Ad Multos Annos Sr Bernarda

Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, iċċelebra Quddiesa ta’ ringrazzjament f’għeluq it-tmenin sena ta’ Sr Bernarda, tas-Sorijiet tal-Karità ta’ St Joan Antide de Thouret, li ilha tagħti s-servizz dedikat tagħha fid-Dar tas-Siġġiewi għal dawn l-aħħar dsatax-il sena. Għall-quddiesa attendew ukoll għadd ta’ qraba tagħha, residenti u ħaddiema tad-Dar.

Wara l-Quddiesa, Sr Bernarda ingħatat rigali ta’ tifkira u sar riċeviment.

Aktar minn $9,000AUD miġbura waqt kunċert b’risq Id-Dar tal-Providenza

Aktar minn $9,000AUD inġabru waqt kunċert b’risq Id-Dar tal-Providenza organizzat mill-Friends of Providence House NSW. Il-verżjoni Awstraljana tal-Festa ta’ Ġenerożità, li tgħaqqad il-ġbir ta’ flus mad-divertiment, sar fis-sala tal-La Valletta Social Centre fi Blacktown nhar il-Ħadd, 24 ta’ Frar 2019. Is-somma finali tiġi ppreżentata lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, fil-bidu tal-Maratona tal-Volleyball li din is-sena se ssir fil-5, 6 u 7 ta’ Lulju.

Mistiedna tal-unur kienu Lawrence Buhagiar, Konslu Ġenerali ta’ Malta fi NSW, Godfrey Sultana, Viċi-President tal-La Valletta Social Centre u l-isponsor ewlieni, George Vella ta’ Breakaway Travel, Blacktown.

Dan kien it-tielet kunċert għal ġbir ta’ flus b’risq id-Dar tas-Siġġiewi u l-kumitat tal-La Valletta Centre u l-volontiera għandhom jingħataw kliem ta’ tifħir għas-sehem li taw inkluż l-użu tas-sala li kienet imżejna sew. Grazzi oħra tmur għal dawk lil taw sehemhom fid-divertiment inkluż il-popolari MCA Choir għall-professjonaliżmu tagħhom u talli offrew is-servizzi tagħhom mingħajr ħlas. Ipprovdew fuq erba’ siegħat sħaħ ta’ divertiment lil dawk li mlew is-sala.

Il-Friends of Providence House NSW jixtiequ juru wkoll l-apprezzament tagħhom għal dawk kollha li attendew kif ukoll lill-isponsors Breakaway Travel, Minchinberry Fruit Market, Zammit Ham & Bacon Curers u Limestone Café ta’ Schofields. Grazzi wkoll lil The Voice of the Maltese E-Newsletter u l-istazzjonijiet tar-radju tal-komunità 2GLF u WOW FM għall-appoġġ kontinwu tagħhom.

(Rapport ta’ Marisa Previtera)

Id-Dar tal-Providenza fil-qalb tan-nazzjon Malti

Somma rekord ta’ €1,275,442 inġabret waqt il-Festa ta’ Ġenerożità organizzata id-Dar tal-Providenza. It-temp tajjeb għalkemm kemmxejn kiesaħ għen biex għadd kbir ta’ nies marru s-Siġġiewi biex jagħmlu d-donazzjoni tagħhom taħt it-tinda li ttellgħet fil-parkeġġ. Triq Lapsi li tagħti għad-Dar ftit tkun daqshekk użata. Bħal kull sena, għadd ta’ parroċċi f’Malta w Għawdex organizzaw ġabriet speċjali.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, qal li din il-Festa ta’ Ġenerożità bħal dejjem uriet il-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi li għal darb’oħra wera solidarjetà u ġenerożità mad-Dar. Huwa qal li dawn il-fondi se jgħinu biex id-Dar tkompli tagħti ħajja xierqa u dejjem aħjar lir-residenti tagħha.

