Ftehim Kollettiv Ġdid għall-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza

Ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn id-Dar tal-Providenza u l-General Workers Union (GWU). Il-ftehim, li jkopri l-perjodu bejn l-2020 u l-2023, jipprovdi għal kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol għal ħaddiema kollha, fosthom family friendly measures kif ukoll struttura ġdida tal-gradi u progressions għall-gradi kollha. Qed jitjiebu wkoll is-salarji kif ukoll diversi kundizzjonijiet oħrajn.

Il-ftehim ġie ffirmat mid-Direttur tad-Dar, Fr Martin Micallef u mis-Sinjura Riccarda Darmanin, Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU. Il-ftehim ġie ffirmat ukoll mis-Sinjura Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar tal-Providenza, is-Sur Paul Micallef, Assistent Segretarju tal-istess Taqsima tal-GWU u s-Sur Frans Micallef, Shop Steward tal-ħaddiema. Preżenti għall-iffirmar kien hemm is-Sur Michael Pace Ross, Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Dan il-ftehim ġie spjegat lill-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza u approvat f’laqgħa li nżammet ftit ġranet qabel. Il-ftehim kien approvat ukoll mill-Kumitat Finanzjarju Djoċesan, ippresedut mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.

Wara l-iffrimar ta’ dan il-Ftehim, Fr Martin irringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom fin-negozjar tat-tielet Ftehim Kollettiv għall-ħaddiema li sar f’atmosfera ta’ rispett reċiproku u b’xewqa li jkomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet u s-salarji tal-ħaddiema kollha tad-Dar tal-Providenza. Huwa żied jgħid li r-rieda li nżidu l-pagi għall-ħaddiema ma jirriflettix biss sens ta’ ġustizzja imma wkoll apprezzament għall-impenn u d-dedikazzjoni kbira tal-ħaddiema tad-Dar.

Is-Sinjura Darmanin f’isem it-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU uriet is-sodisfazzjon tagħha għall-mod kif saru n-negozjati fejn kien hemm rieda tajba mill-partijiet konċernati u b’hekk kienu konkluzi għas-sodisfazzjon tal-partijiet kollha.

Vjaġġ lejn Fatima

F’Mejju li ġej se jsir pellegrinaġġ għal Fatima fil-Portugall, li se jitmexxa minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, fl-okkażjoni tal-ewwel dehra tal-Madonna. Qed nagħtu l-programm dettaljat għal min minnkom jista’ jkun interessat. Id-dħul mill-vjaġġ se jkun kollu b’risq id-Dar.

Dettalji dwar il-Vjaġġ lejn Fatima

GRAZZI mid-Dar tal-Providenza għall-Festa ta’ Ġenerożità

Somma rekord ta’ €1,365,556 inġabret waqt il-Festa ta’ Ġenerożità organizzata mid-Dar tal-Providenza fl-ewwel tas-sena ‘l ġdida. Bosta kienu dawk li marru s-Siġġiewi biex jagħmlu d-donazzjoni tagħhom taħt it-tinda li ttellgħet fil-parkeġġ imma ħafna kienu wkoll dawk li ċemplu biex jagħmlu d-donazzjoni tagħhom. Bħal kull sena, għadd ta’ parroċċi f’Malta w Għawdex organizzaw ġabriet speċjali li mbagħad ingħataw lid-Dar f’isem il-komunità parrokkjali.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, qal li din il-Festa ta’ Ġenerożità bħal dejjem uriet il-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi li għal darb’oħra wera solidarjetà u ġenerożità mad-Dar. Huwa qal li dawn il-fondi se jgħinu biex id-Dar tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħha kemm fid-Dar tas-Siġġiewi kif ukoll fid-djar li hemm fil-komunità.

