Together Couples Group jiġbor €5,160 għad-Dar tal-Providenza

It-Together Couples Group inrnexxielu jiġbor €5,160 waqt BBQ tas-sajf b’risq Id-Dar tal-Providenza. Din l-ikla għall-karità saret fid-Dar stess fis-Siġġiewi. Stefan Sant Portanier, il-koordinatur tal-grupp, irringrazzja lil dawk li attendew u l-kumpaniji li appoġġjaw l-attività.

It-Together Couples Group huwa grupp spititwali Kattoliku għall-koppji li jfittxu li jsibu il-grazzja t’Alla f’ħajjithom, fir-relazzjonijiet bejn il-koppji u fil-ħajja tal-familja.

Friends of Providence House NSW jagħtu $AUD16,800 lid-Dar Tal-Providenza

Il-Friends of Providence House NSW għamlu donazzjoni ta’ $AUD16,800 (€10,239.53) lid-Dar Tal-Providenza. Iċ-ċekk kien ippreżentat lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, waqt il-Maratona tal-Volleyball li saret bejn il-5 u s-7 ta’ Lulju 2019 minn Leli Borg, ħu Jim Borg, il-Kordinatur tal-grupp filantropiku Awstraljan. Il-flus inġabru permezz ta’ sponsorships, attivitajiet u donazzjonijiet.

Ħajr speċjali jmur lil-Breakaway Travel Blacktown, La Vallette Social Centre u lil dawk kollha li għamlu donazzjoni. L-istess ħajr imur lit-talent Malti-Awstraljan li taw il-ħin tagħhom f’attivitajiet ta’ ġbir ta’ flus li jsiru matul is-sena. Fl-aħħar imma mhux linqas, grazzi kbira lis-Segretarja, Marisa Previtera u l-Kaxxiera Miriam Friggieri li flimkien ma’ Jim Borg huma t-tim li jmexxu l-Friends of Providence House fi NSW fl-Awstralja.

€687,795 miġbura waqt il-Maratona tal-Volleyball b’risq Id-Dar tal-Providenza

€687,795 inġabru waqt il-ħdax-il edizzjoni tal-Maratona ta’ Volleyball b’risq Id-Dar tal-Providenza li saret bejn il-Ġimgħa 5 u l-Ħadd 7 ta’ Lulju 2019 fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi. Din is-somma tinkludi €378,226 li nġabru waqt l-edizzjoni speċjali tal-programm Xarabank tat-28 ta’ Ġunju fuq TVM.

Erbgħin plejer rġiel u nisa, coaches, referees, score keepers, tobba, fiżjoterapisti u infermiera sfidaw is-sħana li ippersistiet u għal tlieta u ħamsin siegħa sħaħ intlagħab il-Volleyball biex jinġabru l-fondi li d-Dar tant għandha bżonn. Il-Maratona kienet inawgurata uffiċċjalment nhar il-Ġimgħa mill-E.T. Il-President ta’ Malta, Dr George Vella. Żaru wkoll il-Maratona il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat u s-Sinjura Michelle Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Adrian Delia, Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna, l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea Curmi, Ministri, Segretarji Parlamentari, deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra u membri Maltin tal-Parlament Ewropew. Kollha qattgħu ħin jirrispondu wkoll it-telefonati mill-membri tal-pubbliku li kienu qed iċemplu biex jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, irringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi għall-ġenerożità li wera f’din il-Maratona u wiegħed li din il-ġenerożità se tissarraf f’aktar ħidma għall-persuni residenti fid-Dar.

Il-Maratona tal-Volleyball ixxandret b’mod dirett f’diversi ħinijiet fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni TVM, TVM2, ONE TV u NET TV.

F’isem Id-Dar tal-Providenza, GRAZZI

Inawgurata il-BOV Marigold Volleyball Marathon

Il-ħdax-il edizzjoni tal-BOV Marigold Volleyball Marathon ta’ 53 siegha b’risq Id-Dar tal-Providenza giet inawgurata uffiċċjalment illejla mill-E.T. Dr George Vella, President ta’ Malta li ingħata merħba mid-Direttur tad-Dar, Fr Martin Micallef. Jilqgħuh ma’ Fr Martin kien hemm Ms Elvia George, Chief Finance Officer tal-Bank of Valletta u membru tal-Bord tal-Fondazzjoni Marigold – BOV in the Community u s-Sur Emanuel Zammit, Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv tal-Maratona. Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm l-Onor. Anthony Agius Decelis, Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Dr Clifton Grima, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Organizzazzjonijiet Volontarji; Dr Maria Deguara, Shadow Minister għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, is-Sur Oliver Scicluna Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u s-Sur Kurtsein Sant, Sindku tas-Siġġiewi.

