Craft & Coffee b’risq id-Dar tal-Providenza

Il-grupp Craft & Coffee for Charity użaw it-talent tagħhom biex jagħmlu donazzjoni lid-Dar tal-Providenza. Huma ppreżentaw lid-Dar tas-Siġġiewi għadd mhux ħażin ta’ oġġetti mill-isbaħ maħdumin kollha bl-idejn li issa jistgħu jinbiegħu fil-bazaar tad-Dar.
Grazzi għall-grupp Craft & Coffee for Charity tistgħu taraw b’għajnejkom dawn l-oġġetti kkuluriti li jolqtu l-għajn billi żżuru l-bazaar li hu miftuħ kull nhar ta’ Tlieta bejn it-8:00am u nofsinhar.

Tislima lil John Paris, voluntier tad-Dar tal-Providenza

Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja għażiża tas-Sur John Paris wieħed mill-voluntiera tagħna li nhar it-Tnejn 24 ta’ Awwissu 2020, il-Mulej sejjaħlu għal għandu fis-sema.

John, flimkien ma’ martu Ġemma. ilhom jiġu jagħmlu xogħol volontarju fid-Dar tal-Providenza sa mis-sena 2012. L-appuntament tagħhom ta’ darbtejn jew tliet darbiet fil-ġimgħa ma jitilfuħx.

John kien jagħmel xogħol volontarju fis-sezzjoni tal-manutenzjoni tad-Dar tal-Providenza. Kif xi ħadd jitlob l-għajnuna għal xi tiswijiet tara lil John ġej bil-kaxxa tal-għodda u b’dik it-tbissima fuq wiċċu biex jara x’hemm bżonn isir.

Meta jkun hemm xi attivita’ kbira jew ħarġa mar-residenti, John u martu Ġemma dejjem issibhom hemm biex jagħtu daqqa t’id f’dak kollu li jkun hemm bżonn. Għal dawn l-aħħar snin fuq inizzjattiva tagħhom bdew jorganizzaw b’mod regolari ħarġa ta’ ġurnata għar-residenti fil-post li għandhom l-iscouts fil-bajja tar-Rinella.

Meta kont titkellem ma’ John tinduna kemm kellu għal qalbu d-Dar tal-Providenza u kemm dan ix-xogħol volontarju kien jagħmlu minn qalbu b’ġenerożità kbira mingħajr ħafna daqq ta’ trombi. Għal John id-Dar tal-Providenza kienet it-tieni familja.

Is-sena l-oħra John flimkien ma’ martu Ġemma kienu nominati għall-Premju Anzjanità Attiva.

Id-dettalji tal-funeral jitħabbru aktar tard.

Grazzi John.

Agħtiħ O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem…

Jinġabru €5,730 b’risq Id-Dar tal-Providenza

Is-somma ta’ €5,730 inġabret mis-sinjuri Pierre Vella Petroni u Anne Marie Xuereb b’risq Id-Dar tal-Providenza. Kull sena, għal dawn l-aħħar seba’ snin, Pierre u Anne Marie organizzaw BBQ għall-ħbieb ta’ Pierre Vella Petroni li d-dħul minnu kien imur kollu għad-Dar. Din is-sena minħabba l-pandemija tal-COVID-19 il-BBQ ma setghax isir imma minflok saret is-solita ġabra ta’ fondi b’risq id-Dar.
Is-somma ta’ €5,730 ġiet ippreżentata minn Pierre Vella Petroni u Anne Marie Xuereb lil Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar tal-Providenza, li f’isem id-Direttur, Fr Martin Micallef, li jinsab indispost, ir-residenti u l-Amministrazzjoni tad-Dar irringrazzjat lil dawk kollha li għamlu donazzjoni.

Aktar minn €560,000 f’fondi għad-Dar tal-Providenza

L-għaqda volontarja Dar tal-Providenza se tgawdi minn għotja ta’ aktar minn €560,000 f’fondi mill-Operational Assistance Scheme. Din l-iskema kienet imħabbra f’Ġunju bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li ħabbar il-gvern.

