għenu bħala sponsors kienu il-Garden of Eden Garage, GasanMamo Insurance, Pillow Spaceframe, Gozo Concrete Products Ltd., Dallas Furniture, Lighting & Interiors, Resin&Membrane Centre u Jade Sofas.

€5,000 miġbura għad-Dar tal-Providenza

€5,000 inġabru waqt BBQ li jsir kull sena u organizzat mill-ħbieb ta’ Pierre Vella Petroni u Anne Marie Xuereb b’risq Id-Dar tal-Providenza. Dan il-BBQ issa daħal fis-sitt sena tiegħu.

Meta ġie ippreżentat biċ-ċekk, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, irringrazzja l-organizzaturi, dawk li taw daqqa t’id, l-isponsors u l-ħbieb u l-qraba kollha li attendew. Huwa qal li d-Dar teħtieġ €13,000 kuljum biex titmexxa u donazzjonijiet bħal din jgħinu mhux ftit.

Il-kumpaniji li taw flus jew prodotti għall-BBQ kienu Pavi/Pama; Valyou Superstore tan-Naxxar; Prime Limited; Big Fresh tal-Mosta; The General Soft Drinks Co. Ltd.; Simonds Farsons Cisk; C. Camilleri & Sons; Zamco; Tree Cake Confectionery tal-Mosta; Vascas; Studio 9; Cleland & Souchet; Joseph Casapinta, artist; BOV u BNF Bank.

Residenti tad-Dar tal-Providenza jieħdu sehem f’Festa Għeneb fis-Siġġiewi

Grupp ta’ residenti tad-Dar tal-Providenza ħadu sehem f’Festa Għeneb organizzata mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fil-pjazza ewlenija tar-raħal nhar il-Ħadd, 26 ta’ Awwissu 2018. Huwa tellgħu stand fejn setgħu jesibixxu u jbiegħ prodotti tal-ikel li jħejju huma fiċ-Ċentru Agrikolu San Isidor. Ħbieb tad-Dar tal-Providenza wkoll tellgħu stand biex ibiegħu xorb għan-nies bil-qliegħ imur għad-Dar tal-Providenza.

Festa Għeneb hija attività kulturali biex jitkattar l-għarfien dwar l-għeneb u r-rabta tiegħu mar-raħal tas-Siġġiewi. Is-Siġġiewi huwa l-lokalità bl-akbar ammont ta’ dwieli u b’mijiet ta’ familji Siġġiwin involuti fil-proċess tal-għeneb.

Festa Għeneb, li daħlet fis-seba’ sena tagħha, ssir bil-kollaborazzjoni tad-Dar tal-Providenza u VitiMalta u tinkludi s-sehem ta’ diversi għaqdiet lokali fis-Siġġiewi. Matul l-attività jinġabru fondi b’risq id-Dar tal-Providenza li mbagħad jiġu ppreżentati waqt il-Festa ta’ Ġenerożità li ssir fl-ewwel tas-sena u tixxandar dirett fuq l-istazzjonijiet tat-TV ewlenin f’pajjiżna.

Donazzjoni mill-Komunità Maltija-Amerikana ta’ San Francisco Bay, Kalifornja

Il-Maltese Cross Foundation ta’ Kalifornja għamlet id-donazzjoni tagħha ta’ kull sena lid-Dar tal-Providenza f’isem il-Komunità Maltija-Amerikana fl-inħawi ta’ San Francisco Bay.
Il-preżentazzjoni saret lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, mis-Sinjura Mary Vella Gomes Segretarj tal-American Social Club ta’ San Francesco. Preżenti għall-preżentazzjoni kien hemm ukoll is-Sinjura Theresa Vella.

Ħajr speċjali jmur lis-Sur Louis Vella, President tal-Maltese Cross Foundation ta’ Kalifornja, li huwa wkoll il-Konslu Onorarju ta’ Malta f’San Francisco.

