Wirja tal-Ġimgħa l-Kbira

Din is-sena l-wirja li ssoltu ssir fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi, marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa, mhix se tkun miftuħa għall-pubbliku minħabba l-pandemija COVID-19, iżda nħass li jkun xieraq li tintrama xorta waħda biex igawduha r-residenti. Din saret bis-sehem tal-Ability Promoters u r-residenti tad-Dar stess waqt sessjonijiet kulturali li jsiru apposta għalihom.

Titħassar il-Maratona tal-Volleyball b’risq Id-Dar tal-Providenza

Minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u għal raġunijiet tas-saħħa pubblika fid-dawl tal-miżuri mħabbra mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, Il-kumitat organizziv ħass il-ħtieġa li jħassar il-Maratona tal-Volleyball li kienet ippjanata li ssir fit-3, l-4 u l-5 ta’ Lulju ta’ din is-sena. Il-Maratona ssir bl-involviment ta’ bosta players tal-volleyball, uffiċċjali u voluntiera li s-saħħa tagħhom u tal-familjari tagħhom kif ukoll dik tar-residenti hija prijorità għad-Dar tal-Providenza.

Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, jirringrazzja lil dawn kollha għall-impenn tagħhom u jitlobhom isegwu d-direttivi tal-Awtorijiet tas-Saħħa kull ħin u kull mument.

Inawgurat proġett infrastrutturali ġdid tat-Teknoloġija Informatika fid-Dar tal-Providenza

Il-President ta’ Malta, Dr George Vella, dalgħodu inawgura proġett infrastrutturali tat-Teknoloġija tal-Informatika tal-għola livell fid-Dar tal-Providenza. Il-Proġett sar b’investiment ta’ €100,000, għaxar kilometri ta’ cable, ‘l fuq minn elfejn siegħa ta’ volontarjat, aktar minn erba’ mitt point, tagħmir ta’ networking u madwar sittin punt ta’ aċċess għall-WiFi. Sar xoghol estensiv ta’ networking fejn inbidlet l-infrastruttura kollha tal-ICT fil-ħdax-il blokk li hemm fid-Dar u gie introdott WiFi fl-inħawi kollha tal-kumpless tas-Siġġiewi.

Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, qal li bis-saħħa tal-għajnuna mogħtija mill-MITA Cares, id-Dar se tibda tgawdi minn dan proġett tat-Teknoloġija tal-Informatika li l-benefiċċjarji l-ewwel u qabel kollox se jkunu r-residenti li jużaw jew li se jkunu qed jużaw is-servizzi residenzjali fiż-żmien li ġej. Infrastuttura tajba u aġġornata tfisser mhux biss li x-xogħol amminstrattiv jista’ jkun aktar effiċjenti imma li din tista’ tkun ukoll ta’ benefiċċju għar-residenti, familjari u viżitaturi. Jibqa’ l-fatt li Organizzazzjoni mhux Governattiva (NGO) bħad-Dar tal-Providenza, li tiddependi fuq il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi, ħafna drabi ma tistax twettaq proġetti ta’ ċerta portata anke jekk ma tistax tgħaddi mingħajrhom mingħajr l-appoġġ professjonali u anke finanzjarju minn entitajiet governattivi, parastatali jew kummerċjali biex twettaq dan. “Illum”, tenna Fr Martin, “qegħdin ninawguraw twettiq ta’ ħolma li kellna imma li żgur li mingħajr il-MITA Cares ma setgħetx tkun irrealizzata.”

Fr Martin żied jgħid li meta l-MITA emmnet fl-importanza ta’ dan il-proġett kienet qed turi li temmen f’dak li tesiġi l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, li tagħha Malta hija firmatarju, jiġifieri li l-Istati Membri jridu jippromwovu aċċess lill-persuni b’diżabilita’ għal teknoloġiji u sistemi ġodda ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inkluż l-internet.

Illum id-dinja tal-Informatika fetħet dinja ta’ opportunitajiet kbar lill-persuni b’diżabilità biex itejjbu l-edukazzjoni tagħhom, għarfien akbar tad-dinja ta’ madwarhom, l-inklużjoni, ħbiberiji kif ukoll biex jaħtfu opportunitajiet ta’ xogħol li jistgħu jinqalgħu.

