Gvernatur tad-Distrett 2100 tar-Rotary f’Calabria u Campania iżur Id-dar tal-Providenza

Is-Sur Salvatore Iovieno, Gvernatur tad-Distrett 2100 tar-Rotary f’Calabria u Campania fl-Italja żar Id-Dar tal-Providenza bħala parti mill-Mixja Simbolika għall-Paċi li ssir bil-għan li tgħaqqad il-popli. Il-Mixja hija organizzata mir-Rotary tad-distrett tiegħu. Huwa kien akkumpanjat mill-mara tiegħu, uffiċċjali tad-Distrett 2100 Rodolfo Inderset u Lucia Cristofero kif ukoll mill-uffiċċjali tar-Rotary Club La Vallette Malta, Brian Gibbs, Bryan Sullivan u Patricia Salamone.

Il-Gvernatur Iovieno kellu l-opportunità jara l-Music Room speċjalizzata li kienet iffinanzjata mir-Rotary International u inawgurata s-sena l-oħra ma’ faċilitajiet oħra. Fi tmiem iż-żjara tiegħu huwa għamel ukoll donazzjoni lid-Dar tal-Providenza.

Id-Dar tal-Providenza tibki żewġ ex-impjegati tagħha

Din il-ġimgħa, Id-Dar tal-Providenza qed tikbi żewġ ex-impjegati tagħha li ingħaqdu mal-Mulej din il-ġimgħa: Valerie Piscopo minn Ħaż-Żabbar u Joseph Fenech Castaldi mill-Ħamrun.

Valerie ingħaqdet mad-Dar tal-Providenza fl-1997 u wara ftit ta’ żmien li ħadmet fil-flat Jasmine hija saret parti mill-istaff ta’ ‘Żerniq’ l-ewwel dar tagħna fil-komunità tas-Siġġiewi. Valerie ma kinetx tonqos bid-daqq tal-kitarra fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tal-Milied u tal-Għid.

Joseph beda jaħdem fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi fl-1981. Huwa kellu diversi karigi, imma l-aħħar snin qattagħhom bħala Store Keeper.

Id-Dar tal-Providenza tixtieq twassal il-kondoljanzi tal-familjari ta’ Valerie u Joseph.

Mulej, agħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem

Omelija waqt il-quddiesa tal-funeral ta’ Debbie Schembri

Omelija li għamel Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, waqt il-quddiesa tal-funeral ta’ Debbie Schembri fil-kappella taċ-Ċimiterju tal-Addolorata

Naħseb li l-ewwel darba li rajt lil Debbie kien meta fit-tieni sena tiegħi mort nagħmel ġurnata volontarjat id-Dar tal-Providenza u ltqajt magħha fis-segreterija fejn dak iż-żmien kienet taħdem. It-tieni darba li rajtha kienet waqt il-quddiesa fuq il-fosos tal-Floriana meta kien ġie għall-ewwel darba l-Papa Ġwanni Pawlu II. Dakinhar flimkien mal-ġenituri tagħha tellgħet il-pissidi tal-ostji waqt l-offertorju. Xi ftit tas-snin ilu rnexxieli nakkwista kopja tar-ritratti ta’ din l-okkażjoni unika mill-arkivji tar-ritratti tal-Vatikan u għamilt kopja lil Debbie li tant ħadet ġost bihom. Mur igħidli li snin wara kien se jkolli x-xorti nsir nafha mill-qrib daqshekk.

Illum, binha, missierha, oħtha, familjari, kollegi u ħbieb ninsabu lkoll ixxukkjati bil-mewt ta’ Debbie li ġiet bla nistennija għalkemm dan l-aħħar saħħitha ma tantx kienet tajba. Il-ħajja kollha misteri, kollha sorpriżi kuntant sbieħ u kultant koroħ, diffiċli bħal din ta’ llum. Imma fil-ħemda ta’ dan il-mument diffiċli, il-Mulej jiġi f’nofsna bħalma deher f’nofs l-Appostli mbeżżgħa mill-Lhud fiċ-ċenaklu, imbikkma bil-mewt ta’ dan Ġesu u jgħidilhom; “il-Paċi magħkom.” Kuraġġ ħbieb qed tarawni jien qomt mill-mewt. Ma tiftakrux x’igħidtilkom meta għamilt l-aħħar ikla magħkom?: “Ftit ieħor u ma tarawnix aktar; mbagħad ftit ieħor u terġgħu tarawni.” (Ġw 16.16) “Hawn jien ninsab fostkom imqajjem mill-mewt. Issa sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex noħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll” (Gw 14:2-3). Ejjew f’dan il-mument diffiċli nsaħħu l-fidi tagħna fil-qawmien mill-imwiet. Lil Martha, oħt Lazzru, Ġesù qalilha: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?” “Iva, Mulej,” weġbitu, “Jiena nemmen.” [Ġw11,25-27] Ejja llum inwieġbuħ aħna wkoll bl-istess kliem ‘Iva, Mulej’. Nemmnu li Debbie li f’għajnejna hija mejta, nemmnu li llum waslet fid-destinazjoni aħħarija tagħha miegħek fis-sema għal dejjem. Hi din il-fidi fil-qawmien mill-imwiet li f’mument daqshekk diffiċli nistgħu inħossu l-Mulej jixxotta d-dmugħ tagħna u jibdlu fi dmugħ ta’ ferħ u tama.