L-ewwel żjara saret minn Mons Arċisqof Charles J. Scicluna li wkoll iċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza li għaliha attenda s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis. Fl-omelija tiegħu l-Arċisqof qal: “Għandna nħallu lil Alla jħares lejna ghax b’hekk il-ħarsa tagħna lejn xulxin issir il-ħarsa ta’ Alla ħierġa mill-qalb.” Huwa kompla jgħid, “kemm hija ħaġa sabiħa li l-Maltin u Għawdxin jibdew is-sena ‘l ġdida jgħinu lil xulxin b’atti ta’ solidarjetà anke fiċ-ċrieki qrib tagħna. Hemm ħafna modi oħra ta’ faqar minbarra l-finanzi, waħda minnhom hija s-solitudni fejn bniedem iħossu waħdu u mwarrab mis-soċjetà.” L-Arċisqof Scicluna appella biex il-poplu Malti u Għawdxi jibqa’ jappoġġja in-nisġa ta’ djar li d-Dar tal-Providenza għandha f’diversi lokalitajiet biex persuni bi bżonnijiet speċjali jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu fil-qalb tal-komunità.

Matul il-jum kien hemm żjarat mill-President ta’ Malta, Dott. George Vella u s-Sinjura Vella, il-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Sinjura Muscat u l-Isqof Awżiljarju Mons Joseph Galea-Curmi. Attendew għadd ta’ ministri u membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati kif ukoll delegati tal-partit politiċi ewlenin u rappreżentanti ta’ korpi kostitwiti li qattgħu ħin iwieġbu t-telefonati tal-pubbliku.

Fl-okkażjoni tas-sena li fiha l-Knisja se tkun qed tfakkar il-mitt sena mit-twelid ta’ San Ġwanni Pawlu II fit-18 ta’ Mejju 1920, matul il-ġurnata fil-kappella kienet esposta għall-qima u t-talb tal-pubbliku relikwa b’garża bid-demm tiegħu ta’ meta Mehmet Ali Ağca sparalu fi Pjazza San Pietru fit-13 ta’ Mejju 1981. Din ir-relikwa irregalata lid-Dar Sr Marija Bambina Bugeja, soru Maltija li kienet assistiet lill-Papa waqt li kien rikoverat fil-Policlinico Gemelli.

Bosta żaru l-wirja tax-xogħlijiet tal-arti mogħtija minn għadd ta’ artisti Maltin u barranin li ttellgħet fis-Sala San Pawl. L-irkant ta’ dawn ix-xogħlijiet, li b’kollox kien madwar mitt biċċa, din id-darba se jsir f’April li ġej f’data li titħabbar aktar tard. Is-sena l-oħra ġew irkantati b’kemm jiswew €29,487 f’pitturi u skulturi.

Ix-xandira televiżiva bdiet fid-9.00am b’quddiesa mill-kappella tad-Dar u baqgħet sejra sa wara nofsillejl meta tħabbret is-somma totali fost is-soltu ferħ u briju ta’ l-għadd kbir ta’ voluntiera li taw ħinhom għal din il-Festa ta’ Ġenerożità. TVM1, TVM2, ONE TV u NET TV ingħaqdu f’ħinijiet twal fix-xandira diretta ta’ ftit aktar minn ħmistax-il siegħa. Matul ix-xandira kien hemm programm sħieħ ta’ divertiment taħt it-tinda bis-sehem ta’ kantanti u mużiċisti ewlenin Maltin.

Id-Dar tal-Providenza issellem il-memorja tal-Kardinal Prospero Grech

Id-Dar tal-Providenza issellem il-memorja għażiża tal-Kardinal Prospero Grech O.S.A. li l-mewt tiegħu tħabbret il-bieraħ. Bħal ommu Amelia u missieru Vincent li kienu benefatturi tad-Dar, huwa kellu ħafna għal qalbu lid-Dar tas-Siġġiewi u għamel żewġ żjarat kemm kien ilu Kardinal l-ewwel waħda kienet f’Awwissu 2012. Lejlet il-Milied, il-Kardinal Grech għalaq 94 sena.
Il-Patri Agostinjan Prospero Grech kien inħatar Kardinal mill-Papa Emeritu Benedittu XVI fi Frar tal-2012.
L-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Mario Grech u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi wasslu l-kondoljanzi tagħhom lill-qraba tal-Kardinal Prospero u lill-familja reliġjuża Agostinjana kollha, filwaqt li jħeġġu lill-Insara kollha joffru talb ta’ suffraġju għal ruħu.
Il-Mulej jgħannqu miegħu u jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem.