Din l-għotja se tgħin lid-Dar tal-Providenza sabiex ittaffi l-ispejjeż tagħha marbutin mal-pagi tal-ħaddiema u anke tikkumpensa għan-nuqqas ta’ donazzjonijiet li rċeviet fl-isfond tal-pandemija tal-COVID-19.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima qal li l-gvern qed juri biċ-ċar kemm l-għaqdiet volontarji huma importanti għall-pajjiż. Huwa qal li permezz tad-diversi inizjattivi li l-għaqdiet volontarji jieħdu, dawn jagħtu kontribut lis-soċjetà Maltija.

“Illum il-ġurnata, għandna diversi għaqdiet li jimpjegaw magħhom nies li huma speċjalizzati f’diversi oqsma, xogħol li jikkumplimenta dak li qed jagħmel il-gvern fis-settur soċjali. B’hekk, l-ispiża rikurrenti tagħhom hija konsiderevoli. Għalhekk, permezz ta’ din l-għotja se ngħinu lil din l-għaqda sabiex tkompli topera,” saħaq is-Segretarju Parlamentari.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li din l-iskema hija l-akbar investiment dirett li qatt sar fis-settur volontarjat.
Iċ-Ċermen tal-Kunsill Malti għall-Volontarjat Noel Camilleri tenna, “B’ħidma tal-kunsill kif ukoll b’intervent waqtu tas-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, ġew maħruġa fondi propju biex jassistu lil impjegati li jaħdmu fis-settur tal-volontarjat.”

L-amministratur tad-Dar Tal-Providenza Nadine Camilleri Cassano spjegat li l-pandemija fissret li d-Dar tal-Providenza żiedet fl-ispejjeż sabiex tkun tista’ tissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà kemm tar-residenti kif ukoll tal-ħaddiema tagħha. Fl-istess ħin, il-pandemija wasslet għal tnaqqis fid-donazzjonijiet, b’mod partikolari dawk li kienu jiġu mill-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi li kienu jsiru kemm mid-Dar kif ukoll minn organizazzjonijiet oħra. Hija spjegat li, minkejja dan, id-Dar rat li jkun assigurat li s-servizz mogħti jkun tal-ogħla livell biex ir-residenti tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi u dawk fid-djar tagħha fil-komunità jgħixu fid-dinjità li jixirqilhom.

Min-naħa tiegħu, Jesmond Saliba rringrazzja lis-Sur Mauro Pace Parascandalo, lis-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, u lil dawk kollha li kienu magħna f’dan il-mument u li kienu strumentali biex dan il-jum isir realtà, fi żmien meta għal darb’oħra, fid-dawl tar-riskji u ż-żieda ta’ każijiet tal-pandemija, kellhom jiġu sospiżi attivitajiet ta’ fundraising li kienu qed jiġu ppjanati.

Dan il-fond huwa amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat bil-għan li jassigura l-eżistenza ta’ dawn l-għaqdiet u jagħti nifs ta’ ħajja lil dawn l-għaqdiet li jagħmlu xogħol imprezzabli, xogħol li ġie affetwat negattiv li illimita kif joperaw u jiġġeneraw id-dħul tagħhom l-għaqdiet.

Evolve by RS Group jagħtu kwantità ta’ ikel lid-Dar tal-Providenza

Kwantità ta’ ikel li tlesta għaċ-ċelebrazzjoni tal-10 Anniversarju ta’ Evolve by RS Group ingħatat kollha lid-Dar tal-Providenza wara li festin kellu jitħassar minħabba ż-żieda fil-każi ta’ nfezzzjonijiet bil-COVID-19. Il-kumpanija ħasset li dan ma kienx il-mument opportun għal ċelebrazzjonijiet u ddeċidiet li tħassar l-attività biex ħadd ma jitpoġġa f’riskju u l-ikel imur kollu lid-Dar tas-Siġġiewi.

Din mhix l-ewwel darba li Evolve by RS Group għamlu għotjiet lil diversi kawżi, fosthom kotba edukattivi lil istituti tat-tfal bi bżonnijiet speċjali, żebgħa u gypsum u għadd ta’ prodotti oħra fejn kienu qed jinbnew djar jew ċentri għal bżonnijiet speċjali. Kull sena jingħataw ukoll flus għal diversi kawżi ġusti.