Dan il-mument diffiċli barra li huwa mument fejn il-Mulej jgħinna nġeddu l-fidi tagħna fil-qawmien mill-imwiet huwa fl-istess ħin mument sabiħ biex nirringrazzjaw lil-Mulej li jagħtina persuni li jispirawna bħal Debbie.

Debbie kienet tispirak bid-determinazzjoni kbira tagħha, id-determinazzjoni li tgħix, li tistudja, li taħdem, li tgawdi l-ħajja, li tiġġieled għad-drittijiet tagħha u ta’ ħaddieħor, id-determinazzjoni li ssir omm, Ostakli biex tiddetermina ħajjitha hija stess sabet ħafna imma Debbie kienet fighter. Qatt ma qatgħet qalbha toħodha kontra d-diżabilita li s-soċjetà taf toħloq lil persuni bħalha. Kemm jgħodd għaliha l-versett mil-ktieb tal-Proverbji “Mara ta’ ħila min isibha? Tiswa aktar mill-ġawhar.” (Prov. 31:10)

Kienet mara li tapprezza l-impenn ta’ dawk li f’ħajjitha kienu ta’ appoġġ biex timxi l-quddiem. Insemmu biss, biex żgur ma ninsew lil ħadd, lil Dun Mikiel Azzopardi li dejjem kienet tgħid li kien jemmen fiha. F’wieħed mid-diskorsi tagħha kienet qalet: ”Kien jemmen li aħna l-persuni b’diżabilità jixirqilna dak li jixraq lil kull persuna umana; jixirqilna kull rispett u dinjità, jixirqilna opportunitajiet indaqs biex ikollna kwalità ta’ ħajja xierqa, nistgħu insemmgħu leħinna u nagħtu l-kontribut tagħna wkoll għall-ġid tas-soċjetà li ngħixu fiha.” Illum, Debbie tirringrazzja lil dawk kollha li f’ħajjitha stmawha b’dan il-mod, lil dawk kollha li kienu jfissru ħafna għaliha. Il-lista hija twila. Hawn ippermettuli nsemmi lil Sr Victoria li kienet ħadet ħsiebha meta kienet żgħira.

Illum, is-settur tal-persuni b’diżabilità tilef vuċi. Inħeġġeġ lill-persuni b’diżabilità biex fuq l-eżempju ta’ Debbie ma jibżgħux isemmu leħenhom, ma jibżgħux jiġġieldu d-diskriminazzjonjiet, ħafna drabi sottili, li jiltaqgħu magħhom kuljum. Il-bidliet fl-attitudnijiet neġattivi tan-nies jinbidlu biss jekk ma nibqgħux siekta, jekk noħolqu aktar kuxjenza favur id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u dak li jostakolhom milli jistgħu japparteċipaw b’mod sħiħ fil-ħajja tas-soċjetà bħal ħaddieħor.

Fl-iskrittura Alla jurina li aħna llkoll prezzjużi f’għajnejh, illkoll maħluqa xhiebha tiegħu. (Gen 1,27) llkoll indaqs f’għajnejħ. Debbie kienet prezzjuża f’għajnejh bħal kull persuna li titnissel fil-ġuf. U kif naqraw fl-Ewwel Ktieb ta’ Samwel, kapitlu 16 vers 7, “Alla ma jħarisx lejn is-sura tal-bniedem, jew it-tul ta’ persuntu. Alla ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma l-qalb.”

Grazzi, Mulej ta’ Debbie, ta’ dak li għallimtna permezz tagħha, ilqagħha fi ħdanek fis-sema.

Debbie, il-Mulej jagħtik il-mistrieħ ta’ dejjem.

Quddiesa fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tad-Down Syndrome

Nhar il-Ħamis 21 ta’ Marzu, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Persuni bid-Down Syndrome, l-Assoċjazzjoni Maltija tad-Down Syndrome organizzat quddiesa għall-membri tagħha u ħbieb fil-kappella tad-Dar tal-Providenza s-Siġġiewi. Għal din l-okkażjoni attendew ukoll is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, is-Sur Anthony Agius Decelis kif ukoll il-President tal-Assoċjazzjoni, is-Sinjura Joeanna Xerri.