John L. Peel – Apprezzament

Fil-ħajja tiegħi sa issa, l-Mulej tani l-grazzja li niltaqa’ u anke naħdem ma’ ħafna nies li kienu u għadhom ta’ ispirazzjoni kbira għalija. Wieħed minn dawn il-persuni huwa John L. Peel li l-Mulej sejjaħlu għal għandu dan l-aħħar.

John kien raġel eżemplari li fis-sempliċità tiegħu għex il-mixja tal-fidi tiegħu. Żgur li ma kienx perfett imma l-qaddisin huma wkoll dawk li jgħixu l-Vanġelu fis-sempliċità tal-ħajja ta’ kuljum.

John kien ukoll raġel tal-familja. Hu ddedika ħinu u l-enerġija kollha tieghu għall-familja u għix is-sejħa taż-żwieġ b’imħabba kbira. John ħabb bla kundizzjonijiet. Kien jgħix għall-familja. Ħabb lil martu Antoinette b’imħabba kbira, ħabb lil bintu Christine u ddedika ħajtu għaliha 24 siegħa kuljum u fl-istess ħin ta l-istess imħabba u attenzjoni lil ibnu John, lil martu Angela u n-neputijiet Stephanie Anne u John Mark. Ħajtu nistgħu ngħidu li kienet innu ta’ mħabba. Imma dan l-innu tal-imħabba ma għexux biss mal-familja tiegħu imma wkoll għexu ma’ tant nies oħra li l-Mulej laqqgħu magħhom. John kien bniedem li lest jinsa lilu nnifsu biex jaħseb fl-oħrajn. Il-ġenerożità u d-dedikazzjoni kienet bla limitu u din narawha tispiċċa fil-ħidma mifruxa tiegħu ta’ volontarjat mingħajr ħafna daqq ta’ trombi. Dejjem issibu lest biex jgħin.

John nistgħu ngħidu li kien wieħed mill-veterani li ħadmu qatiegħ fis-settur tal-Persuni b’Diżabiltà f’Malta. Il-ħidma tiegħu f’dan il-qasam rat il-bidu tagħha mat-twelid tal-għażiża bintu Christine. Minn dak inhar ‘il quddiem huwa qatt ma ħares lura u baqa’ attiv u nteressat sa l-aħħar f’dak kollu li kien qiegħed jiġri f’dan is-settur. Għal tmintax-il sena sħaħ kien Chairman tal-Assoċjazzjoni Down Syndrome li matulhom ukoll kien rappreżentant tal-istess Assoċjazzjoni fuq il-Federazzjoni Maltija ta’ Organizzazzjonijiet Persuni b’Diżabiltà (MFOPD). Għal xi żmien kien ukoll President tal-istess Federazzjoni. John irrappreżenta lill-Assoċjazzjoni Down Syndrome għal diversi drabi, barra minn Malta u lill-Federazzjoni fuq il-Kumitati fi ħdan il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (Illum tissejjaħ il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabiltà). John kien President Onorarju tal-Assoċjazzjoni Down Syndrome. John kien ukoll għal diversi snin membru fil-kumitat tal-Għaqda Nazzjonali Ġenituri b’Diżabilità. Barra minn dan għal bosta snin u sa ftit granet ilu kien jgħin ukoll b’ħidma volontarja fid-Dar tal-Providenza. U jekk dan ma kienx biżżejjed ma nistgħux ma nsemmux l-involviment tiegħu, ukoll fuq bażi volontarja, fir-Royal British Legion u fir-Royal Air Force Association (RAFA) fejn kien jgħin b’mod speċjali lil familji ta’ ex-servicemen biex tingħatalhom il-pensjoni u flus oħra dovuti lilhom.

Il-Papa Franġisku jgħid li l-imħabba mhix kliem, hi għemil u qadi; qadi umli, magħmul fis-skiet u fil-moħbi, kif qal Ġesù nnifsu: “idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija” (Mt 6:3). Hekk kien John u għalhekk jibqa’ ta’ ispirazzjoni għalija.

Fr Martin Micallef
Direttur, Dar tal-Providenza