Fr Martin irringrazzja lill-Gvern, rappreżentat mis-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo, ta’ din l-għajnuna li ngħatat mill-MITA għat-twettiq ta’ dan il-proġett li sar b’investiment hekk qawwi u bil-ħidma tal-ħaddiema kollha tagħhom li ħadmu b’qalb kbira, bi professjonalità kbira u anke b’mod volontarju fuq dan il-proġett. Huwa temm billi irringrazzja lill-President, Dr George Vella għall-preżenza tiegħu u li aċċetta li jinawgura proġett ieħor li l-MITA Cares qed tagħmel b’qalb soċjali.

Kelliema oħra kienu s-Sur Wayne Valentine, Project Coordinator, is-Sur Tony Sultana, Ċermen Eżekuttiv tal-MITA, Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo u l-President, Dr George Vella li għamel id-diskors tal-għeluq.

Il-Friends of Providence House NSW jiġbru $14,500AUD b’risq Id-Dar tal-Providenza

Il-Friends of Providence House NSW (FOPH) ġabru $14,500AUD b’risq Id-Dar tal-Providenza waqt il-verżjoni Awstraljana tal-‘Festa ta’ Ġenerożità’ li saret fi Blacktownn ix-xahar li għadda.
Bosta xhur ta’ ħidma sfieqa wasslu għall-kunċert li għaqqad il-ġbir ta’ flus mal-varjetà u li sar fil-La Vallette Social Centre fi Blacktown nhar il-Ħadd, 23 ta’ Frar 2020. Is-somma li nġabret issa tiġi ppreżentata lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, fil-bidu tal-Maratona tal-Volleyball li se ssir bejn it-3 u l-5 ta’ Lulju li ġej fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi.
Mistiedna speċjali għall-kunċert kienu Ms Antoinette Caruana, Presidenta tal-La Valletta Social Centre u l-isponsor ewlieni tal-FOPH, is-Sur George Vella ta’ Breakaway Travel Blacktown flimkien ma’ rappreżentanti oħra tal-komunità Maltija f’Sydney.
Dan kien ir-raba’ kunċert għall-ġbir ta’ flus u l-Friends of Providence House NSW huma grati ħafna lejn il-La Vallette Social Centre li pprovda s-sala. Bħas-soltu, il-kunċert kien organizzat tajjeb ħafna mimli b’ varjetà u ma naqsux l-attivitajiet għall-ġbir ta’ flus. Grazzi mill-qalb tmur lejn dawk li taw sehemhom professjonalment mingħajr interessi għad-divertiment ta’ dawk li attendew.
Is-segretarja tal-Friends of Providence House NSW, Ms Marisa Previtera, xtaqet turi l-apprezzament tal-FOPH u tirringrazzja mill-qalb lil dawk li attendew kif ukoll l-isponsors kollha speċjalment Breakaway Travel Blacktown, l-Australian-Maltese Chamber of Commerce, Minchinberry Fruit Market, Zammit Ham & Bacon Curers, Limestone Café ta’ Schofields u Sunnys Confectioneries. Grazzi wkoll għall-appoġġ kontinwu tagħhom lill-‘Leħen il-Maltin tal-Awstralja’ u l-istazzjonijiet tar-radju tal-komunità 2GLF u WOW FM.
(Rapport ta’ Marisa Previtera)

Ir-residenti tad-Dar tal-Providenza jifirħu bil-Karnival

Kull sena r-residenti tad-Dar tal-Providenza, bl-għajnuna tal-Ability Promoters u s-support staff, jiċċelebraw il-karnival bil-kbir u din is-sena ma għamlu xejn inqas. Is-sala San Pawl kienet iddekorata kif jixraq biex tinħoloq atmosfera ta’ festa bil-kuluri, kostumi kkuluriti, daqq u żfin. Mistieden speċjali kien il-kantant magħruf Freddie Portelli li kompla jżid fil-briju.

Lidl Malta tagħti żewġ kċejjen lid-Dar tal-Providenza

Lidl Malta installat żewġ kċejjen fi djar fil-komunità li jagħmlu parti mid-Dar tal-Providenza. Il-kċejjen, ġodda fjamanti, ġew installati f’Dar Pirotta f’Birkirkara, fejn jgħixu disa’ persuni b’diżabilità li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn it-22 u l-40 sena. It-tieni dar hija residenza ġdida li ma ddumx biex tinfetaħ fil-Balluta.

Il-kumpanija, li għandha diversi supermarkets f’Malta u Għawdex, qalet li kull sena tiżviluppa pjan fuq medda ta’ tnax-il xahar biex taħdem ma’ diversi karitajiet u NGOs u s-sena l-oħra Id-Dar tal-Providenza kienet waħda minnhom.

Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza irringrazzja lil Lidl għall-għajnuna tagħhom li finanzjarjament tammonta għal aktar minn €7,000.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis iżur Id-Dar tal-Providenza

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità, l-Onor. Silvio Parnis għamel l-ewwel żjara tieghu fid-Dar tal-Providenza minn mindu ingħata l-ħatra f’Jannar li għadda. Huwa ġie milqugħ minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar.

Is-Sur Parnis kellu taħdidiet ma’ Fr Martin, Ms Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar, Ms Remona Cuschieri, Services Coordinator u Ms Margaret Vella, Senior Physiotherapist.

Matul iż-żjara tiegħu huwa kellu l-opportunità jsir jaf aktar dwar il-ħidma tad-Dar tal-Providenza. Huwa ltaqa’ ma’ xi residenti kif ukoll ma’ diversi impjegati. Waqt din iż-żjara ra l-wirja fotografika li hemm fil-mużew iddedikat lil Dun Mikiel Azzopardi, il-Fundatur tad-Dar, il-kappella, il-pixxina terapewtika, il-kċina, il-laundry u l-workshop tal-maintenance.

L-Azzjoni Kattolika Maltija tfakkar id-90 sena mit-twaqqif tagħha

Id-Dar tal-Providenza tixtieq tifraħ lill-Azzjoni Kattolika Maltija fl-okkażjoni ta’ għeluq id-90 sena mit-twaqqif tagħha u tawguralha aktar ħidma fis-snin li ġejjin. L-Azzjoni Kattolika Maltija tul dawn is-snin tat kontribut imprezzabbli b’mod speċjali fil-formazzjoni spiritwali u umana tal-membri tagħha minn kull qasam tas-soċjetà, fl-impenn soċjali u fl-evanġelizazzjoni.
L-Azzjoni Kattolika għandha rabta diretta u inseparabbli mad-Dar tal-Providenza għax kien Dun Mikiel Azzopardi, l-Assistent Ekkleżjastiku tagħha li bl-approvazzjoni tagħha waqqaf id-Dar tal-Providenza fil-post li l-Azzjoni Kattolika kienet akkwistat b’ċens minn għand l-Ammiraljat lura fl-1962.
Id-Dar tal-Providenza tawgura li dan l-anniversarju jkun mument sabiħ ta’ apprezzament mis-soċjetà Maltija għall-ħidma kbira li wettqet l-Azzjoni Kattolika Maltija tul is-snin kif ukoll okkażjoni biex l-istess organizzazzjoni tkompli ssaħħaħ l-impenn fost iż-żgħażagħ u l-adulti biex ikunu melħ li jagħti t-togħma u d-dawl li jdawwal lis-soċjetà tal-llum bil-ħajja u l-impenn nisrani tagħhom.
Inħeġġu lil kull min jista’ jingħaqad mal-Azzjoni Kattolika Maltija għal quddiesa ta’ ringrazzjament immexxija mill-E.T. Mons Joseph Galea-Curmi li ser issir fil-Knisja Arċipretali ta’ San Bastjan, Ħal Qormi nhar il-Ħadd, 16 ta’ Frar fl-4.00pm.

Il-Kap Eżekuttiv il-ġdida ta’ Aġenzija Sapport iżżur Dar Shalom fiż-Żurrieq

Is-Sinjura Ruth Sciberras, Kap Eżekuttiv il-ġdida ta’ Aġenzija Sapport għamlet żjara ta’ kotesija lir-residenti li jgħixu f’Shalom fiż-Żurrieq, waħda mid-djar tagħna fil-komunita’. Jilqgħu lis-Sinjura Sciberras kien hemm ir-residenti tad-Dar, id-Direttur Fr Martin Micallef, l-Amministratur, Ms Nadine Camilleri Cassano, il-koordinatur tas-servizzi, Ms Remona Cuschieri u żewġ ħaddiema tad-dar.

Is-Sinjura Sciberras għandha esperjenza twila fil-qasam soċjali, hekk kif, bħala social worker professjonali, ilha taħdem f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 22 sena. Kemm kienet ilha fl-Aġenzija Appoġġ, is-Sinjura Sciberras ħadmet f’diversi oqsma ta’ din l-aġenzija, b’xogħol mat-tfal, żgħażagħ, u l-familji tagħhom. Is-Sinjura Sciberras hija wkoll Chairperson tal-Kumitat għat-Trobbija Pożittiva.