Il-Malta Philharmonic Orchestra b’kunċert tal-Milied fid-Dar tal-Providenza

Nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Diċembru, il-Bank Ċentrali ta’ Malta bil-kollaborazzjoni tal-Malta Philharmonic Orchestra, tella’ kunċert tal-Milied għar-residenti tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.   Fost dawk preżenti kien hemm Dr Mario Vella, Gvernatur tal-Bank Ċentrali u s-Sinjura Victoria Vella,  Mro. Sigmund Mifsud, Chairman Eżekuttiv tal-Malta Philharmonic Orchestra u Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza.

F’diskors qasir tal-okkażjoni, Fr Martin Micallef f’isem ir-residenti rringrazzja lill-Gvernatur għan-nom tal-Bank Ċentrali li għoġbu jagħżel li jtella’ dan il-kunċert fid-Dar tal-Providenza bħala parti mir-responsabbilità soċjali korporativa tal-Bank.  Il-Bank Ċentrali kien wieħed mill-Corporate Sponsors tal-Orkestra mill-2017 u l-kunċert kien wieħed mill-attivitajiet li jagħmel fil-komunità.

Huwa fakkar li l-Bank Ċentrali sa mit-twaqqif tiegħu dejjem kien ta’ appoġġ lid-Dar tal-Providenza b’diversi inizjattivi li għalihom id-Dar hi ferm grata.  Fi tmiem id-diskors tiegħu Fr Martin ippreżenta tifkira lill-Gvernatur.

Ritratti: Melvin Bugeja

Festa oħra ta’ Ġenerożità mad-Dar tal-Providenza fl-Ewwel ta’ Jannar

Ingħataw dettalji tal-erba’ w għoxrin edizzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità li ssir fl-Ewwel ta’ Jannar ta’ kull sena organizzata mid-Dar tal-Providenza biex jinġabru fondi ħalli d-Dar tas-Siġġiewi tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha u ssaħħaħa. Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu (It-Tlieta, 17 ta’ Diċembru).

Fr Martin ħabbar li d-Dar tal-Providenza għamlet pass importanti meta akkwistat il-Liċenzji meħtieġa għall-operat ta’ kull dar li għandha kif kien mitlub minnha mill-Awtorità għall-Istandards ta’ Ħarsien Soċjali (SCSA) li twaqqfet  b’att legali s-sena l-oħra. Permezz ta’ din il-liċenzja, id-Dar tal-Providenza qed turi fil-konkret li hi mpenjata li tipproteġi u ttejjeb id-dinjità, is-sigurtà u l-ħarsien soċjali tar-residenti u kull min ikollu bżonn is-servizzi tagħha. Id-Dar tal-Providenza hija wkoll reġistrata mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji (VO 1066)  biex in-nies ikunu jafu li d-Dar taħdem bi trasparenza u kontabilità sħiħa.

Bħala proġetti għas-sena li ġejja, Fr Martin semma’ l-ftuħ ta’ dar ġdida fil-Komunità tal-Balluta; refurbishment u installazzjoni ta’ lift ġdid f’Dar Żerniq, fis-Siġġiewi; refurbishment tal-erba’ flettijiet f’Villa Papa Giovanni u kors ta’ taħriġ speċjalizzat minn professjonist barrani għall-management u l-ħaddiema dwar “Imġieba Diffiċli”.

Il-Festa ta’ Ġenerożità tibda fid-9.00am b’quddiesa minn Mons Arċisqof Charles J. Scicluna fil-kappella tad-Dar. Matul il-jum kollu fuq il-palk ta’ taħt it-tinda, ikun hemm spettaklu ta’ varjetà u intervisti ma’ għadd ta’ personalitajiet li jżuru d-Dar li jibqa’ sejjer sa nofsillejl. Taħt it-tinda se jkun hemm ukoll il-voluntiera biex jilqgħu d-donazzjonjiet tal-pubbliku. Kull min se jkun qed iżur id-Dar tal-Providenza se jkun qed jingħata rċevuta tad-donazzjoni tiegħu.