F’diskors qasir, Fr Martin qal li din il-Maratona tistrieħ fuq żewġ pilastri li huma ħafna għal qalb it-tmexxija tad-Dar – ġenerożità u sport. L-ispirtu altruwistiku ta’ dawk kollha li jieħdu sehem jispikka tul din l-attività. Xhieda li l-Maltin huma dejjem minn ta’ quddiem fejn tidħol is-solidarjetà. Waqt li irringrazzja lil kulħadd għall-appoġġ ta’ din l-attività, huwa saħaq li l-ġenerożità għandha wkoll tirrifletti ruħha fir-rispett għad-dinjità u d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Fr Martin żied jgħid li jħossu dejjem umiljat mill-appoġġ li l-pubbliku jagħti sena wara sena u assigura li l-appogg ta’ kulħadd f’din il-Maratona se jkompli jgħin biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Huwa rringrazzja lill-E.T. Dr George Vella, President ta’ Malta li inawgura l-Maratona, il-Marigold Foundation BOV in the Community u s-Sinjura Michelle Muscat għall-appoġġ tagħha ta’ din l-attività annwali, il-kumitat organizzattiv, il-plejers, il-voluntiera u l-isponsors.

Elvia George ingħaqdet ma’ dak li qal Fr Martin u qalet li l-Fondazzjoni Marigold ilha taħdem mill-qrib mad-Dar tal-Providenza minn mindu twaqqfet biex tkompli l-appoġġ li qabel kien jingħata mill-BOV. Is-servizz eċċellenti li d-Dar tipprovdi, mhux biss lir-residenti imma wkoll lil dawk li jużaw is-servizz ta’ respite, jitlob għal investiment kontinwu. Dan huwa meħtieġ mhux biss biex tipprovdi s-servizzi meħtieġa jum wara l-ieħor imma wkoll biex ittejjeb il-faċilitajiet li jeżistu u tinvesti f’oħrajn ġodda. Matul dawn l-aħħar ħamsin sena, din id-Dar baqgħet imwaħħda mal-valuri tal-Fundatur u tipprovdi tassew ambjent ta’ familja lil dawk li jfittxu l-appoġġ tagħha. Hija temmet tgħid li Id-Dar tal-Providenza hija ħaġa waħda mal-għanijiet tal-Marigold Foundation – BOV in the Community biex dejjem intejbu l-komunità tagħna.

L-E.T. Dr George Vella esprima s-sodisfazzjon tiegħu dwar kif in-nazzjon Malti jingħaqad ħaġa waħda biex jappoġġja lid-Dar tal-Providenza, matul is-sena kollha imma partikolarment f’din l-attività annwali. Huwa irringrazzja il-mijiet ta’ voluntieri li jiddedikaw il-ħin u l-enerġija tagħhom biex jorganizzaw din il-Maratona. Huwa appella wkoll biex kulħadd ikun solidali mall-persuni b’diżabilità u jtejjbu il-kwalità tal-ħajja tagħhom kemm b’ħinhom kif ukoll bid-donazzjonijiet li jagħmlu.

Il-Maratona tibqa’ sejra sal-Ħadd 7 ta’ Lulju fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Minbarra l-appoġġ li jkunu qed jagħtu lill-plejers tal-volleyball, min jasal wasla sad-Dar ikun jista’ wkoll igawdi mill-varjetà pprovduta minn uħud mill-aħjar kantanti Maltin, il-baned tal-Forzi Armati ta’ Malta u tal-Pulizija, Mro Brown u Spiteri Lucas. Ikun hemm ukoll ikel varju u logħob għat-tfal. Il-Maratona tixxandar diretta fuq l-istazzjonijiet tat-televizzjoni TVM, TVM2, NET TV u One TV.

Donazzjonijiet lid-Dar tal-Providenza jistgħu isiru billi wieħed iċempel fuq 51902070 għal donazzjoni ta’ €50 u 51802013 għal donazzjoni ta’ €25. Donazzjoni ta’ €6.99 tista’ ssir permezz ta’ SMS fuq 50618944. Subscribers tal-BOV Mobile Pay jistgħu jagħmlu d-donazzjoni tagħhom fuq 79324834. Hemm ukoll linja biex wieħed jagħmel pleġġ fuq 2146 3686.

Xarabank jiġbor €378,226 għad-Dar tal-Providenza

Nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Ġunju 2019, waqt il-programm popolari televiżiv Xarabank inġabret is-somma ta’ €378,226 b’risq id-Dar tal-Providenza.

