Inawgurata il-BOV Marigold Volleyball Marathon

Il-ħdax-il edizzjoni tal-BOV Marigold Volleyball Marathon ta’ 53 siegha b’risq Id-Dar tal-Providenza giet inawgurata uffiċċjalment illejla mill-E.T. Dr George Vella, President ta’ Malta li ingħata merħba mid-Direttur tad-Dar, Fr Martin Micallef. Jilqgħuh ma’ Fr Martin kien hemm Ms Elvia George, Chief Finance Officer tal-Bank of Valletta u membru tal-Bord tal-Fondazzjoni Marigold – BOV in the Community u s-Sur Emanuel Zammit, Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv tal-Maratona. Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm l-Onor. Anthony Agius Decelis, Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Dr Clifton Grima, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Organizzazzjonijiet Volontarji; Dr Maria Deguara, Shadow Minister għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, is-Sur Oliver Scicluna Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u s-Sur Kurtsein Sant, Sindku tas-Siġġiewi.

F’diskors qasir, Fr Martin qal li din il-Maratona tistrieħ fuq żewġ pilastri li huma ħafna għal qalb it-tmexxija tad-Dar – ġenerożità u sport. L-ispirtu altruwistiku ta’ dawk kollha li jieħdu sehem jispikka tul din l-attività. Xhieda li l-Maltin huma dejjem minn ta’ quddiem fejn tidħol is-solidarjetà. Waqt li irringrazzja lil kulħadd għall-appoġġ ta’ din l-attività, huwa saħaq li l-ġenerożità għandha wkoll tirrifletti ruħha fir-rispett għad-dinjità u d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Fr Martin żied jgħid li jħossu dejjem umiljat mill-appoġġ li l-pubbliku jagħti sena wara sena u assigura li l-appogg ta’ kulħadd f’din il-Maratona se jkompli jgħin biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Huwa rringrazzja lill-E.T. Dr George Vella, President ta’ Malta li inawgura l-Maratona, il-Marigold Foundation BOV in the Community u s-Sinjura Michelle Muscat għall-appoġġ tagħha ta’ din l-attività annwali, il-kumitat organizzattiv, il-plejers, il-voluntiera u l-isponsors.

Elvia George ingħaqdet ma’ dak li qal Fr Martin u qalet li l-Fondazzjoni Marigold ilha taħdem mill-qrib mad-Dar tal-Providenza minn mindu twaqqfet biex tkompli l-appoġġ li qabel kien jingħata mill-BOV. Is-servizz eċċellenti li d-Dar tipprovdi, mhux biss lir-residenti imma wkoll lil dawk li jużaw is-servizz ta’ respite, jitlob għal investiment kontinwu. Dan huwa meħtieġ mhux biss biex tipprovdi s-servizzi meħtieġa jum wara l-ieħor imma wkoll biex ittejjeb il-faċilitajiet li jeżistu u tinvesti f’oħrajn ġodda. Matul dawn l-aħħar ħamsin sena, din id-Dar baqgħet imwaħħda mal-valuri tal-Fundatur u tipprovdi tassew ambjent ta’ familja lil dawk li jfittxu l-appoġġ tagħha. Hija temmet tgħid li Id-Dar tal-Providenza hija ħaġa waħda mal-għanijiet tal-Marigold Foundation – BOV in the Community biex dejjem intejbu l-komunità tagħna.

L-E.T. Dr George Vella esprima s-sodisfazzjon tiegħu dwar kif in-nazzjon Malti jingħaqad ħaġa waħda biex jappoġġja lid-Dar tal-Providenza, matul is-sena kollha imma partikolarment f’din l-attività annwali. Huwa irringrazzja il-mijiet ta’ voluntieri li jiddedikaw il-ħin u l-enerġija tagħhom biex jorganizzaw din il-Maratona. Huwa appella wkoll biex kulħadd ikun solidali mall-persuni b’diżabilità u jtejjbu il-kwalità tal-ħajja tagħhom kemm b’ħinhom kif ukoll bid-donazzjonijiet li jagħmlu.

