Jerġa’ jiftaħ l-uffiċċju tad-Dar tal-Providenza fil-Belt

L-għan ta’ l-uffiċċju tal-Belt, li jinsab fi Triq San Pawl eżatt wara is-suq l-antik, hu li l-pubbliku jkollu post aktar ċentrali fejn jista’ jingħata l-informazzjoni kollha dwar il-ħidma tad-Dar u fejn ikun jista’ jagħmel id-donazzjoni tiegħu għad-Dar tal-Providenza.

Bħalissa, l-uffiċċju qed jinfetaħ nhar ta’ Ħamis, il-Ġimgħa u s-Sibt bejn id-9.00am u nofsinhar.

Id-Dar tal-Providenza tappella għad-donazzjonijiet

Id-Dar tal-Providenza, filwaqt li tirringrazzja lill-pubbliku tal-ġenerozità li dejjem wera, qed tappella għad-donazzjonijiet b’mod partikolari wara li sar magħruf li s-somma miġbura mill-maratona tal-1 ta’ Jannar 2021 ser tiġi riveduta ’l isfel. Dan wara li l-kumpanija GO p.l.c. ħabbret li żball tekniku wassal biex ġew irduppjati d-donazzjonijiet li saru minn numri reġistrati tal-GO.

B’riżultat ta’ dan l-iżball, is-somma attwali miġbura mill-maratona Festa ta’ Ġenerożità hija ta’ €1,604,540, tnaqqis ta’ €427,000 minn dak li kien tħabbar. Din ir-revizjoni se taffetwa l pjani li d Dar tal Providenza kellha għal din is-sena u għalhekk, bħalma tagħmel dejjem, se tafda fil-providenza u fil-ġenerozità tal-poplu Malti u Għawdxi.

Kull min jixtieq jagħti donazzjoni lid-Dar tal-Providenza jista’ jsib l-informazzjoni online fuq www.sabihlitaghti.org.