Fl-okkażjoni tas-sena li fiha l-Knisja se tkun qed tfakkar il-mitt sena mit-twelid ta’ San Ġwanni Pawlu II, matul il-ġurnata fil-kappella se tkun esposta għall-qima u t-talb tal-pubbliku relikwa b’garża bid-demm tiegħu ta’ meta Mehmet Ali Ağca sparalu fi Pjazza San Pietru fit-13 ta’ Mejju 1981. Din ir-relikwa irregalata lid-Dar soru Maltija li kienet assistiet lill-Papa waqt li kien rikoverat fil-Policlinico Gemelli.

L-irkant ta’ xogħolijiet tal-arti, ġentilment mogħtija minn artist, kemm Maltin kif ukoll barranin li kellu jsir fil-foyer tal-Parlament fil-Belt Valletta nhar il-Ħamis li ġej, 19 ta’ Diċembru ġie pospost għal April tas-sena ddieħla. Madankollu, matul il-Festa ta’ Ġenerożità, il-pubbliku xorta jkun jista’ jżur il-wirja tax-xogħolijiet artistiċi li se tittella’ apposta fis-sala ewlenija tad-Dar.

Ghal benefiċċju ta’ dawk li dakinhar se jżuru d-Dar tal-Providenza se jkun hemm servizz ta’ park-and-ride bejn it-3.00pm u 9.00pm mit-triq ta’ San Niklaw (ir-runway l-antik). Għal dawk li ma jistgħux jaslu sas-Siġġiewi jistgħu isegwu l-Kampanja li se tkun imxandra live fuq l-istazzjonijiet televiżivi ewlenin. Donazzjonijiet jistghu jsiru fl-istess Dar tal-Providenza jew permezz tat-telefon.

Donazzjonijiet jistghu jsiru bit-telefon kif ġej:

Donazzjoni         €10       –     516 02 012

Donazzjoni         €15       –     517 02 013

Donazzjoni         €25       –     518 02 014

SMS Donazzjoni     €7    –     506 18 922

€12,710 miġbura waqt maratona ta’ 30 siegħa mużika fuq 103 Maltasheart

€12,710 inġabru waqt maratona ta’ 30 siegħa mużika fuq 103 Maltasheart organizzat minn Arthur Caruana b’risq Id-Dar tal-Providenza.

Il-maratona bdiet il-Ġimgħa, 6 ta’ Diċembru fis-6.00am u baqgħet sejra sa nofsinhar tal-għada.

Fi tmiem il-maratona, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, irringrazzja lil Arthur u t-tim tiegħu li organizzaw il-maratona: Nescafè, Beacon Media Group, Newsbook, preżentaturi ta’ 103 Maltasheart, kantanti, bands, semmiegħa u dawk kollha li taw l-appoġġ tagħhom permezz ta’ donazzjoni.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi żaru l-istudios ta’ 103 Maltasheart biex jappoġġjaw lil Arthur u t-tim tiegħu kif ukoll biex iħeġġu lill-poplu jagħmel donazzjoni lid-Dar tal-Providenza.

Żewġ rebbieħa tal-Premju Mons. Mikiel Azzopardi 2019

Is-Sur Oliver Scicluna, Ċerperson tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u l-kumpanija Camilleri & Cuschieri Consulting Engineers, rappreżentata mis-Sur Charles Cuschieri, ko-fundatur tal-kumpanija huma ż-żewġ rebbieħa tal-Premju Mons. Mikiel Azzopardi għal din is-sena.

Dan ħabbru Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, waqt il-kunċert annwali mill-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta li sar il-Ġimgħa (6 ta’ Diċembru) fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl-Imdina b’risq id-Dar tas-Siġġiewi fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabiltà.

Dan il-Premju, li tnieda għall-ewwel darba fl-1955, jingħata kull sena biex jirrikonoxxi l-kontribut ta’ persuni fil-qasam tal-persuni b’diżabilità f’Malta w Għawdex kif ukoll persuni u entitajiet li jgħinu lid-Dar tal-Providenza fil-ħidma tagħha.

Oliver Scicluna kien ġie appuntat bħala Ċerpersin tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità f’Marzu 2014. Bħalissa huwa qed iservi wkoll fuq diversi kunsilli u bordijiet fuq livell nazzjonali. Huwa wkoll Viċi Ċerpersin tal-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità fit-Teknoloġija Informatika. Kien serva bħala Ċerpersin tal-Kumitat Azzjoni Soċjetà Ġusta, li kien kumitat li jagħti pariri għat-tħejjija tal-Politika Nazzjonali dwar id-Diżabilità.