Il-Maratona tibqa’ sejra sal-Ħadd 7 ta’ Lulju fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Minbarra l-appoġġ li jkunu qed jagħtu lill-plejers tal-volleyball, min jasal wasla sad-Dar ikun jista’ wkoll igawdi mill-varjetà pprovduta minn uħud mill-aħjar kantanti Maltin, il-baned tal-Forzi Armati ta’ Malta u tal-Pulizija, Mro Brown u Spiteri Lucas. Ikun hemm ukoll ikel varju u logħob għat-tfal. Il-Maratona tixxandar diretta fuq l-istazzjonijiet tat-televizzjoni TVM, TVM2, NET TV u One TV.

Donazzjonijiet lid-Dar tal-Providenza jistgħu isiru billi wieħed iċempel fuq 51902070 għal donazzjoni ta’ €50 u 51802013 għal donazzjoni ta’ €25. Donazzjoni ta’ €6.99 tista’ ssir permezz ta’ SMS fuq 50618944. Subscribers tal-BOV Mobile Pay jistgħu jagħmlu d-donazzjoni tagħhom fuq 79324834. Hemm ukoll linja biex wieħed jagħmel pleġġ fuq 2146 3686.

Xarabank jiġbor €378,226 għad-Dar tal-Providenza

Nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Ġunju 2019, waqt il-programm popolari televiżiv Xarabank inġabret is-somma ta’ €378,226 b’risq id-Dar tal-Providenza.

Din is-somma se tkun qed tingħaqad mas-somma li se tkun miġbura waqt l-11 edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball li se tinżamm fid-Dar tal-Providenza, s-Siġġiewi bejn il-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju u l-1 ta’ Lulju 2018.

L-istudenti ta’ Grade 5 tal-Iskola San Anton jagħmlu donazzjoni lid-Dar tal-Providenza

Grupp ta’ studenti ta’ Grade 5 tal-Iskola San Anton ippreżentaw ċekk ta’ €50 lil Ms Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar tal-Providenza. Din is-somma nġabret minn bejgħ ta’ pompoms li l-istudenti organizzaw waqt il-ħin tal-mistrieħ tagħhom. Din l-inizjattiva altruwistika ħadet ħsiebha l-istudenta Nanelle Sammut bħala parti mit-23 edizzjoni tal-“Way of Giving” li l-iskola torganizza.

Ritratt mix-xellug: Michaela Zammit, Francesca Curmi, Sofia Grech Ventura, Nanelle Sammut, Ms Nadine Camilleri Cassano, Tom Ellul, Simon Whitehead, Naia Stivala, Lio Brangeon Gaudin.

Is-St Paul Chamber Ensemble jagħmel donazzjoni oħra lid-Dar tal-Providenza

Id-Direttur tas-St Paul Chamber Ensemble, l-ET Chev. Mro. Mark Agius, akkumpanjat mill-assistenta tiegħu, Ms Karen Gatt Darmenia, ippreżenta donazzjoni oħra lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza.

Il-flus mogħtija kienu d-dħul minn Kunċert ta’ Mużika Sagra “Angelus” li sar fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl-Imdina nhar il-5 ta’ April 2019.

Il-11-il edizzjoni tal-BOV Marigold Volleyball Marathon b’risq Id-Dar tal-Providenza

Il-11-il edizzjoni tal-BOV Marigold Volleyball Marathon b’risq Id-Dar tal-Providenza giet imnedija waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar fis-Siġġiewi.

Il-Maratona ta’ 53 siegħa Volleyball tingħata bidu nhar il-Ġimgħa, 5 ta’ Lulju fis-6.30pm fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza u tibqa’ sejra mingħajr waqfien sa’ nofsilejl tas-7 ta’ Lulju 2019.