 

Il-Quddiesa kienet iċċelebrata minn Fr Martin Micallef.  Fl-omelija tiegħu hu saħaq li lkoll iridu ngħixu f’soċjetà li tħares lejn id-differenza mhux bħala theddida imma bħala teżor, soċjetà li ma tħarisx lejn il-persuna b’diżabilità bil-mudell mediku, jiġifieri tara lill-persuna b’diżabilità bħal problema, imma bil-mudell soċjali jiġifieri soċjetà li tagħraf li d-diżabilità toħloqha hi meta ma’ taddattax għall-bżonnijiet, l-aspettativi u l-aspirazzjonijiet ta’ dawn il-persuni.

 

L-Assoċjazzjoni Maltija tad-Down Syndrome toffri sapport lil ġenituri ta’ trabi li jkunu twieldu b’din il-kundizzjoni u taħdem sabiex jiżdied l-għarfien ħalli persuni b’din il-kundizzjoni ntellettwali jilħqu l-potenzjal tagħhom.

Mixja ta’ 150 kilometru madwar Malta b’risq Id-Dar tal-Providenza

€1,725 inġabru fi tmiem-il ġimgħa matul mixja ta’ 150 kilometru madwar Malta organizzagta minn Trail Makers b’risq Id-Dar tal-Providenza. Il-mixja bdiet is-Sibt fis-seba’ ta’ filgħodu mill-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi u ntemmet fl-istess post il-Ħadd għal ħabta tal-ħamsa ta’ filgħaxija. Fl-aħħar parti, għadd ta’ residenti ingħaqdu ma’ dawk li kienu qed jieħdu sehem fil-mixja f’dak li l-organizzaturi ddeskrivew bħala l-isbaħ mument tal-attività.

 

Il-parteċipanti mxew madwar il-kosta u mis-Siġġiewi rhewlha lejn it-Tramuntana ta’ Malta u baqgħu iduru f’mixjiethom lejn in-Nofsinhar sakemm waslu lura erbgħa w tletin siegħa wara fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza.

Aktar minn €3,000 miġbura waqt Bike Ride b’risq id-Dar tal-Providenza

€3,501.57 inġabru waqt Bike Ride b’risq id-Dar tal-Providenza li saret nhar it-Tlieta 19 ta’ Marzu 2019, fuq inizjattiva tal-Onor. Rosianne Cutajar u t-tim tagħha bl-appoġġ tal-Onor. Ryan Callus.

Iż-żewg Membri Parlamentari, kif ukoll madwar tlett mitt biker inġabru kmieni filgħodu f’Wied is-Sewda f’Ħal Qormi biex f’temp mill-isbaħ jerħulha għal dawra madwar Malta. Id-dawra ntemmet fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi fejn il-bikers ingħataw merħba sabiħa mir-residenti u l-ħaddiema tad-Dar.  L-attività kompliet bi stunt show bil-muturi fejn intrebħu wkoll għadd ta’ rigali.

 

L-Onor. Rosianne Cutajar qalet li din l-attività hi xhieda ta’ kif meta jkun hemm l-għaqda s-suċċess ikun ferm ikbar.  Hija qalet li sodisfatta bl-attendenza numeruża tal-ewwel edizzjoni tal- Providenza Bike Ride u saħqet li tixtieq li din l-attività tkun appuntament annwali fil-kalendarju Malti.

L-Onor. Ryan Callus qal li aċċetta li jkun parti minn din l-attività biex kif qal hu “inwarrbu d-differenzi ta’ bejnietna bil-għan li naħdmu għall-ġid tal-komunità”.

L-istess sentiment ġie espress minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, li apprezza l-isforz u l-impenn biex setgħat tittella’ din l-attività.

Grupp ta’ studenti minn Virginia fl-Istati Uniti fid-Dar tal-Providenza

Grupp ta’ studenti minn Virginia fl-Istati Uniti fid-Dar tal-Providenza

 

Medseas Catholic Journeys ġabu Malta grupp ta’ studenti minn Virginia fl-Istati Uniti, immexxijja minn Prof. Mike Brown, Kap tal-Proġetti Missjunarji ta’ Christendon College, kulleġġ kattoliku fi Front Royal,VA.  Waqt li kienu hawn qattgħu ħin fid-Dar tal-Providenza fejn taw daqqa t’id fit-tindif wara l-maltempata qawwija li ħakmet lil Malta bejn it-22 u l-24 ta’ Frar li għadda.

