Il-President Marie-Louise Coleiro Preca tindirizza l-konferenza “Every Life Matters”

“L-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilitajiet, fil-livelli kollha tas-soċjetà, hija parti sħiħa mill-impenn biex inħaddnu l-valuri demokratiċi, u nissalvagwardjaw id-drittijiet umani universali.” Dan kien wieħed mill-messaġġi li wasslet il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca meta għamlet id-diskors tal-ftuħ fil-konferenza “Every Life Matters” fil-Grand Hotel Excelsior. Il-Konferenza kellha l-għan li tqajjem għarfien dwar l-inklużjoni u t-theddid li jiffaċċjaw persuni b’diżabiltajiet, li ħajjithom hija mhedda sa mill-bidu tagħha fil-ġuf.

Il-President qalet li huwa essenzjali għalina li dejjem nippromwovu, nipprijoritizzaw u nipproteġu id-dinjità intrinsika tal-persuna umana. Dan huwa meħtieġ speċjalment f’dan iż-żmien meta pajjiżna għaddej minn tibdiliet storiċi fl-isfera ta’ leġislazzjoni u politika li jittrattaw oqsma sensittivi ta’ kura riproduttiva. Hija qalet li temmen li hu meħtieġ li l-professjonisti kollha tagħna, l-attivisti tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll membri tal-komunitajiet milquta, jieħdu sehem fi djalogu rispettabbli fuq kwistjonijiet ta’ etika daqshekk importanti.

Il-President għamlet referenza għall-individwi u familji li kellhom esperjenzi personali ta’ xi jfisser tgħix b’diżabiltajiet u li kellhom l-opportunità jagħtu din ix-xhieda fil-konferenza u qalet: “Intom l-esperti ta’ ħajjitkom u hija ir-responsabbiltà tagħna li nagħtu widen għall-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tagħkom.”

F’diskors ta’ merħba, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, qal li f’dawn l-aħħar ħamsin sena, bis-saħħa ta’ pijunieri fil-qasam tal-persuni b’diżabilità, il-persuni b’diżabilità għamlu kisbiet kbar f’dak li huma drittijiet, inklużjoni soċjali u servizzi u ta’ dan għandna għalfejn inħossuna kburin għalkemm għad baqa’ ħafna x’isir. Dan kollu hu frott ta’ żieda fl-għarfien tad-dinjità li għandhom iġawdu l-persuni d’diżabilità bħala ċittadini ndaqs.
Fr Martin qal li din il-konferenza għandha l-iskop li tisfidana biex naħdmu lkoll bħala soċjetà biex nieqfu nħarsu lejn id-differenza bħala xi theddida imma bħala xi ħaġa li tagħnina. “Irridu nieqfu nħarsu lejn il-bniedem minn lenti li tqis kemm kapaċi jipproduċi u kemm kapaċi jitla’ l-iskaluni tas-suċċess. Irridu nħarsu lejn kull bniedem bħala uniku, irripetibbli, u prezzjuż – għani fl-umanità u fl-ispiritwalità; irridu nħarsu lejn kull bniedem fid-dawl mhux tant ta’ kemm għandu valur imma bħala xi ħadd li jgawdi dinjità inkalkulabbli. Soċjetà vera titkejjel biss mir-rispett li bih tħares lejn kull persuna.”
“Aħna, li nemmnu li Every Life Matters, inweġġgħu meta niltaqgħu ma’ ġenituri li qed jistennew tarbija u li forsi jiffaċċjaw riskji minħabba l-età jew raġunijiet oħra, li jaqsmu magħna l-esperjenzi tagħhom dwar il-pariri li jkunu ingħataw minn ginekoloġi, professjonisti jew nies oħra biex jagħmlu t-testijiet meħtieġa ħalli, jekk jirriżulta xi ħaġa, ‘iħaddmu rashom’.”
Fr Martin temm jgħid li “aħna, li nemmnu li Every Life Matters, nixtiequ nibqgħu ngħixu f’soċjetà li tgawdi minn leġiżlazzjoni li tħares dejjem id-dritt tal-ħajja f’kull stadju tagħha bla ma tagħżel min għandu jgħix jew imut.”

Kien hemm żewġ diskorsi ewlenin. L-ewwel wieħed mill-Prof Carmen Martinez Cue tal-One of Us Federation li iffokat fuq l-avvanzi u riċerki ġodda fit-trattament ta’ persuni bid-Down Syndrome. Prof Martinez Cue hija Associate Professor tal-Farmakoloġija fil-Fakultà tal-Mediċina fl-Università ta’ Cantabria fi Spanja. Wara kien hemm intervent minn Dr Domenico Coviello dwar l-aspetti mediċi u etiċi fl-għażla u fl-eżaminar qabel it-twelid tal-embrijun. Dr Coviello huwa bħalissa d-Direttur tal-Laboratorju tal-Ġenetika Umana fl-Isptar Galliera f’Genoa fejn ilu minn Marzu 2010.