L-edizzjoni ta’ din is-sena tnidiet uffiċċjalment minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, u s-Sinjura Michelle Muscat, Chairperson tal-‘Marigold Foundation – BOV in the Community’. Kienu preżenti wkoll Ms Elvia George, Chief Finance Officer tal-Bank of Valletta u s-Sur Emanuel Zammit, Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv tal-Maratona.

Fr Martin qal li l-Maratona hija avveniment annwali għall-ġbir ta’ fondi b’risq Id-Dar tal-Providenza li fih tassew jispikka l-altruwiżmu. Din il-Maratona tara l-isportività u l-voluntariżmu jaħdmu id f’id bl-għan ewlieni li jinġabru fondi biex jiġi żgurat li din id-Dar tkompli toffri ambjent simili ta’ familja għar-residenti tagħha.

Is-Sinjura Michelle Muscat qalet li l-Fondazzjoni Marigold tagħraf il-fatt li l-parti l-kbira tal-fondi meħtieġa mid-Dar tal-Providenza tiddependi minn għotjiet mill-poplu Malti u Għawdxi. L-irwol tal-Fondazzjoni Marigold f’din l-inizjattiva annwali ta’ ġbir ta’ fondi huwa li tkopri l-ispejjeż kollha relatati mal-organizzazzjoni tal-maratona tal-volleyball u b’hekk jiġi żgurat li kull ċenteżmu mogħti mill-pubbliku matul it-53 siegħa ta’ solidarjetà imur għat-tmexxija u ż-żamma ta’ dan l-element importanti ħafna fil-komunità Maltija.

Ms Elvia George qalet li l-Bank of Valletta kien parti integrali fl-edizzjonijiet kollha tal-Maratona tal-Volleyball, inizjattiva li l-Bank huwa kburi biha. Minbarra l-ġbir ta’ flus li huma tant meħtieġa, din l-attività twassal il-messaġġ tad-Dar ta’ rispett u dinjità lejn il-persuni b’diżabilità. Il-Bank huwa fiduċjuż li l-edizzjoni ta’ din is-sena tkun għal darb’oħra xhieda tal-ġenerożità tal-poplu Malti li tant huwa magħruf għaliha.

Is-Sur Emanuel Zammit irringrazzja lil-parteċipanti kollha tal-maratona, il-players, il-kumitat organizzattiv u l-voluntiera li kull sena jagħtu sehemhom bi ħġarhom biex jiżguraw is-suċċess ta’ din iċ-ċelebrazzjoni annwali ta’ sport u solidarjetà. Wieħed ma jistax ma jieħux gost jara l-impenn tan-nies li jiġu sena wara sena kif ukoll dawk l-uċuħ ġodda li jiġu jagħtu daqqa t’id biex jifformaw ħbiberiji ġodda f’din il-familja li qegħda dejjem tikber.

Kontribuzzjonijiet jistgħu isiru billu ċċemplu fuq 51702012 għal donazzjoni ta’ €15 u fuq 51802013 għal donazzjoni ta’ €25, Donazzjoni ta’ €6.99 tista’ ssir billi wieħed jibgħat SMS fuq 50618944. Abbonati tal-BOV Mobile Pay jistgħu jagħmlu d-donazzjoni tagħhom fuq in-numru 79324834. Hemm ukoll il-linja 2146 1537 li fuqha wieħed jista’ jagħmel pleġġ,

Il-Kummissarju Għoli Malti għall-Awstralja u New Zealand iżur Id-Dar tal-Providenza

L-E.T. il-Kummissarju Għoli Malti għall-Awstralja u New Zealand, is-Sur Charles Muscat flimkien ma’ martu s-Sinjura Muscat għamlu żjara ta’ kortesija lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, fis-Siggiewi.
Fr Martin spjega lill-Kummissarju Muscat il-ħidma li ssir mal-persuni b’diżabiltà li jgħixu fir-residenzi tad-Dar u l-bżonn kontinwu tal-appoġġ finanzjarju tal-poplu Malti u Ghawdxi. Il-Kummissjarju Muscat faħħar il-ħidma tal-Grupp Friends of Providence House ta’ New South Wales li kull sena jiġbor somma sabiħa minn fost il-Maltin tal-Awstralja biex tgħin fis-sostenn ta’ din id-Dar.