Oliver ġie maħtur bħala l-ewwel Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità f’Ġunju 2016.

Camilleri & Cuschieri Consulting Engineers, kumpanija li tagħti servizz ta’ konsulenza fil-qasam tal-inġinerija, kienet twaqqfet fl-1979 mill-Inġinier Albert G. Camilleri, illum mejjet, u l-Inġinier Charles Cuschieri u din is-sena qed tfakkar l-erbgħin sena mit-twaqqif tagħha.

L-Assoċjazzjoni ta’ Camilleri & Cuschieri mad-Dar tal-Providenza bdiet meta Mons. Lawrence Gatt sar direttur tad-Dar fl-1987. Minn dak iż-żmien sal-lum, il-kumpanija għażlet li tassapportja lid-Dar b’għajnuna professjonali bħala parti mill-Corporate Social Responsibility tagħha.

Fl-2012, l-Inġinier Cuschieri kien ukoll ippremjat bil-premju ta’ “Eċċellenza fil-Leadership” mill-Kamra tal-Inġiniera ta’ Malta. Huwa wkoll Fellow tal-Institution of Engineering and Technology tal-Ingilterra.

Il-kunċert mill-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta kien taħt il-patroċinju distint tal-President ta’ Malta, l-E.T. Dott. George Vella li kien akkumpanjat mis-Sinjura Vella. F’diskors qasir tal-għeluq, Dott. Vella qal li nitkellmu ħafna

dwar id-dinjità imma l-persuni b’diżabilità dejjem kellhom id-dinjità konna aħna li ċaħħadnihom minnha bl-atitudni tagħna lejhom. Għal-grazzja t’Alla din il-kultura bdiet tinbidel permezz ta’ liġijiet u edukazzjoni biex il-persuni b’diżabilità tassew ikollhom ir-rispett, id-dinjità u d-drittijiet tagħhom.

Il-kelliem tal-okkażjoni marbut mal-Jum Internazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità kien is-Sur Michael Debattista, persuna nieqsa mid-dawl minn mindu għalqet l-għoxrin sena.

Messaġġ mill-Papa Franġisku fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Persuni b’Diżabilità

Il-Futur u l-Aċċessibilità

“Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Persuni b’Diżabilità, nġeddu l-ħarsa tagħna tal-fidi li tara l-preżenza ta’ Kristu stess f’ħutna li jqis kull ġest ta’ mħabba mal-iżgħar fost ħutna magħmul miegħu (Ara Mattew 25,4). F’din l-okkażjoni nixtieq infakkar kif illum il-promozzjoni għad-drittijiet tal-parteċipazzjoni tilgħab irwol ċentrali biex tingħeleb id-diskriminazzjoni u tiġi promossa kultura li tilqa’ u kwalità ta’ ħajja.”

“Sar progress kbir favur il-persuna b’diżabilità fil-qasam mediku u soċjali, iżda madankollu għadna naraw il-preżenza tal-kultura tal-iskart u ħafna minnhom iħossu li jeżistu mingħajr ma jappartjenu u mingħajr parteċipazzjoni. Dan kollu jitlob mhux biss li d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom ikunu protetti imma jitlob minna li nagħmlu dinja aktar umana billi nwarrbu dak kollu li jtellifhom li jkunu ċittadini sħaħ, l-ostakli tal-preġudizzju u billi nippromovu l-aċċessibbilità fiżika u l-kwalità ta’ ħajja, filwaqt li nżommu quddiem għajnejna d-dimensjonijiet kollha tal-persuna umana.”

“Hu neċessarju li nappoġġjaw u nakkumpanjaw lill-persuni b’diżabilità f’kull stadju tal-ħajja, anke bl-użu tat-teknoloġija tal-lum, imma mingħajr ma nqisuhom bħala xi ħaġa assoluta. Bil-qawwa u d-delikatezza nindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ emarginizazzjoni u nimxu t-triq magħhom u ”nidilkuhom” bid-dinjità għall-parteċipazzjoni attiva fil-komunità ċivili u ekklesjali. Hu vjagg impenjattiv u anke diffiċli li jgħin ħafna biex jiġu ffurmati kuxjenzi li kapaċi jirrikonoxxu li kull wieħed minna hu persuna unika u irrepetuta.”