Fil-ħin li d-Diretturi tal-Evolve by RS Group u mpjegati tal-kumpanija kienu fid-Dar tal-Providenza jagħtu daqqa t’id fit-tqassim tal-ikel, Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar, sabet ħin iddawwarhom mar-residenza u uriethom il-kċina fejn mitt ikla jiġu ippreparati darbtejn kull jum għar-residenti u carers tagħhom. Id-Dar tal-Providenza tiddependi ħafna fuq donazzjonijiet u kull min jixtieq jgħin finanzjarjament lid-Dar speċjalment f’dan iż-żmien delikat tal-pandemija COVID-19 jista’ jagħmel dan permezz tas-sit www.sabihlitaghti.org.

Evolve by RS Group hija kumpanija li tispeċjalizza fl-importazzjoni u stallazzjoni ta’ materjal li jintuża fi proġetti ta djar u oqsma ndustrijali. www.evolve.com.mt

Steward Health Care US jagħtu 50,000 maskra lid-Dar tal-Providenza

MiIl-Kwartieri Ġenerali ta’ Steward Health Care fl-Istati Uniti saret għotja ta’ aktar minn 50,000 maskra tal-wiċċ lid-Dar tal-Providenza bħala appoġġ għall-isforzi li qed tagħmel id-Dar għas-saħħa u s-sigurtà tar-residenti u l-ħaddiema tagħha.

Din kienet parti minn għotja akbar ta’ 100,000 maskra biex jintużaw fil-komunitajiet f’Malta u Ghawdex speċjalment minn nies vulnerabbli biex tgħinhom fil-prevenzjoni tat-tixrid tal-pandemija COVID-19.
L-għotja tal-maskri saret waqt attività li saret fl-uffiċini ta’ Steward Health Care Malta minn Dr Nadine Delicata, Direttur Esekuttiv u President tal-kumpanija.

Dr Delicata qalet li din l-għotja ta’ Steward US issaħħaħ l-importanza tal-messaġġ li, waqt li r-restrizzjonijiet tneħħew, kulħadd għandu jibqa’ viġilanti u josserva l-miżuri għas-saħħa pubblika fl-isforzi li qed isiru biex in-numru ta’ każi ta’ COVID-19 jinżamm baxx kemm jista’ jkun. Hija saħqet fuq l-impenn ta’ Steward’s lejn il-komunitajiet li taqdi.

Prezenti waqt l-attività kien hemm il-Ministru għal Ghawdex, l-Onor. Clint Camilleri, Ix-Chargé d’Affaires Amerikan, Mark Schapiro, Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Prof. Charmaine Gauci, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex John Borg u l-Amministratur tad-Dar tal-Providenza, Nadine Camilleri Cassano.

Aktar minn €17,000 miġbura waqt ikla minn Infinitely Xara b’risq Id-Dar tal-Providenza

€17,390 inġabru minn ikla b’risq Id-Dar tal-Providenza organizzata minn Infinitely Xara Co. Ltd tal-familja Zammit Tabona. F’dawn l-aħħar erba’ snin li ilha tiġi organizzata din l-ikla gastronomika inġabru ‘l fuq minn €98,000.

Din is-sena, għal din l-attività li saret nhar l-Erbgħa 15 ta’ Lulju, attendew aktar minn 80 ruħ mill-oqsma differenti tal-ħajja. L-ikla saret madwar il-pixxina tax-Xara Lodge, fl-isfond mill-isbaħ tal-Belt Medjevali tal-Imdina. Għal din l-esperjenza gastronomika kien hemm ukoll rappreżentati ta’ għadd ta’ kumpaniji stabbiliti, li kienu ġenerużi fl-għotjiet tagħhom lid-Dar tal-Providenza.
L-isponsors ewlenin għall-ilka kienu Seifert, The Point Shopping Mall, PwC, Francis J Vassallo, Malta International Airport u l-Bilom Group. Sponsors oħrajn kienu Marsovin, VJ Salomone, KRS Releasing, Farsons, Il-Qronfla, u General Soft Drinks.