“Fid-Dar tal-Providenza nara miraklu ħaj jiġġedded kuljum”. – Il-President ta’ Malta, Dr George Vella fl-ewwel żjara uffiċċjali tiegħu fid-Dar tas-Siġġiewi

Il-President ta’ Malta, Dr George Vella, akkumpanjat mis-Sinjura Vella, għamel l-ewwel żjara uffiċċjali tiegħu fid-Dar tal-Providenza u f’diskors lir-residenti u ħaddiema qal li fid-Dar tal-Providenza jara miraklu ħaj li jiġġedded kuljum. Huwa żied jgħid li spiċċa ż-żmien meta persuna b’diżabilità kienet tigi mwarrba jew ma tingħatax l-attenzjoni li ħaqqha. Din hija xi ħaġa li tirrifletti l-iżvilupp tas-soċjetà tagħna fejn il-persuni b’diżabilità jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt u mhux b’karità. Il-President qal li din hija xi ħaġa li verament tgħolli d-dinjit tal-bniedem għax kull bniedem, anke jekk għandu xi nuqqasijiet, huwa xbieha ta’ Alla u jistħoqqlu r-rispett kollu ta’ kulħadd. Dr Vella temm billi rringrazzja lill-ħaddiema u l-voluntiera kollha għad-dover u x-xogħol li qed jagħmlu f’isem is-soċjetà.

F’diskors ta’ merħba, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, feraħ lil Dr Vella għall-ħatra tiegħu fl-għola kariga tal-pajjiż u qallu li l-preżenza tiegħu u tas-Sinjura tiegħu fid-Dar mhux biss hija ta’ unur għall-Amministrazzjoni, residenti u ħaddiema imma hija wkoll turija li bħall-predeċessuri tiegħu għandu għal qalbu il-ħidma li ssir fid-Dar.

Fr Martin żied jgħid li d-Dar tal-Providenza hi u tibqa’ mpenjata li toffri s-servizzi tagħha lill-persuni b’diżabilità filwaqt li tkun ta’ ispirazzjoni għas-soċjetà Maltija tal-valuri li jiddistingwuna bħala poplu, dak tas-solidarjetà u r-rispett lejn kull persuna mill-konċepiment sal-mewt.

Il-President u s-Sinjura Vella żaru il-kappella u l-mużew iddedikat lil Mons. Mikiel Azzopardi u wara raw il-ħidma li ssir fil-Pixxina Terapewtika, fiċ-Ċentru Agrikolu, fil-kmamar Multisensorjali u l-Music Room. Ħadu wkoll l-opportunità li jiltaqgħu ma’ għadd ta’ ħaddiema.

Waqt ikla li saret f’ġieħ il-President, Fr Martin ippreżenta lil Dr Vella bi plattin li fuqu hemm messaġġ iffirmat minn Mons. Mikiel Azzopardi.

Jitfakkar it-32 Anniversarju tal-mewt ta’ Dun Mikiel Azzopardi, Fundatur tad-Dar tal-Providenza

Fil-kappella tad-Dar tal-Providenza saret ċelebrazzjoni ewkaristika biex jitfakkar it-tnejn u tletin anniversarju mill-mewt ta’ Mons Mikiel Azzopardi, li waqqaf id-Dar fl-1965. Għal din il-Quddiesa attendew għadd ta’ membri tal-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM), residenti u ħbieb tad-Dar tal-Providenza. Dun Mikiel, kif kien magħruf l-aktar, twieled fil-Belt Valletta fl-10 ta’ Frar 1910 u miet fit-13 ta’ Mejju 1987.