L-ewwel żjara saret minn Mons Arċisqof Charles J. Scicluna li wkoll iċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza. Huwa appella lill-Maltin u l-Għawdxin kollha biex ikomplu jirrispettaw u jiddefendu d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità waqt li jkomplu jkunu ġenerużi mar-residenti li jgħixu fid-Dar. Huwa żied ifakkar li bħalma kien iħobb jgħid San Ġorġ Preca għandna bżonn il-Mulej u m’hemm xejn aħjar kif nagħrfuh milli niskopru iżjed it-talba tal-Missierna.

Matul il-jum kien hemm żjarat mill-President ta’ Malta, s-Sinjura Marie Louise Coleiro Preca u r-raġel tagħha Edgar; Dr Chris Cardona, il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar li rrappreżenta lill-Prim Ministru, Il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Adrian Delia, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis; l-Arċisqof Emeritus Mons Pawl Cremona O.P. u l-Isqof Awżiljarju Mons Joseph Galea Curmi. Attendew ukoll għadd ta’ ministri u membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati u rappreżentanti ta’ korpi kostitwiti li qattgħu ħin iwieġbu t-telefonati tal-pubbliku.

€29,487 inġabru mill-irkant ta’ xogħlijiet tal-arti mogħtija minn tmienja u disgħin artisti Maltin u barranin li għall-ewwel darba sar fl-intrata tal-Parlament fil-Belt Valletta. L-irkant sar il-Ħamis 20 tax-xahar fi tmiem ta’ wirja li kienet infetħet uffiċċjalment mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Dr Anġlu Farrugia sebat ijiem qabel fl-istess bini tal-Parlament. Biċċiet mix-xogħlijiet tal-arti li baqgħu ma ġewx irkantati inbiegħu bil-prezz oriġinali tagħhom fil-Festa ta’ Ġenerożità matul il-jum tal-ewwel tas-Sena l-Ġdida.

Ix-xandira televiżiva bdiet fid-9.00am b’quddiesa mill-kappella tad-Dar u baqgħet  sejra sa wara nofsillejl meta tħabbret is-somma totali fost is-soltu ferħ u briju ta’ l-għadd kbir ta’ voluntiera li taw ħinhom għal din il-Festa ta’ Ġenerożità. TVM1, TVM2, ONE TV u NET TV ingħaqdu f’ħinijiet twal fix-xandira diretta ta’ ftit aktar minn ħmistax-il siegħa.  Matul ix-xandira kien hemm programm sħieħ ta’ divertiment taħt it-tinda bis-sehem ta’ kantanti u mużiċisti ewlenin Maltin.

L-aħħar irtokki għall-Festa ta’ Ġenerożità ta’ għada b’risq id-Dar tal-Providenza

Fil-car park tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għall-Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar.  Taħt tinda kbira li tellgħet apposta, għada it-Tlieta, l-ewwel tas-sena, se jkun hemm spettakklu mużikali minn l-aqwa kantanti Maltin bejn l-għaxra ta’ filgħodu u nofs il-lejl.  Barra minn dan l-ispettaklu se jkun hemm numru ta’ voluntiera jilqgħu id-donazzjonjiet tal-pubbliku kif ukoll iwieġbu t-telefonati.  Din il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi se tkun imxandra live fuq  TVM2, ONE TV u NET TV.  Fis-Sala ta’ ħdejn il-kappella se jkun hemm bosta xogħolijiet tal-arti għall-bejgħ minn artisti Maltin u barranin.

Il-Festa ta’ Ġenerożità tibda b’quddiesa fil-Kappella tad-Dar mill-E.T. Mons Charles J. Scicluna fid-9.00am.  Għadd ta’ personalitajiet distinti huma mistiedna jattendu għal din  l-attività fosthom il-President ta’ Malta l-E.T. Marie Louise Coleiro Preca, l-Onor Dr Chris Cardona f’isem il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni l-Onor Dr Adrian Delia u l-Isqfijiet Maltin.

Għal-kumdità ta’ dawk li jixtiequ jattendu se jkun hemm servizz ta’ park-and- ride li jitlaq mit-triq tal-mitjar l-antik ta’ San Niklaw.  Fis-7.00pm ikun hemm ukoll quddiesa oħra fil-kappella tad-Dar.

