Residenti tad-Dar tal-Providenza f’pellegrinaġġ tal-morda f’Lourdes

Grupp ta’ mija u disgħin pellegrini Maltin ħadu sehem fil-pellegrinaġġ ta’ kull sena għal Lourdes organizzat mill-Assoċjazzjoni Voluntarji Lourdes (AVL). Il-pellegrinaġġ li tmexxa minn Fr Josè Debono sar bejn it-22 u s-27 ta’ Awwissu 2019. Jagħmlu parti mill-grupp kien hemm tliet residenti flimkien ma’ Sr Lorenza Borg u s-support workers tagħhom.

Minbarra l-pazjenti, il-grupp kien magħmul fost oħrajn minn voluntiera fosthom żgħażagħ, tobba, infermiera, support workers u saċerdoti. Kull pazjent kellu wieħed jew żewġ support workers miegħu skont l-esiġenzi tal-każ. Kien hemm ukoll tobba u nfermiera mir-Renal Unit fl-Isptar ta’ Mater Dei li raw li pazjenti setgħu ikollhom trattament tad-Dialysis kemm damu f’Lourdes.

Il-grupp ħa sehem fil-purċissjoni Aux Flambeaux, fil-Via Sagra kif ukoll fil-quddiesa internazzjonali li kienet iċċelebrata l-Ħadd. Huma kellhom ukoll quddiesa bil-Malti fil-grotta stess.

Kull sena, l-Assoċjazzjoni tgħin persuni morda biex jagħmlu l-vjaġġ minn Malta għall-grotta tal-Madonna ta’ Lourdes, fejn dehret għall-ewwel darba lil Bernardette Soubirous fil-11 ta’ Frar tal-1858. L-Assoċjazzjoni tippromwovi d-devozzjoni universali lejn il-Madonna, torganizza u tikkordina pellegrinaġġi f’Lourdes għall-morda. Iġġib ukoll flimkien persuni dedikati u ispirati mill-karità biex ikunu voluntiera biex jgħinu il-morda matul il-pellegrinaġġi.

Residenti tad-Dar tal-Providenza jieħdu sehem fil-“Festa Għeneb” fis-Siġġiewi

Grupp ta’ residenti tad-Dar tal-Providenza ħadu sehem f’”Festa Għeneb” organizzata mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fil-pjazza ewlenija tar-raħal nhar il-Ħadd, 25 ta’ Awwissu 2019. Huma, flimkien mal-carers u Ability Promoters, tellgħu stand fejn setgħu jesibixxu u jbiegħu prodotti tal-ikel li jħejju huma stess fiċ-Ċentru Agrikolu San Isidor. ‘Ħbieb tad-Dar tal-Providenza’ ukoll tellgħu stand biex ibiegħu xorb għan-nies bil-qliegħ imur għad-Dar tal-Providenza.

“Festa Għeneb” hija attività kulturali biex jitkattar l-għarfien dwar l-għeneb u r-rabta tiegħu mar-raħal tas-Siġġiewi. Is-Siġġiewi huwa l-lokalità bl-akbar ammont ta’ dwieli u b’mijiet ta’ familji Siġġiewin involuti fil-proċess tal-għeneb.

Festa Għeneb, li daħlet fit-tmien sena tagħha, ssir bil-kollaborazzjoni tad-Dar tal-Providenza u VitiMalta u tinkludi s-sehem ta’ diversi għaqdiet lokali fis-Siġġiewi. Matul l-attività jinġabru fondi b’risq id-Dar tal-Providenza li mbagħad jiġu ppreżentati waqt il-Festa ta’ Ġenerożità li ssir fl-ewwel tas-sena u tixxandar dirett fuq l-istazzjonijiet tat-TV ewlenin f’pajjiżna.

Jinġabru €5,425 b’risq Id-Dar tal-Providenza

Is-somma ta’ €5,425 inġabret waqt BBQ li jsir kull sena u organizzat mill-ħbieb ta’ Pierre Vella Petroni u Anne Marie Xuereb b’risq Id-Dar tal-Providenza. Dan il-BBQ issa daħal fis-seba’ sena tiegħu.

Meta ġie ippreżentat biċ-ċekk, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, irringrazzja l-organizzaturi, dawk li taw daqqa t’id, l-isponsors u l-ħbieb u l-qraba kollha li attendew u għamlu donazzjoni. Din is-somma tgħin fl-appoġġ għal persuni b’diżabilità li jużaw is-servizzi residenzjali tad-Dar.

Il-kumpaniji li taw flus jew prodotti għall-BBQ kienu Valyou Superstore tan-Naxxar; Prime Limited; Big Fresh tal-Mosta; General Soft Drinks Co. Ltd.; Simonds Farsons Cisk; C. Camilleri & Sons; Zamco; Is-Sinjuri Ronnie Axisa u Karl Vella Petroni; Vascas; Studio 9; Provita; Rausi & Co; Joseph Casapinta, artist; BOV plc and BNF Bank.

Grazzi mill-qalb lil dawk kollha li attendew biex għamlu suċċess ieħor minn din l-attività.