Iċ-ċelebrazzjoni tmexxiet minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza flimkien ma’ Fr Reuben Gauci, Assistent Ekkleżjastiku taż-ŻAK (Żgħażagħ Azzjoni Kattolika). Fl-omelija tiegħu, Fr Martin iddeskriva lil Dun Mikiel Azzopardi bħal ragħaj tajjeb li għadu jispira lis-soċjetà Maltija bil-viżjoni u l-ħidma tiegħu biex il-persuni b’diżabilità jingħataw rispett, dinjità u drittijiet li fi żmienu ma kellhomx. Hu għen ukoll il-mod kif is-soċjetà ta’ żmienu kienet tħares lejn il-persuni b’diżabilità. Il-persuni b’diżabilità mhumiex nies tat-tieni klassi imma persuni bi drittjiet ugwali. Bħalissa fid-Dar jgħixu madwar mija u ħmistax-il persuna b’etajiet ta’ bejn l-erbatax u ‘l fuq minn tmenin sena. Id-Dar tiġbor fiha tliet residenzi: Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni u Villa Papa Luciani kif ukoll djar fil-komunitajiet tas-Siġġiewi, l-Qawra, Birkirkara, iż-Żurrieq u oħra f’Balluta li mistennija tinfetaħ aktar tard din is-sena. Fr Martin fakkar ukoll fil-viżjoni ta’ Jean Vanier li miet ftit ġranet ilu, propju fis-7 ta’ Mejju fl-età ta’ 90 sena. Vanier, li kien żar id-Dar tal-Providenza f’Settembru 1985, bħal Dun Mikiel waqqaf il-komunitajiet magħrufa bħala L’Arche fejn persuni b’diżabilità intellettwali jgħixu fi djar żgħar fil-komunità flimkien ma’ dawk li jagħtuhom sapport. Illum L’Arche hija mifruxa f’seba’ u tletin pajjiż mad-dinja kollha. Jean Vanier jgħid li tgħix mal-persuni b’diżabilità jgħinek tapprezza s-sabiħ li hemm f’qalbhom u l-valur uniku ta’ kull persuna. Ġesu qatt ma warrab lil ħadd u jurina li jixtieq jinkludi lil kulħadd tant li għażel li jiċċekken u jsir wieħed bħalna. Huwa jisħaq li d-dinja teżalta lil min kapaċi jitla’ l-iskaluna tas-suċċess, tal-ambizzjoni, tal-kompetizzjoni, tal-ġid materjali u tal-poter. Minkejja l-liġjiet u l-konvenzjonijiet favur id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità għad hawn min iħares lejn il-persuni b’diżabilità bħala “problema” u għalhekk nippromovu l-abort ta’ persuni b’dizabiltà fil-ġuf u niddeskriminaw ma’ persuni b’diżabilità.

Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, sar diskors qasir mis-Sur Josef DeBono, President tal-AKM, fejn ikkritika kliem ta’ mibgħeda lejn il-persuni b’diżabilità li smajna dan l-aħħar f’pajjiżna u ħeġġeġ biex, bħal Dun Mikiel, nippromovu l-kultura tal-ħajja li tirrispetta lil kull persuna sa mill-konċepiment tagħha. Wara, dawk preżenti inġabru u talbu madwar il-qabar ta’ Mons Azzopardi.