Fr Martin Micallef, id-direttur tad-Dar, ħeġġeġ lil-Maltin u l-Għawdxin biex għal darba oħra jkunu ġenerużi mad-Dar biex tkun tista’ tkompli toffri l-aħjar lir-residenti tad-Dar b’rispett sħiħ lejn l-individwalità u d-drittjiet tagħhom.

Għal dawk li ma jistgħux jaslu sas-Siġġiewi biex jagħmlu d-donazzjoni tagħhom jistgħu jaghmlu dan bit-telefon:

 

Donazzjoni         €10            –        516 02 012

Donazzjoni         €15            –        517 02 013

Donazzjoni         €25            –        518 02 014

SMS Donazzjoni         €7              –        506 18 922

Pledge line                                   –        21462759

 

€2,426.76 wara dawriet bil-ferrovija fis-Siġġiewi

Bil-għajnuna tal-Ħbieb tad-Dar tal-Providenza, nhar il-Ħadd, 22 ta’ Diċembru 2018, id-Dar organizzat ‘Dawra bil-Ferrovija’ għat-tfal fil-pjazza San Nikola, fis-Siġġiewi li minnha nġabret is-somma ta’ €2,426.76 . Bħal fis-snin l-imgħoddija, mill-attendenza u l-entużjamu tat-tfal, din l-attività kienet success. Fil-fatt, il-ferrovija kellha tagħmel tnax-il dawra madwar xi toroq tar-raħal.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, irringrazzja lit-tim kollu tal-Grupp Ħbieb tad-Dar u l-helpers kollha. Biex jgħinu fl-atmosfera ma naqasx li jkun hemm Father Christmas, anzi kien hemm tnejn, il-Bouncing Castle u t-tpinġija tal-wiċċ. Fr Martin spiċċa biex irringrazzja lil dawk li għal sena oħra reġgħu marru dawra bil-ferrovijia b’risq Id-Dar tal-Providenza u għamel stedina għal sena oħra …. għax “il-ferrovija diġà ibbukkjata.”

Residenti tad-Dar tal-Providenza jagħti l-awguri tal-Milied lill-Arċisqof Charles J. Scicluna

Nhar il-Ħadd 23 ta’ Diċembru, residenti mid-Dar tal-Providenza akkumpanjati minn Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar ingħaqdu ma’ bosta persuni oħra biex jagħtu l-awguri tal-Milied lill-Isqfijiet Maltin fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Floriana.

Premjijiet Inizjattiva fuq il-post tax-xogħol 2018

It-Taqsima tal-Maintenance tad-Dar tal-Providenza ingħatat il-Premju Inizjattiva bħala Tim fuq il-post tax-xogħol għal din is-sena waqt li Mary Caruana, Supervisor fil-kċina, ingħatat il-Premju għal Inizjattiva Personali. Nominati wkoll kienu il-flat Warda (Tim) u Anna Marshall, Analisa Cutajar, Rita Vella u Maritess Nava (Personali).
L-għoti ta’ dawn il-premjijiet sar waqt ir-riċeviment tal-ħaddiema li sar nhar it-Tlieta, 11 ta’ Diċembru 2018, fil-Limestone Heritage, fis-Siġġiewi.
Ingħataw ukoll tifkiriet lil għadd ta’ ħaddiema. Mario Sciberras, Nicolette Ciappara u Raphaella Saliba li għalqu 20 sena jaħdmu fid-Dar tal-Providenza waqt li Mary Caruana, Mario Balzan, Francis X. Farrugia u Mary Cassar li se jirtiraw.

Ħaddiema tal-Fondazzjoni għal Logħob Responsabbli jagħmlu ħidma volontarja fid-Dar tal-Providenza

Grupp ta’ impjegati minn dipartimenti differenti fi ħdan il-Fondazzjoni għal Logħob Responsabbli qattgħu jum ta’ ħidma volontarja fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.