‘Shalom’ ġiet inawgurata fit-8 ta’ April 2016, minn Dr Justyne Caruana, Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anżjanità Attiva. F’din id-dar jgħixu ħames persuni b’diżabilita’ intellettwali.

Id-Dar tal-Providenza tfakkar lill-Kardinal Prospero Grech OSA

Id-Dar tal-Providenza fakkret il-memorja tal-Kardinal Prospero Grech f’għeluq ix-xahar mill-mewt tiegħu permezz ta’ quddiesa li saret fil-kappella tad-Dar u li għaliha attendew ukoll il-qraba tal-Kardinal flimkien mar-residenti. Il-quddiesa kienet konċelebrata minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza u Fr Lino Cardona SJ.

Għall-okkażjoni, Mons Arċisqof Alfred Xuereb, Nunzju Appostoliku għall-Korea u l-Mongolja, li kien jaf mill-qrib lill-Kardinal, intalab jagħmel messaġġ qasir biex jinqara waqt is-sagrifiċċju tal-quddiesa għal ruħu. Mons. Xuereb qal hekk: “Dan jagħtini okkażjoni tajba sabiex, minkejja l-bogħod li jifridna, ningħaqad magħkom spiritwalment ħalli noffri talb ta’ sagrifiċċju għal ruħu u fl-istess waqt nagħti l-aħħar tislima lil persuna speċjali li għamlet ġieħ lill-Knisja ta’ Kristu u lill-Art Twelidna”.

“Nibqa’ ngħożż bħal teżor il-konoxxenza li għamilt tiegħu bħala reliġjuż ferrieħi, li għażel li jħalli kollox warajh biex jimxi wara Ġesù. L-umoriżmu raffinat tiegħu kien xhieda ċara tal-għaqda li żamm ma’ Alla u tal-fedeltà għall-wegħdiet li għamel meta daħal fl-Ordni Agostinjan.”

“Ibbenefikaw eluf ta’ studenti li segwew il-korsijiet tiegħu, u magħhom dawk kollha li studjaw fuq il-kitbiet mimlija għerf li ppublika tul il-kariga akkademika tiegħu. Ibbenefikaw il-patrijiet sħabu li magħhom kien jgħix fil-komunità f’Ruma bil-pariri għaqlin u l-manjieri ħelwa tiegħu. Ibbenefikaw il-parruċċani ta’ Sant’Anna bil-meditazzjonijiet sbieħ li kien joffri fiż-żmien tar-Randan. Ibbenefikaw bil-bosta s-Santa Sede bil-kollaborazzjoni siewja li offra bħal konsultur tal-Kongregazzjoni tal-Fidi. Ibbenefikaw ukoll l-Istitut Patristiku “Agostinianum” u l-Kummissjoni Pontifiċja Bibblika li tagħhom kien membru attiv. Ibbenefikaw l-Kulleġġ tal-Kardinali li sar jagħmel parti minnu meta l-Papa Benedittu XVI ħatru Kardinal fi Frar 2012 u b’mod partikolari meta ġie mitlub joffri l-meditazzjoni fil-ftuħ tal-aħħar konklavi f’Marzu tal-2013. Ibbenefikaw dawk kollha li kellhom ix-xorti jsiru jafuh u se jkomplu jibbenefikaw dawk kollha li jibqghu jiftakruh.”

Mons. Xuereb temm jgħid fil-messaġġ tiegħu: “Meta l-Mulej sejjaħlu biex jagħtiħ il-premju mistħoqq, qalbna mtliet bid-dieqa għax tlifna ħabib li kien għaniena bil-kwalitajiet sbieħ tiegħu. Nistħajlu qed jittawwal mis-Sema lejn il-poplu ta’ Malta u ta’ Għawdex, u jħeġġeġ lilna llkoll biex nagħmlu l-qalb għax issa nistgħu nibbenefikaw mit-talb ta’ interċessjoni tiegħu lil Alla biex inżommu sħaħ fil-fidi u nibgħu poplu magħqud fl-imħabba tal-aħwa.”

Il-Kardinal Prospero Grech miet fit-30 ta’ Diċembru, wara li lejlet il-Milied għalaq 94 sena. Bħal ommu Amelia u missieru Vincent, li kienu benefatturi tad-Dar, huwa kellu ħafna għal qalbu lid-Dar tas-Siġġiewi u għamel żewġ żjarat kemm kien ilu Kardinal.