“U ejjew ma ninsewx il-ħafna “eżiljati moħbija,” li jgħixu fi djarna, fil-familji tagħna u fis-soċjetà tagħna. (Ara Anġelus, Id-29 ta’ Diċembru 2013; Diskors lill-Korp Diplomatiku, It-12 ta’ Jannar 2015). Naħseb f’nies ta’ kull età, b’mod speċjali l-anzjani, li anke minħabba d-diżabilità, kultant huma meqjusa bħala piż, “preżenza skomda” b’riskju li jkunu mwarrba u jsibu lilu infushom imċaħħda minn xogħol prospettiv għall-bini tal-futur tagħna.”

“Aħna msejjħa biex nirrikonoxxu f’kull persuna b’diżabilità, anke dawk b’diżabilità severa, kontribuzzjoni unika għall-ġid komuni permezz tal-istorja partikulari tiegħu jew taghha.”

“Nirrikonoxxu d-dinjità ta’ kull persuna konxji li din ma tiddependix fuq il-funzjonalità tal-ħames sensi. (Ara Diskussjoni mal-parteċipanti waqt il-Konvenzjoni taċ-CEI fuq id-diżabilità. Il-11 ta’ Ġunju 2016). L-Evanġelju jgħallimna nagħmlu din il-konverżjoni. Hu neċessarju li niżviluppaw reżistenza kontra l-kultura li tqis ċertu ħajjiet li huma Serje A u oħrajn li huma Serje B. Dan hu dnub soċjali.  Ħa jkollkom il-kuraġġ li tagħtu vuċi lil dawk li huma diskriminati minħabba d-diżabilità tagħhom għax sfortunatament f’ċerti pajjizi sa llum m’humiex rikonoxxuti bħala persuni b’dinjità ndaqs, bħala aħwa fl-umanità.”

“Infatti li tagħmel liġijiet tajbin u li twaqqa’ barrieri fiżiċi huwa mportanti imma dan mhux biżżejjed jekk ma tiġġilidx il-mentalità, jekk ma tirbaħx il-kutura mifruxa li toħloq disugwaljanza li timpedixxi l-persuni b’diżabilità minn parteċipazzjoni attiva fil-ħajja ta’ kuljum.”

“F’dawn l-aħħar snin saru u tmexxew il-quddiem inizzjattivi ta’ inklussività, imma dan mhux biżżejjed għax il-preġudizzji, barra l-barrieri fiżiċi, joħolqu anke limiti ta’ aċċess għall-edukazzjoni għal kulħadd, għax-xogħol u parteċipazzjoni. Biex persuna b’diżabilità tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħha għandha bżonn mhux biss teżisti imma li tħoss appartenenza għal komunità.”

“Inħeġġeġ lil dawk kollha li jaħdmu mal-persuni b’diżabilità biex ikomplu b’dan is-servizz u mpenn importanti li juri l-kejl taċ-ċiviltà ta’ nazzjon. U jien nitlob li kull persuna tħoss il-ħarsa paterna ta’ Alla li jafferma d-dinjità sħiħa u l-valur inkundizzjonzat tal-ħajja tiegħu.”

Mill-Belt tal-Vatikan.  Illum, it-3 ta’ Diċembru 2019

Franġisku

“Il-Presepju tan-Nannu” fl-Istitut Kattoliku b’risq Id-Dar tal-Providenza

“Il-Presepju tan-Nannu”, play marbuta ma’ żmien il-Milied, saret fl-Istitut Kattoliku, fil-Furjana nhar is-Sibt, 30 ta’ Novembru u l-Ħadd, l-1 ta’ Diċembru 2019 b’risq id-Dar tal-Providenza. Bħal fis-snin l-imgħoddijja, kien hemm inklużjoni bejn persuni b’diżabilità residenti tad-Dar u atturi oħra, uħud minnhom stabbiliti fix-xena lokali.

B’kollox ħadu sehem madwar erbgħin ruħ inklużi r-residenti.