Il-ħaddiema għamlu diversi xogħolijiet bħal tindif ġenerali, ħasil ta’ twieqi u kif ukoll għajnuna fil-kċina. Il-Fondazzjoni organizzat din l-inizjattiva bl-appoġġ tas-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni bħala parti mill-programm għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tagħha.
Is-Segretarju Parlamentari l-Onorevoli Silvio Schembri kien preżenti għal din il-ħidma volontarja fejn iltaqa’ mad-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef u mal-ħaddiema tal-Fondazzjoni. Huwa ta l-proset tiegħu lill-ħaddiema tal-Fondazzjoni u saħaq dwar l-importanza tal-volontarjat fis-soċjetà tagħna. L-Onorevoli Schembri żar u tkellem ma’ diversi ħaddiema li jaħdmu fid-Dar, fejn irringrazzja b’mod speċjali lil Fr Martin Micallef tal-ħidma bżonnjuża immens li d-Dar tal-Providenza twettaq mal-persuni b’diżabbiltà.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, f’isem ir-residenti rringrazzja lill-impjegati kollha tal-Fondazzjoni għal Logħob Responsabbli għall-ħidma volontarja li għamlu matul dan il-jum u għamel referenza għall-ġbir ta’ fondi li se jkun qed jitwettaq fl-Ewwel tas-Sena biex jinġabru fondi għad-Dar tal-Providenza.

Min-naħa l-oħra, is-Sur Shawn Zammit, Kap tal-Operazzjonijiet fil-Fondazzjoni, irringrazzja lis-Segretarju Parlamentari għall-preżenza tiegħu għal din l-attività b’ruħ speċjali u lil Fr Micallef għax-xogħol eċċezzjonali li jsir matul is-sena kollha.

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti jinawgura wirja ta’ xogħlijiet tal-arti li se jiġu rkantati b’risq Id-Dar tal-Providenza

“L-istorja tad-Dar tal-Providenza imwaqqfa minn Dun Mikiel Azzopardi fit-12 ta’ Settembru 1965, għalkemm hija ġrajja ta’ tlieta w ħamsin sena, hija wkoll storja ta’ poplu u ta’ nazzjon.” Dan qalu l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, l-Onor. Dr Anġlu Farrugia meta fetaħ uffiċċjalment wirja ta’ xogħlijiet tal-arti li fl-20 ta’ Diċembru se jiġu rkantati fil-foyer tal-bini tal-Parlament b’risq Id-Dar tal-Providenza.

Il-wirja hija miftuħa kuljum bejn id-9.00am u t-8.00pm sakemm fl-20 tax-xahar fis-7.00pm jibda l-irkant tax-xogħlijiet li ngħataw minn tmienja u disgħin artist, kemm Maltin kif ukoll barranin. Wieħed jista’ jara l-katalgu online fuq www.dtpauction.com.

F’diskors ta’ merħba, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, qal li huwa b’sodisfazzjon li jgħid li f’dawn l-aħħar tlett snin kemm ilha ssir il-wirja fil-Parlament, Id-Dar tal-Providenza daħħlet madwar €100,000 mill-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti. Huwa rringrazzja lill-Onorevoli Mr Speaker talli għal sena oħra ġentilment offra dan il-post prestiġjuż biex tittella’ din il-wirja u talli ta wkoll lid-Dar l-opportunità u l-unur tant speċjali li jsir l-irkant fil-foyer tal-Parlament.