Infinitely Xara taw ikla ta’ ħames korsi esklussivament imħejjija flimkien ma’ għażla ta’ nbejjed b’mużika jazz minn Russu u l-ħbieb li taw is-servizzi tagħhom mingħajr ħlas għal dil-kawża ġusta.

Sadanittant, il-Grupp ħabbru li se jkomplu jagħtu l-appoġġ taghħhom lid-Dar tal-Providenza. Nicola Paris, Direttur tal-kumpanija, qalet li “l-outlets kollha ta’ Infinitely Xara, jiġifieri il-Lukanda Xara Palace, ix-Xara Lodge Terrace li għadha kif infetħet għall-pubbliku, il-pixxina tax-Xara Lodge, ir-restorant de Mondion u t-Trattoria AD 1530 se jaċċttaw il-vawċers maħruġa mill-Gvern u 10% tal-valur tal-istess vawċers se jingħataw lid-Dar tal-Providenza.”

Hija żiedet tgħid li “l-pandemija tal-COVID-19 laqtet lil kulħadd f’għadd ta’ modi imma x’uħud, bħad-Dar tal-Providenza, intlaqtu aktar minn ħaddiehor u din hija r-raġuni għaliex iddeċidew li jibqgħu sejrin bl-organizzazzjoni ta’ din l-attività imma b’attendenza anqas mis-soltu. Kull naqra tgħin u tista’ tagħmel id-differenza.”

Nadine Camilleri Cassano, l-Amministratur tad-Dar tal-Providenza, irringrazzjat lill-familja Zammit Tabona għall-appoġġ kontinwu tagħhom tad-Dar. COVID-19 waslet għal sitwazzjoni fejn id-donazzjonijiet mill-pubbliku li huwa s-sors finanzjarju ewlieni tad-Dar nixfu għal kollox. L-appoġġ ta’ Infinitely Xara Co. Ltd. permezz ta’ din l-attività kif ukoll l-inizjattiva marbuta mal-vawċers hija apprezzata ħafna għax tgħin biex ittaffi l-ispejjeż regolari li jintefqu biex jipprovdu lir-residenti servizz professjonali ispirat mid-dinjità.

Tmiem il-Ħidma tas-Sorijiet tal-Karità

Xahar qabel Dun Mikiel Azzopardi fetaħ il-bibien tad-Dar tal-Providenza fl-1968, eżattament fit-12 ta’ Jannar, għadd ta’ sorijiet tal-Karità ta’ Santa Giovanna Antida Thouret bdew jgħixu bħala komunità fid-Dar stess biex jgħinu lill-fundatur f’din il-ħidma ġdida. Dawn kienu l-ewwel support workers tad-Dar mgħejjuna minn għadd ta’ voluntiera w aktar il-quddiem minn ħaddiema li ġew impjegati apposta.
L-ewwel tliet residenti fid-Dar tal-Providenza daħlu fil-11 ta’ Frar 1968. Kollha sabu darhom f’Villa Monsinjur Gonzi li allura kienet għadha kif ġiet irranġata.
Minn dak iż-żmien sa llum is-Sorijiet tal-Karità offrew is-servizzi professjonali tagħhom b’ħafna mħabba, dedikazzjoni u ġenerożità. Fl-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena, Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna ħabbar uffiċċjalment li l-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Karità f’Malta iddeċidiet kontra qalbha li din is-sena is-sorijiet minħabba l-età kellhom itemmu l-ħidma tagħhom fid-Dar tal-Providenza. Id-data uffiċċjali hija l-15 ta’ Lulju 2020.