 

Prof. Brown  wera l-gratitudni tiegħu u tal-grupp li kellu miegħu li ngħataw iċ-ċans li jagħtu l-għajnuna tagħhom f’post bħalma hija d-Dar tal-Providenza u se jmorru lura Virginia b’esperjenzi u memorji sbieħ ta’ Malta u tad-Dar tal-Providenza. Fr Joseph Mary Brown tal-Kongregazzjoni ta’ San Ġwann kien id-Direttur Spiritwali tal-grupp.

 

Medseas jorganizzaw mawriet Kattoliċi ta’ Fidi, Kultura u Storja bħal dan f’Malta kif ukoll f’Santiago de Compostela fil-Portugall.

Il-Ministru Carmelo Abela jippreżenta relikwa tal-Papa Luciani

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Dr Carmelo Abela ippreżenta relikwa tal-Papa Ġwanni Pawlu I, magħruf bħala Papa Luciani, lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza. Waħda mit-tlitt vilel tad-Dar hija msemmija għal Papa Luciani, il-Papa tat-tbissima.

Din ir-relikwa hija biċċa drapp żgħira li kienet tagħmel parti mill-qalziet tiegħu u l-għotja saret possibbli bl-intervent tas-Sur Frank Zammit, l-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede.

Dr Abela faħħar il-ħidma kontinwa li l-ħaddiema u l-voluntiera jagħmlu ta’ kuljum fid-Dar tal-Providenza għax b’dan ix-xogħol tagħhom qed jagħtu tifsira vera u proprja ta’ x’inhi l-imħabba lejn il-proxxmu. Il-Ministru Abela kellu wkoll l-opportunità li jiltaqa’ ma’ xi residenti tad-Dar.

Villa Papa Luciani kienet inawgurata fit-8 ta’ Settembru 1987.

Mixja ta’ 150 kilometru madwar Malta – 23 u 24 ta’ Marzu 2019 b’risq Id-Dar tal-Providenza

Trail Makers qed jorganizzaw mixja ta’ 150 kilometru, lejl u nhar b’risq id-Dar tal-Providenza mis-Sibt 23 sal-Ħadd 24 ta’ Marzu. Il-mixja tibda mill-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi fis-seba’ ta’ filgħodu tas-Sibt u tispiċċa għal ħabta tal-ħamsa ta’ filgħaxija tal-għada l-Ħadd.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet. Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, qal li matul is-sena jsiru diversi attivitajiet minn għaqdiet u entitajiet differenti bil-għan li jinġabru flus għad-Dar tas-Siġġiewi u din il-mixja ta’ 150 kilometru hija waħda minnhom. Huwa rringrazzja lil Trail Makers, organizzaturi tal-mixja, u appella biex ikun hemm ħafna li jiddeċiedu li jieħdu sehem anke biss f’partijiet minnha u li jagħmlu d-donazzjoni tagħhom b’risq id-Dar. Giovanni Camilleri u Dennis Borg ta’ Trail Makers taw tagħrif siewi dwar ir-rotta, ir-reġistrazzjoni u donazzjonijiet.

Wieħed jista’ jieħu sehem fil-mixja sħiħa ta’ 150km jew jingħaqad mal-grupp f’wieħed mill-postijiet tat-tluq u jimxi kemm jixtieq. Dawk li jimxu 20km jew iżjed jingħataw midalja ta’ tifkira kulur il-bronż u dawk li jtemmu l-mixja ta’ 150km jingħataw midalja ta’ tifkira kulur il-fidda.

Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jidħol fuq Facebook u ssir ir-reġistrazzjoni billi timtela din il-formola.

Id-donazzjonni tista’ tingħata minn fuq is-sit tad-Dar tal-Providenza.

Reġistrazzjonijiet jagħlqu nhar il-Ħadd, 17 ta’ Marzu 2019.

Tista’ tingħaqad mal-mixja f’dawn il-postijiet:

Is-Sibt 23 ta’ Marzu 2019
7:00 – 8:30
Dar tal-Providenza – Ħad-Dingli (8km)

8:30 – 12:00
Ħad-Dingli – Għajn Tuffieħa – waqfa għall-ikel (15km)

Is-St Paul Chamber Ensemble b’għotja oħra lid-Dar tal-Providenza

F’Diċembru li għadda, is-St Paul Chamber Ensemble għamlu kunċert tal-Milied fil-Knisja ta’ Sant’Antnin f’Għajn Dwieli b’risq id-Dar tal-Providenza. Għal dawn l-aħħar snin, l-Ensemble immexxi mill-Kav. Mro. Mark Agius, għamel diversi kunċerti bil-għan li jioġbor fondi għad-Dar tas-Siġġiewi.

Mro. Agius, flimkien mal-membri tal-Bord tal-Orkestra s-Sinjuri Peter Grech u Christian Lewis, ippreżenta ċekk lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, li kien jirrappreżenta d-dħul ta’ donazzjonijiet mill-kunċert.