L-Arċisqof Emeritu, Mons. Paul Cremona OP imexxi pellegrinaġġ tal-morda f’Lourdes

L‑Arċisqof Emeritu, Mons. Paul Cremona OP mexxa pellegrinaġġ f’Lourdes ta’ 180 ruħ minn Malta li marru flimkien ma’ għadd ta morda Maltin li żaru l‑grotta ta’ Massabielle f’Lourdes. L‑Assoċjazzjoni Volontarji Lourdes, li torganizza dan il‑pellegrinaġġ kull sena, tara wkoll li jkun hemm tim mediku mal‑grupp.

Mons. Cremona ikkonċelebra quddiesa flimkien ma’ grupp ta’ saċerdoti Maltin fosthom id‑Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, Fr Martin Micallef u l‑fundatur tal‑Laboratorju tal‑Paċi, Patri Dijonisju Mintoff.

€1,750 għad-Dar tal-Providenza f’għeluq is-70 sena tal-iskola Primarja tal-Gudja

€1,750 ingħataw lid‑Dar tal‑Providenza waqt rijunjoni li ġiet organizzata nhar il‑Ġimgħa, 25 ta’ Awwissu 2023, biex jitfakkar is‑70 anniversarju mill‑ftuh ta l‑iskola Primarja tal‑Gudja (1953‑2023). Għaliha attendew aktar minn 300 persuna bejn eks studenti u edukaturi li attendew jew ħadmu fl‑iskola matul is‑snin.

L‑Isqof ta’ Ġibiltà, Mons Carmelo Zammit, li fi tfulitu hu stess kien jattendi f’din l‑iskola, ikkonċelebra quddiesa ta’ radd il‑ħajr flimkien ma’ Dun Trevor Fairclough u Dun Tony Pace. Waqt l‑omelija tiegħu, Monsinjur Zammit, fakkar uħud mill‑isbaħ mumenti li gawda f’din l‑iskola u ddeskriva l‑iskola ta’ dak iż‑żmien bħala waħda li diġà kienet tajba ħafna.

Wara l‑quddiesa kien hemm riċeviment fejn kulħadd seta’ jiltaqa’ u jġedded ħafna memorji ma’ tant ħbieb antiki u għalliema wara ħafna snin.

 

Ritratt: Skola Primarja tal-Gudja

Jinġabru €6,630 mill-BBQ tas-sajf b’risq Id-Dar tal-Providenza

Is-somma ta’ €6,630 inġabret minn Pierre Vella Petroni u Anne Marie Xuereb b’risq Id-Dar tal-Providenza waqt BBQ li sar nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Awwissu, 2023. Kull sena, għal dawn l-aħħar għaxar snin, Pierre u Anne Marie organizzaw BBQ għall-ħbieb tagħhom bid-dħul minnu jmur kollu għad-Dar. Tul is-sentejn tal-pandemija tal-COVID-19 il-BBQ ma sarx imma minflok xorta saret is-solita ġabra ta’ fondi b’risq id-Dar.

L-ammont miġbur ġie ppreżentat minn Pierre Vella Petroni u Anne Marie Xuereb lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, li rringrazzja lil Pierre u lil Anne Marie li reġgħu organizzaw il-BBQ u lil dawk kollha li għenu jew għamlu donazzjoni.

L-isponsors ewlenin għal din l-attività kienu Prime Ltd, C. Camilleri & Sons, Ron Axisa, Welbee’s Naxxar, GSD Co. Ltd, Farsons Direct, Vascas Ent. Ltd, Bristow Potteries, Provita, Rausi & Co u Gordon Portelli ta’ Pitkali Malta.

Ix-Xara Collection b’għotja ta’ €51,530 lid-Dar tal-Providenza

€51,530 inġabru waqt ikla speċjali ta’ arti, ikel, inbid u mużika fix‑Xara Lodge organizzata mill‑familja Zammit Tabona flimkien mal‑Management tax‑Xara Collection nhar l‑Erbgha, 26 ta’ Lulju 2023. Din kienet is‑6 edizzjoni tal‑ikla b’risq Id‑Dar tal‑Providenza li saret taħt il‑patroċinju distint tal‑Isqof Awżiljarju, Mons. Joseph Galea‑Curmi.

Id‑dħul mill‑attività ta’ din is‑sena se jmur għal proġett pjuttost ambizzjuż tar‑rinovar ta’ erba’ flettijiet f’Villa Papa Giovanni fis‑Siġġiewi. Ix‑xogħol diġà beda fuq wieħed mill‑fletts wara dewmien ta’ sentejn minħabba l‑pandemija COVID‑19. Mill‑2017 ‘l hawn, inġabret is‑somma totali ta’ €197,380.

F’diskors ta’ merħba, id‑Direttur Fr Martin Micallef qal li d‑Dar tal‑Providenza, hija organizzazzjoni mhux governattiva mmexxija mill‑Knisja f’Malta, li ilha tipprovdi servizzi residenzjali lill‑persuni b’diżabilità sa mill‑1968. Id‑Dar dejjem straħet fuq il‑ġenerożità tal‑benefatturi tagħha u fuq id‑donazzjonijiet mill‑pubbliku biex tkun tista’ tkompli  taqdi il‑missjoni tagħha. Huwa rringrazzja mill‑qalb lill‑familja Zammit Tabona u x‑Xara Collection li reġgħu organizzaw din l‑ikla gastronomika li saret attività annwali kif ukoll għall‑appoġġ kontinwu tagħhom għad‑Dar tas‑Siġġiewi.

F’kumment li għamlet, id‑Direttur tax‑Xara Collection, Nicola Paris irringrazzjat lil Fr Martin Micallef, Nadine Camilleri Cassano flimkien mat‑tim kollu tad‑Dar tal‑Providenza għad‑dedikazzjoni sħiħa tagħhom. Hija rringrazzjat ukoll lil dawk il‑kumpaniji li taw rigali għall‑premjijiet u lil dawk li għenu fejn tidħol loġistika u, naturalment, l‑isponsors u t‑tim tax‑Xara Collection flimkien ma’ dawk kollha li attendew biex l‑attività segħet tkun suċċess.

Matul is‑serata, l‑mistednin kellhom għażla ta’ ikel delizzjuż u nbejjed mill‑itjeb waqt li għenu fil‑ġbir ta’ fondi għal kawża ġusta bħal din. Kien hemm ukoll wirja tal‑arti b’xogħlijiet ta’ Andrew Borg, Rachel Galea, Lawrence Pavia, Wibke Seifert, Sophie Stilton,  Kenneth Zammit Tabona, Paul Camilleri, Mary de Piro, Carmel Grixti, Roberta Zammit Cutajar, Lisa Hirth and Simon Fenech.  Dawk preżenti setgħu japprezzaw dawn ix‑xogħlijiet tal‑arti li mill‑bejgħ tagħhom 20% marru għad‑Dar tal‑Providenza. Fil‑fatt inġabret is‑somma ta’ €4,470.

L‑isponsors ewlenin għall‑attività ta’ din is‑sena kienu l‑APS Bank, Seifert Systems, l‑Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il‑Mimici Foundation, Camilleri Paris Mode, VJ Salomone, Halmann Vella, EY,  PWC, The Point, Conrad Capital London, MVintage, Raico, The Concept Stadium, MUMN, GSD Marketing Ltd u Rupert Agius Pease.