Paragliding għal żewġ residenti tad-Dar tal-Providenza

Christine Borg u Tonio Mercieca fl-aħħar qatgħu xewqithom u għamlu avventura ta’ paragliding wara li s-sena l-oħra attentat biex jogħlew fuq il-baħar ta’ Golden Bay f’Għajn Tuffieħa kellu jitħassar minħabba rjieħ qawwija. Għall-ħabta ta’ l-għaxra ta’ filgħodu tas-Sibt, 21 ta’ Lulju 2018, Christine u Tonio waslu fl-Amazonia Complex tal-lukanda Dolmen faċċata tal-Oracle Casino biex jibdew il-preparamenti għall-avventura tagħhom li l-irjieħ, għalkemm mhux qawwija ħafna, ikkomplikaw xi ftit. Imma xejn ma kien se jżomm liż-żewġ residenti, li t-tnejn jużaw siġġu tar-roti tal-elettriku, milli jattwaw il-ħolma tagħhom li jitħażżmu ma’ parachute u jagħmlu paragliding fuq il-baħar ikħal u kemxejn imċaqlaq tal-Qawra.

Eżatt wara l-esperjenza tagħha, Christine qalet li “kienet ferħana għax hemm fuq tħossok libera minn kollox, mingħajr wheelchair, mingħajr ħafna ssikkar. Kienet esperjenza sabiħa u jekk ningħata l-opportunità, nerga’ nagħmilha.”

Tonio sejħilha esperjenza tal-ġenn li tħossok maqtugħ mill-art. “Minflok toqgħod tħares u tgħid nixtieq nagħmilha, irniexxieli nagħmilha u għalija hija boost għall-ħajja u għall-futur. Bl-appoġġ misthoqq, kollox possibbli.”

Christine u Tonio jirringrazzjaw lil dawk kollha li għenu biex il-ħolma tagħhom issir realtà, speċjalment lis-support worker tagħhom Anna Marshall u Andrew Micallef tas-Sun & Fun Watersports.

€27,300 miġbura waqt lejla gastronomika b’risq Id-Dar tal-Providenza

€27,300 inġabru waqt lejla gastronomika b’risq Id-Dar tal-Providenza organizzata minn Infinitely Xara Co. Ltd, li s-sidien tagħha huma l-familja Zammit Tabona. Din l-ikla, li ġiet organizzata għat-tieni sena konsekuttiva, saret f’Misraħ il-Kunsill fl-Imdina, biswit il-Kunsill Lokali tal-Imdina u bl-isfond tal-faċċata grandjuża tal-lukanda ta’ ħames stilel, The Xara Palace Relais & Chateaux. Infinitely Xara organizzat ikla ta’ ħames korsi akkumpanjata b’inbejjed differenti. Iktar minn €55,000 inġabru f’dawn is-sentejn.

L-ikla saret taħt il-patroċinju tal-E.T. Monsinjur Joe Galea Curmi, l-Isqof Awżiljarju Elett ta’ Malta. Kienu preżenti wkoll l-Arċisqof Emeritus Mons Pawl Cremona O.P. u Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza.

Diversi persuni attendew din is-serata minn kumpaniji stabbiliti li taw id-donazzjonijiet tagħhom lid-Dar tal-Providenza. Il-kumpaniji ewlenin tas-serata kienu Diamonds International, EY, Francis J. Vassallo & Associates Group, GSD Marketing Ltd, Halmann Vella Ltd, KRS Releasing Ltd, Malta International Airport, PWC, Raico, Seifert Systems Ltd, The Point Shopping Mall, VJ Salomone Marketing Ltd u l-Kunsill Lokali tal-Imdina.

Ringrazzjament speċjali jmur għand dawk in-nies kollha li taw sehemhom matul din l-attività ta’ ġbir ta’ fondi, il-ħaddiema, il-voluntiera, l-isponsors u d-donaturi tal-arti li nbigħu waqt is-serata.

Żewġ residenti tad-Dar tal-Providenza f’avventura ta’ paragliding

Christine u Tonio, żewġ residenti tad-Dar tal-Providenza b’diżabilità fiżika li jgħixu f’Dar Akkwarell fil-Qawra se jerġgħu jidħlu għall-avventura ta’ paragliding li s-sena l-oħra kellhom iħassru minħabba l-irjieħ qawwija. Din se ssir nhar is-Sibt li ġej, 21 ta’ Lulju bejn il-11.00am u s-1.00pm fl-Amazonia Complex fil-Qawra, faċċata tal-Oracle Casino. Min ikun fl-inħawi huwa mħeġġeġ li jagħti appoġġ lil Christine u Tonio f’din l-avventura li ilhom joħolmu biha għal dawn l-aħħar sentejn.

Id-Dar tal-Providenza tingħata il-‘Paul Harris Recognition Award’

Waqt ikla li saret bil-għan li tiġbor fondi u li saret f’Dar il-Kaptan, fl-Imtarfa, Rotarian Bryan Sullivan, President tar-Rotary Club La Valette Malta 2017-2018, ippreżenta lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza bil-‘Paul Harris Recognition Award’. Dan ingħata b’turija ta’ apprezzament għal ħidma li tagħmel id-Dar.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, Rotarian Sullivan qal li “huwa l-pjaċir tagħhom li jagħrfu l-irwol li d-Dar tal-Providenza għandha biex tagħmel id-differenza fil-komunità.”

53 siegħa ta’ Volleyball iwasslu għal ġabra ta’ €651,905 għad-Dar tal-Providenza

It-tmiem tal-Maratona tal-Volleyball BOV Marigold 2018, f’nosillejl tal-Ħadd 1 ta’ Lulju, kien ikkarraterizzat minn ferħ, tbissim, doċċi ta’ xampanja u sentimenti ta’ gratitudni lejn l-40 plejer, rġiel u nisa, coaches, arbitri, score keepers, tobba, fiżjoterapisti u infermiera, li ddeċidew li jisfidaw is-sħana tal-ġurnata u l-ħemda tal-lejl biex jilagħbu volleyball bla waqfien għal 53 siegħa b’risq id-Dar tal-Providenza.

Il-ġenerożita tagħhom f’ħinhom u fl-isforzi tagħhom kien ippariġġjat mill-ġenerożita tal-poplu Malti b’donazzjonijiet ta’ madwar of €651,905. Din is-somma tinkludi l-ammont ta’ €335,291 miġbur waqt l-edizzjoni speċjali ta’ Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Ġunju.

Il-Maratona kienet inawgurata uffiċjalment nhar il-Ġimgħa filgħaxija mill-President ta’ Malta, l-E.T Marie-Louise Coleiro Preca, li preżentat ukoll donazzjoni mill-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.

Matul it-tlett ijiem tal-Maratona, il-plejers u l-organizzaturi kellhom l-opportunità jilqgħu lill-Prim Ministru Dr Joseph Muscat u lis-Sinjura Michelle Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Adrian Delia, l-Arċisqof Emeritus Mgr Paul Cremona O.P., Ministri, Segretarji Parlamentari, membri oħra tal-Parlament u membri tal-PE. Kollha qattgħu ħin jirrispondu t-telefonati mill-pubbliku li kienu qed iċemplu biex jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom.

Filgħaxija u matul il-lejl, il-Maratona tal-Volleyball ixxandret b’mod dirett fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni TVM, TVM2, ONE TV, NET TV.