Din is-somma se tkun qed tingħaqad mas-somma li se tkun miġbura waqt l-11 edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball li se tinżamm fid-Dar tal-Providenza, s-Siġġiewi bejn il-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju u l-1 ta’ Lulju 2018.

L-istudenti ta’ Grade 5 tal-Iskola San Anton jagħmlu donazzjoni lid-Dar tal-Providenza

Grupp ta’ studenti ta’ Grade 5 tal-Iskola San Anton ippreżentaw ċekk ta’ €50 lil Ms Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar tal-Providenza. Din is-somma nġabret minn bejgħ ta’ pompoms li l-istudenti organizzaw waqt il-ħin tal-mistrieħ tagħhom. Din l-inizjattiva altruwistika ħadet ħsiebha l-istudenta Nanelle Sammut bħala parti mit-23 edizzjoni tal-“Way of Giving” li l-iskola torganizza.

Ritratt mix-xellug: Michaela Zammit, Francesca Curmi, Sofia Grech Ventura, Nanelle Sammut, Ms Nadine Camilleri Cassano, Tom Ellul, Simon Whitehead, Naia Stivala, Lio Brangeon Gaudin.

Is-St Paul Chamber Ensemble jagħmel donazzjoni oħra lid-Dar tal-Providenza

Id-Direttur tas-St Paul Chamber Ensemble, l-ET Chev. Mro. Mark Agius, akkumpanjat mill-assistenta tiegħu, Ms Karen Gatt Darmenia, ippreżenta donazzjoni oħra lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza.

Il-flus mogħtija kienu d-dħul minn Kunċert ta’ Mużika Sagra “Angelus” li sar fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl-Imdina nhar il-5 ta’ April 2019.

Il-11-il edizzjoni tal-BOV Marigold Volleyball Marathon b’risq Id-Dar tal-Providenza

Il-11-il edizzjoni tal-BOV Marigold Volleyball Marathon b’risq Id-Dar tal-Providenza giet imnedija waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar fis-Siġġiewi.

Il-Maratona ta’ 53 siegħa Volleyball tingħata bidu nhar il-Ġimgħa, 5 ta’ Lulju fis-6.30pm fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza u tibqa’ sejra mingħajr waqfien sa’ nofsilejl tas-7 ta’ Lulju 2019.

L-edizzjoni ta’ din is-sena tnidiet uffiċċjalment minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, u s-Sinjura Michelle Muscat, Chairperson tal-‘Marigold Foundation – BOV in the Community’. Kienu preżenti wkoll Ms Elvia George, Chief Finance Officer tal-Bank of Valletta u s-Sur Emanuel Zammit, Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv tal-Maratona.

Fr Martin qal li l-Maratona hija avveniment annwali għall-ġbir ta’ fondi b’risq Id-Dar tal-Providenza li fih tassew jispikka l-altruwiżmu. Din il-Maratona tara l-isportività u l-voluntariżmu jaħdmu id f’id bl-għan ewlieni li jinġabru fondi biex jiġi żgurat li din id-Dar tkompli toffri ambjent simili ta’ familja għar-residenti tagħha.

Is-Sinjura Michelle Muscat qalet li l-Fondazzjoni Marigold tagħraf il-fatt li l-parti l-kbira tal-fondi meħtieġa mid-Dar tal-Providenza tiddependi minn għotjiet mill-poplu Malti u Għawdxi. L-irwol tal-Fondazzjoni Marigold f’din l-inizjattiva annwali ta’ ġbir ta’ fondi huwa li tkopri l-ispejjeż kollha relatati mal-organizzazzjoni tal-maratona tal-volleyball u b’hekk jiġi żgurat li kull ċenteżmu mogħti mill-pubbliku matul it-53 siegħa ta’ solidarjetà imur għat-tmexxija u ż-żamma ta’ dan l-element importanti ħafna fil-komunità Maltija.

Ms Elvia George qalet li l-Bank of Valletta kien parti integrali fl-edizzjonijiet kollha tal-Maratona tal-Volleyball, inizjattiva li l-Bank huwa kburi biha. Minbarra l-ġbir ta’ flus li huma tant meħtieġa, din l-attività twassal il-messaġġ tad-Dar ta’ rispett u dinjità lejn il-persuni b’diżabilità. Il-Bank huwa fiduċjuż li l-edizzjoni ta’ din is-sena tkun għal darb’oħra xhieda tal-ġenerożità tal-poplu Malti li tant huwa magħruf għaliha.