Il-preżenza ta’ din il-komunità reliġjuża kienet rigal għar-residenti, il-ħaddiema u l-voluntiera tad-Dar. Huma kienu dejjem hemm għal kulħadd 24 siegħa kuljum. Bosta minhom taw ukoll servizz għal snin twal. Fil-fatt, Sr Gesuina Mangion ilha sservi fid-Dar għal dawn l-aħħar 41 sena, Sr Lorenza Borg għal dawn l-aħħar 13-il sena, Sr Bernarda Buhagiar u Sr Bertha Bezzina għal 20 sena sħaħ. Is-sens qawwi ta’ servizz jibqa’ ta’ eżempju kbir għal dawk kollha li jaħdmu fid-Dar tal-Providenza.
Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, qal li hu ċert li s-sens qawwi ta’ servizz jibqa’ ta’ eżempju kbir għalina lkoll li naħdmu f’din id-Dar. Huwa rringrazzja lis-sorijiet kollha li ħadmu fid-Dar tul is-snin u mhux l-inqas lil Sr Lorenza Borg, lil Sr Bernarda Buhagiar u lil Sr Gesuina Mangion li żgur se nimmissjawhom ħafna. Huwa awguralhom ukoll għall-ħidmiet differenti li se jkunu qed iwettqu fil-komunitajiet ġodda tagħhom.

Mons. Arċisqof jingħata r-Rapport ta’ Ħidma tad-Dar tal-Providenza għas-sena 2019

Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna ingħata kopja tar-Rapport ta’ Ħidma tad-Dar tal-Providenza għas-sena 2019. Is-Sinjura Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar, qalet li għalkemm ir-rapport kien isir kull sena, din hija l-ewwel darba li ġie stampat bil-Malti u b’verżjoni iqsar bl-Ingliż fi ktejjeb bil-kulur. Ir-rapport jelenka l-ħidma mwettqa fid-diversi oqsma tad-Dar fl-impenn tagħha li tkompli toffri servizz residenzjali tal-ogħla livell lill-persuni b’diżabilità li jkollhom bżonn dan is-servizz. Ir-rapport jista’ jiġi aċċessjat mit-taqsima tal-Pubblikazzjonijiet jew billi tikklikkja hawn.

F’diskors qasir l-Arċisqof Scicluna qal li d-Dar tal-Providenza f’dawn l-aħħar snin qed tagħlaq iċ-ċirku li nbeda 55 sena ilu meta Dun Mikiel, il-fundatur tad-Dar, beda jfittex il-persuni b’diżabilità li kienu jinħbew fil-kantini u fil-kmamar ta’ ġewwa biex ma jidhrux. Ġabarhom għall-kura u l-għożża fl-oasi magħrufa bħala d-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Fil-11 ta’ Frar 1997, inbeda l-proċess biex jingħalaq iċ-ċirku bil-ftuħ ta’ “Żerniq”, l-ewwel dar fil-komunità tas-Siġġiewi u tkompla bil-ftuħ ta’ “Akkwarell” fil-Qawra, “Dar Pirotta” f’Birkirkara, li nfetħet mill-Arċidjoċesi fl-2007 u għaddiet taħt ir-responsabbiltà tad-Dar fl-2014, “Shalom” fiż-Żurrieq u dar oħra fil-Balluta li waslet biex tinfetaħ ukoll. B’kollox fid-djar tad-Dar tal-Providenza jgħixu madwar 115-il persuna ta’ bejn it-tmien snin u ‘l fuq minn tmenin sena.
Mons. Arċisqof ħa l-okkażjoni biex jirringrazzja lis-Sorijiet tal-Karità li ilhom jgħixu fid- Dar u jagħtu s-servizzi tagħhom mill-bidu nett u li issa se jtemmu l-ħidma tagħhom. Il-preżenza ta’ din il-komunità reliġjuża kienet rigal għar-residenti, il-ħaddiema u l-voluntiera tad-Dar. Huma kienu dejjem hemm għal kulħadd 24 siegħa kuljum. Bosta minhom taw ukoll servizz għal snin twal. Mons. Arċisqof talabhom biex issa minflok missjoni ta’ servizz jibdew jagħmlu missjoni ta’ talb għad-Dar tal-Providenza fil-komunitajiet li se jkunu.