Tislima lil Jean Vanier, fundatur tal-Arche International

Id-Dar tal-Providenza tixtieq turi s-sogħba tagħha għall-mewt ta’ Jean Vanier il-fundatur tal-komunitajiet internazzjonali l’Arche u Faith and Light fl-età ta’ 90 sena.
Jean kien żar id-Dar tal-Providenza fid-9 ta’ Settembru 1985, waqt li kien Malta fuq stedina tal-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ iex bie ikun il-kelliem ewlieni waqt l-ewwel edizzjoni ta’ Festażgħażagħ li nżammet fit-Tradefair Grounds in-Naxxar. Waqt li kien malta kien ta ukoll sensiela ta’ taħdidiet fl-Uffiċini tal-Caritas, il-Floriana.
Jean Vanier kien filosfu Kandiż ta’ origini Franċiza li fl-1964, għażel li jitlaq il-karriera akkademika tiegħu u jibda jgħix ma’ żewġt irġiel b’diżabilità intellettwali fi Troli fi Franza fejn waqqaf il-Komunitajiet tal-Arche. F’dawn il-komunitajiet persuni b’diżabilita intelletwali flimkien ma’ dawk li jassistuhom jaqsmu ħajjithom flimkien fi djar żgħar fil-komunità. Bil-mod il-mod bil-kuraġġ u l-viżjoni ta’ Jean Vanier il-komunitajiet tal-Arche minn Franza kibru għal 152 komunita mxerda f’37 pajjiz fil-ħames kontinenti. Illum 5,000 raġel u mara b’diżabilita qed jgħixu fil-qalba tal-soċjeta, jistgħu isemmgħu leħinhom u jgħixu f’ambjent li jgħinhom jiżviluppaw it-kapaċitajiet tagħhom fil-milja kollha tagħhom.

Dawn il-komunitajiet huma magħquda minn viżjoni kumuni imnaqxa f’sett ta’ principji li jispiraw din il-ħidma.

Jean Vanier kien ta’ ispirazzjoni għal Dun Anġ Seychell biex jiftaħ id-dar tiegħu għal persuni b’diżabilità intellettwali li semmieħa Dar Nazaret. Dar oħra li fetaħ Dun Anġ biswit din id-dar semmieha propjau għal Jean Vanier.

Il-messaġġ ta’ Jean Vanier dejjem iħeġġeġ biex nibnu komunitajiet ta’ kompassjoni b’enfasi fuq id-dinjità u valur tal-ħajja uman. Huwa jisħaq li l-persuni b’diżabilita mhux biex ittasformawh bħala persuna u jara fihom sejħa biex napprezzaw li d-differenza hija rigal u mhux theddida.

Jean Vanier huwa wkoll awtur ta’ bosta kotba.

“La Via Del Calvario”, Kunċert ta’ Mużika Sagra b’risq Id-Dar tal-Providenza

Il-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl-Imdina kien mimli nhar is-Sibt, 13 ta’ April għal “La Via Del Calvario”, kunċert ta’ Mużika Sagra għall-Ġimgħa Mqaddsa mill-Banda tal-Pulizija ta’ Malta taħt it-tmexxijja tas-Surmast Direttur, l-Assistent Kummissarju Anthony Cassar. Għall-kunċert, li sar b’risq Id-Dar tal-Providenza, kienu preżenti fost oħrajn l-E.T. Il-President ta’ Malta, Dott. George Vella, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Dr Michael Farrugia, l-E.T. Mons Arċisqof Charles J. Scicluna, il-Kummissarju tal-Pulizija, s-Sur Lawrence Cutajar u Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar fis-Siġġiewi.

 

Il-Banda tal-Pulizija kienet akkumpanjata mill-Amadeus Chamber Choir, il-Guest Musicians Ensemble, is-sopran Ruth Sammut Casingena, it-tenuri Brian Cefai u Charles Vincenti, l-organista tal-Katidral tal-Imdina Dr Chris Rolè, l-arpista Esmeralda Galea Camilleri, il-vjolinista u sassofonista Mro. David Joseph Sammut flimkien mal-Pipe Band tal-Korp ral-Pulizija. B’kollox, fil-kunċert ta’ sagħtejn u nofs ħadu sehem mhux inqas minn mija u għoxrin parteċipant.

 

“La Via Del Calvario” kien wieħed minn tlitt kunċerti li huma ppjanti għal matul din is-sena biex jitfakkru il-25 Anniversarju mir-riattivazzjoni tal-Banda tal-Korp tal-Pulizija fl-1994 u l-205 Anniversarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija fl-1814.