FESTA OĦRA TA’ ĠENEROŻITA’ MAD-DAR TAL-PROVIDENZA FL-EWWEL TA’ JANNAR

Ingħataw dettalji tat-tlieta w għoxrin edizzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità li ssir fl-Ewwel ta’ Jannar ta’ kull sena organizzata mid-Dar tal-Providenza biex jinġabru fondi ħalli d-Dar tas-Siġġiewi tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha u ssaħħaħa. Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu (It-Tlieta, 11 ta’ Diċembru).
Fr Martin semma’ erba’ għanijiet għall-Festa ta’ Ġenerożità mad-Dar tal-Providenza: Li l-pubbliku jkun jista’ jiltaqa’ mar-residenti tad-Dar; li jara b’għajnejh xi proġetti u inizzjattivi importanti li saru jew qed isiru fid-Dar; li jinġabru fondi biex is-servizz siewi li tagħti d-Dar tal-Providenza jkun jista’ jibqa’ għaddej u jitjiebu u fl-aħħarnett, iżda mhux linqas, hu li jitwassal il-messaġġ li d-Dar tal-Providenza dejjem trid twassal: Is-soċjetà dejjem trid tirrispetta lill-persuni b’diżabilità, titrattahom bid-dinjità li jixirqilhom u toffrilhom l-għażliet u l-opportunitajiet li kulħadd għandu dritt li jgawdi.
Il-Festa ta’ Ġenerożità tibda fid-9.00am b’quddiesa minn Mons Arċisqof Charles J. Scicluna fil-kappella tad-Dar. Matul il-jum kollu fuq il-palk ta’ taħt it-tinda, ikun hemm spettaklu ta’ varjetà u intervisti ma’ għadd ta’ personalitajiet li jżuru d-Dar li jibqa’ sejjer sa nofsillejl.
Din is-sena se jerġa jsir irkant ta’ xogħolijiet tal-arti, ġentilment mogħtija minn artist, kemm Maltin kif ukoll barranin imma se jieħu bixra oħra billi l-irkant se jsir fil-foyer tal-Parlament fil-Belt Valletta nhar il-Ħamis, 20 ta’ Diċembru fis-7.00pm. Il-pubbliku jista’ jara minn qabel dawn ix-xogħolijiet tal-arti fil-wirja li se tkun fl-istess foyer tal-Parlament kif ukoll billi jidħol fuq ill-website www.dtpauction.com.
Din il-wirja se tinfetaħ uffiċċjalment mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, l-Onor. Dr Anġlu Farrugia nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Diċembru fil-5.00pm u tagħlaq bl-irkant fl-20 tax-xahar. Il-wirja tkun miftuħa kuljum mid-9.00am sat-8.00pm. Xogħlijiet tal-arti li ma jiġux irkantanti jkunu għall-bejgħ waqt il-Festa ta’ Ġenerożità fl-1 ta’ Jannar, 2019 fis-Siġġiewi.

Is-CD Compilation, “Ħelu Bambin4”, jista’ jinkiseb fuq donazzjoni ta’ €10 b’risq id-Dar tal-Providenza, bi produzzjoni u kliem ta’ Fr George Ocar Buttigieg OFMConv. Għadd ta’ kantanti stabbiliti Maltin taw sehemhom f’din is-CD li tista’ tiġi akkwistata għal donazzjoni ta’ €10 b’risq Id-Dar tal-Providenza mill-ħwienet reliġjużi ewlenin. Saru arranġamenti ma’ TVM biex dan il-kunċert, li ġie rrekordjat fl-istudios ta’ Where’s Everybody, jixxandar fuq TVM2 nhar il-Milied fl-10.00am b’ripetizzjoni lejlet l-ewwel tas-sena fid-8.45pm.
Ghal benefiċċju ta’ dawk li dakinhar se jżuru d-Dar tal-Providenza se jkun hemm servizz ta’ park-and-ride bejn it-3.00pm u 9.00pm mit-triq ta’ San Niklaw (ir-runway l-antik). Għal dawk li ma jistgħux jaslu sas-Siġġiewi jistgħu isegwu l-Kampanja, li taghlaq wara nofsillejl, li se tkun imxandra live fuq l-istazzjonijiet televiżivi ewlenin. Donazzjonijiet jistghu jsiru fl-istess Dar tal-Providenza jew permezz tat-telefon.

Donazzjonijiet jistghu jsiru bit-telefon:
Donazzjoni €10 – 516 02 012
Donazzjoni €15 – 517 02 013
Donazzjoni €25 – 518 02 014
SMS Donazzjoni €7 – 506 18 922