Fl-aħħarnett, Mons. Scicluna stieden lir-rappreżentanti tad-Dar li kienu preżenti biex jingħaqdu f’talba għal Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, li din il-ġimgħa beda l-kimoterapija fis-Sir Anthony Mamo Oncology Centre għall-fejqan mill-kancer li qed jitqies bħala wieħed kurabbli.
L-Arċisqof Scicluna laqa’ t-talba tal-Amministrazzjoni tad-Dar tal-Providenza biex fil-55 Anniversarju tagħha li jaħbat is-Sibt, 12 ta’ Settembru li ġej iqaddes quddiesa ta’ radd il-ħajr. Huwa ppjanat li din issir f’xandira diretta fuq it-televiżjoni u tkun marbuta ma’ programm ta’ ġbir ta’ fondi għad-Dar.

Sabiħ li tagħti: Id-Dar tal-Providenza tappella għall-għajnuna wara investiment sostanzjali biex tħares is-saħħa tal-ħaddiema u r-residenti waqt il-pandemija

Id-Dar tal-Providenza qed tniedi kampanja bl-isem ta’ “Sabiħ li tagħti” biex tiġbor fondi bl-għan li tkun tista’ tibqa’ tagħti s-servizzi professjonali lir-residenti tagħha. Dan hekk kif matul dawn l-aħħar xhur fejn pajjiżna ntlaqat mill-imxija tal-coronavirus, mhux biss naqsu drastikament id-donazzjonijiet li hi tiddependi fuqhom iżda żdiedu bil-qawwi l-ispejjeż biex titħares is-saħħa tal-ħaddiema u r-residenti.
L-amministratur tad-Dar Nadine Camilleri Cassano spjegat kif matul l-aħħar xhur fejn pajjiżna kien milqut mill-imxija tal-coronavirus, u bl-iskop li tkun imħarsa s-saħħa tar-residenti u l-ħaddiema, ittieħdu għadd ta’ miżuri skont il-protokolli maħruġ mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Id-Dar tal-Providenza investiet f’smartphones għad-djar u l-appartamenti tar-residenti biex kull grupp seta’ jżomm kuntatt mal-familjari u ħbieb waqt il-pandemija. Dan kien possibbli permezz tal-investiment qawwi li għamlu l-MITA fil-Wifi tad-Dar u li ġie inawgurat mill-President ta’ Malta. Barra minn hekk sar investiment ukoll f’sistemi teknoloġiċi biex ix-xogħol amministrattiv jkun jista’ jitwettaq b’mod ta’ teleworking.
Sar ukoll investiment sostanzjali f’tagħmir protettiv (PPE) għall-istaff li jaħdem f’kuntatt mar-residenti, kif ukoll maskri, termormetri u diżinfettanti. Kien hemm żieda fil-frekwenza tat-tindif u d-diżinfettar fil-postijiet li jintużaw l-aktar ta’ spiss mir-residenti u l-ħaddiema. Barra minn hekk ġie provdut trasport sigur għal ħaddiema li ma jsqux u ngħata programm ta’ taħriġ lill-infermiera residenti fid-Dar.
Camilleri Cassano spjegat ukoll kif dan il-perjodu fisser ukoll li r-residenti kienu konfinati fl-appartamenti u d-djar tagħhom għax il-ħruġ kien eliminat għal kollox. It-tim tal-Ability Promoters, immexxi minn Margaret Vella, ħoloq diversi attivitajiet biex iferrħu r-residenti. Dawn kienu jinkludu street music darbtejn fil-ġimgħa, u sessjonijiet ta’ crafts. Flimkien mal-carers, kienu ukoll joħorġu lir-residenti fil-ġonna tad-Dar.
“Minkejja d-diffikultajiet, ħdimna u rajna li nimplimentaw dak kollu li kellu jsir biex nipproteġu s-saħħa tar-residenti bl-aħjar mod biex ir-residenti tad-Dar jibqgħu jkollhom kwalità ta’ ħajja tajba u ambjent li jirrispetta id-dinjità tagħhom. Dan kollu fisser investiment ta’ iktar minn €60,000.”