Is-Sur Emanuel Zammit irringrazzja lil-parteċipanti kollha tal-maratona, il-players, il-kumitat organizzattiv u l-voluntiera li kull sena jagħtu sehemhom bi ħġarhom biex jiżguraw is-suċċess ta’ din iċ-ċelebrazzjoni annwali ta’ sport u solidarjetà. Wieħed ma jistax ma jieħux gost jara l-impenn tan-nies li jiġu sena wara sena kif ukoll dawk l-uċuħ ġodda li jiġu jagħtu daqqa t’id biex jifformaw ħbiberiji ġodda f’din il-familja li qegħda dejjem tikber.

Kontribuzzjonijiet jistgħu isiru billu ċċemplu fuq 51702012 għal donazzjoni ta’ €15 u fuq 51802013 għal donazzjoni ta’ €25, Donazzjoni ta’ €6.99 tista’ ssir billi wieħed jibgħat SMS fuq 50618944. Abbonati tal-BOV Mobile Pay jistgħu jagħmlu d-donazzjoni tagħhom fuq in-numru 79324834. Hemm ukoll il-linja 2146 1537 li fuqha wieħed jista’ jagħmel pleġġ,

Il-Kummissarju Għoli Malti għall-Awstralja u New Zealand iżur Id-Dar tal-Providenza

L-E.T. il-Kummissarju Għoli Malti għall-Awstralja u New Zealand, is-Sur Charles Muscat flimkien ma’ martu s-Sinjura Muscat għamlu żjara ta’ kortesija lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, fis-Siggiewi.
Fr Martin spjega lill-Kummissarju Muscat il-ħidma li ssir mal-persuni b’diżabiltà li jgħixu fir-residenzi tad-Dar u l-bżonn kontinwu tal-appoġġ finanzjarju tal-poplu Malti u Ghawdxi. Il-Kummissjarju Muscat faħħar il-ħidma tal-Grupp Friends of Providence House ta’ New South Wales li kull sena jiġbor somma sabiħa minn fost il-Maltin tal-Awstralja biex tgħin fis-sostenn ta’ din id-Dar.

“Fid-Dar tal-Providenza nara miraklu ħaj jiġġedded kuljum”. – Il-President ta’ Malta, Dr George Vella fl-ewwel żjara uffiċċjali tiegħu fid-Dar tas-Siġġiewi

Il-President ta’ Malta, Dr George Vella, akkumpanjat mis-Sinjura Vella, għamel l-ewwel żjara uffiċċjali tiegħu fid-Dar tal-Providenza u f’diskors lir-residenti u ħaddiema qal li fid-Dar tal-Providenza jara miraklu ħaj li jiġġedded kuljum. Huwa żied jgħid li spiċċa ż-żmien meta persuna b’diżabilità kienet tigi mwarrba jew ma tingħatax l-attenzjoni li ħaqqha. Din hija xi ħaġa li tirrifletti l-iżvilupp tas-soċjetà tagħna fejn il-persuni b’diżabilità jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt u mhux b’karità. Il-President qal li din hija xi ħaġa li verament tgħolli d-dinjit tal-bniedem għax kull bniedem, anke jekk għandu xi nuqqasijiet, huwa xbieha ta’ Alla u jistħoqqlu r-rispett kollu ta’ kulħadd. Dr Vella temm billi rringrazzja lill-ħaddiema u l-voluntiera kollha għad-dover u x-xogħol li qed jagħmlu f’isem is-soċjetà.

F’diskors ta’ merħba, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, feraħ lil Dr Vella għall-ħatra tiegħu fl-għola kariga tal-pajjiż u qallu li l-preżenza tiegħu u tas-Sinjura tiegħu fid-Dar mhux biss hija ta’ unur għall-Amministrazzjoni, residenti u ħaddiema imma hija wkoll turija li bħall-predeċessuri tiegħu għandu għal qalbu il-ħidma li ssir fid-Dar.

Fr Martin żied jgħid li d-Dar tal-Providenza hi u tibqa’ mpenjata li toffri s-servizzi tagħha lill-persuni b’diżabilità filwaqt li tkun ta’ ispirazzjoni għas-soċjetà Maltija tal-valuri li jiddistingwuna bħala poplu, dak tas-solidarjetà u r-rispett lejn kull persuna mill-konċepiment sal-mewt.

Il-President u s-Sinjura Vella żaru il-kappella u l-mużew iddedikat lil Mons. Mikiel Azzopardi u wara raw il-ħidma li ssir fil-Pixxina Terapewtika, fiċ-Ċentru Agrikolu, fil-kmamar Multisensorjali u l-Music Room. Ħadu wkoll l-opportunità li jiltaqgħu ma’ għadd ta’ ħaddiema.

Waqt ikla li saret f’ġieħ il-President, Fr Martin ippreżenta lil Dr Vella bi plattin li fuqu hemm messaġġ iffirmat minn Mons. Mikiel Azzopardi.