Manwel Zammit Membru tal-Bord tad-Diretturi tad-Dar tal-Providenza kompla jispjega kif dan fisser sfida doppja għat-tmexxija tad-dar li mhux biss kellha tidħol fi spejjeż akbar iżda dan seħħ f’perjodu meta d-dħul naqas drastikament. Fakkar kif f’ċirkostanzi normali, kieku waslet biex titnieda l-maratona tal-volleyball b’riżq id-Dar tal-Providenza, maratona li waħedha normalment tirrendi man-nofs miljun ewro.
Huwa spjega wkol li “kellna wkoll nwaqqfu l-operat tal-uffiċċju li għandna fil-Belt Valletta, u anke naqsu drastikament id-donazzjonijiet li kienu jsiru minn nies li regolarment iżuru d-dar biex jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom.” Dan kollu fisser pressjoni qawwija fuq ir-riżorsi tar-Residenza.
Madankollu, huwa esprima l-apprezzament tiegħu għas-sens ta’ solidarjetà muri minn diversi organizzazzjonijiet u entitajiet kummerċjali li raw kif jgħinu lid-dar, fosthom donazzjonijiet miġbura minn Malta Together, il-kumpanija Bad Boys li pprovdiet ħaddiema biex jgħinu fit-tindif, il-Corinthia Group of Companies u Norwex Limited, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u r-Rotary Club għad-donazzjonijiet ta’ maskri, kif ukoll il-kumpanija Bitmac għal xogħol ta’ tarmak u għall-kċejjen fir-residenza fil-Balluta u Dar Pirotta.
Jesmond Saliba, Membru tal-Bord tad-Diretturi tad-Dar tal-Providenza tkellem dwar l-isfidi ta’ dawn l-aħħar xhur fejn barra l-aspett finanzjarju, kellhom jitwaqqfu ż-żjarat kollha tal-familjari lir-residenti. Madankollu, huwa fakkar kif is-servizz professjonali li jingħata fid-Dar jiddependi għal kollox, għajr xi eċċezzjonijiet żgħar, fuq id-donazzjonijiet tal-poplu Malti.
Għal dan il-għan, huwa ħabbar li ser titnieda l-inizjattiva Sabiħ Li Tagħti, li tmur lil hinn mill-Maratona tal-Volleyball, imma li ser tkun il-kappa li taħtha ser ikunu qegħdin jinħabru l-isforzi kollha ta’ ġbir ta’ fondi tul ix-xhur li ġejjin, bil-għan li d-Dar tinżamm ħajja.
Persuna tista tagħmel donazzjoni b’modi varji fuq www.sabihlitaghti.org
Huwa fakkar kif id-Dar teħtieġ aktar minn 5 miljun ewro fis-sena biex tkopri s-servizzi li tagħti u li dan jiddependi mill-ġenerożita tal-poplu Malti.
Saliba temm l-intervent tiegħu b’aħbar xejn feliċi hekk kif ħabbar li Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza se jkun qed jieqaf għall-perjodu indefinit mir-responsabbiltajiet tiegħu biex jingħata l-kura għall-kanċer li jitfejjaq.
“Fr Martin se jkun qed jibda maratona differenti u aktar iebsa. Huwa żmien diffiċli għalina li naħdmu miegħu u għall-familja ta’ Fr Martin, kif ukoll il-familja ta’ din id-Dar. Ix-xogħol tad-Dar ser jibqa għaddej bl-aħjar mod kif dejjem kien mill-Management, minn dawk li jservu fil-Bord tad-Diretturi u mill-ħaddiema kollha tad-Dar.”
Huwa talab biex il-pubbliku jagħti donazzjoni li mhux biss tgħin lir-residenti tad-dar iżda li tkun rigal għal Fr Martin biex sas-sena d-dieħla jkun jista’ jkompli fil-missjoni tiegħu hemmhekk.
Il-Professur Charmaine Gauci, Supretendent tas-Saħħa Pubblika ltaqgħet u tkellmet ma’ bosta ħaddiema tad-Dar u rringrazzjathom tal-impenn u d-dedikazzjoni li wrew matul il-perjodu tal-pandemija. Hi rringrazzjat ukoll lill-amministrazzjoni tad-Dar għall-miżuri li ħadu biex jiżguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u r-residenti.