Saru testimonjanzi minn Joeanne Xerri u Vanessa Portanier, żewġ ommijiet li qed irabbu tfal b’diżabilità kif ukoll minn Amy Camilleri Zahra li għandha diżabilità.

Id-diskors tal-għeluq sar minn Mons Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija fl-Arċidjoċesi ta’ Malta.
Il-konferenza “Every Life Matters” kienet organizzata mill-Life Network Foundation Malta u Id-Dar tal-Providenza bil-kollaborazzjoni tal-One Of Us Federation u LeJeune Foundation.

Bazaar b’risq id-Dar tal-Providenza

Bazaar b’risq id-Dar tal-Providenza

fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi

Nhar il-Ħadd, 22 ta’ April

bejn id-disa’ ta’ filgħodu u l-erba’ ta’ wara nofsinhar

Issibu oġġetti utli għad-dar bi prezzijiet imraħħsa

Narawkom

Il-Ġimgħa Mqaddsa fid-Dar tal-Providenza

Il-liturġija tal-Ġimgħa Mqaddsa kienet iċċelebrata fid-Dar tal-Providenza kemm għar-residenti u l-ħaddiema kif ukoll il-pubbliku in ġenerali.

Iċ-ċelebrazzjonijiet bdew bil-festa tal-Madonna tad-Duluri b’żewġ quddisiet fil-Kappella tad-Dar kif ukoll bit-tberik tar-rappreżentazzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fis-Sala San Pawl. Komplew bit-tifkira ta’ Ħadd il-Palm, il-quddiesa ta’ Ħamis Ix-Xirka bil-ħasil tar-riġlejn, iċ-ċelebrazzjoni tat-tifkira solenni tal-Passjoni tal-Mulej fil-Ġimgħa l-Kbira u fl-aħħarnett bit-tifkira solenni tal-qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Għall-ħaddiema saru żewġ korsijiet qosra ta’ Eżerċizzi Spiritwali. Bil-Malti minn Dun Karm Mercieca u bl-Ingliż minn Fr Conrad Grech, Ġiżwita.

Il-paċi ta’ Kristu Rxoxt tkun magħkom ilkoll.

Onorifiċenza Mertu Siġġiewi għal Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ippreżenta lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, bl-Onorifiċenza Mertu Siġġiewi għall-ħidma tiegħu fid-Dar kif ukoll fil-komunità tas-Siġġiewi. Din is-sena, Fr Martin jagħlaq għaxar snin fit-tmexxija tad-Dar wara li f’Ottubru 2008 inħatar Direttur ġdid mill-Arċisqof, illum Emeritu, Mons Pawl Cremona OP wara Mons Lawrence Gatt li nħatar Kanċillier tal-Arċidjoċesi.

Dun Martin Micallef, iben John Micallef u Jane nee Bugeja twieled Ħal Luqa fl-10 ta’ Novembru 1967. Wara l-istudji tiegħu fl-iskola Primarja ta’ Ħal Luqa, is-Seminarju Minuri u l-Liċeo l-Ġdid hu daħal fis-Seminarju Maġġuri tal-Arċisqof biex iħejji ruħu għas-saċerdozju. Hu kiseb il-grad fil-livell ta’ Baċellerat mill-Università ta’ Malta fil-Filosofija u t-Teoloġija u l-liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali. Hu kien ordnat djaknu fil-25 ta’ Novembru 1994 fil-Parroċċa ta’ Ħal Luqa u ordnat qassis fil-5 ta’ Lulju 1996. Hu serva bħala viċi-parrokku fil-parroċċa tal-Ibraġġ u aktar tard kappillan ta’ Ħal Għaxaq (2000-2005) u Marsaskala (2005-2008). Mill-2004, Fr Martin serva bħala membru tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, illum Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, fejn jirrapreżenta l-Knisja f’Malta. Hu wkoll membru tal-Kummissjoni Pastorali għall-Persuni b’Diżabilità.

Is-serata għall-għoti tal-Onorifiċenza Mertu Siġġiewi saret ix-xahar li għadda fl-Iskola Primarja tas-Siġġiewi, taħt il-Patroċinju tal-eks-Speaker tal-Kamra tad-Deputati, is-Sur Anton Tabone.

F’diskors li għamlet, is-Sindku tas-Siggiewi, Alessia Psaila Zammit tkellmet dwar il-hidma u l-pjani tal-Kunsill Lokali fosthom investiment f’aktar toroq u l-infrastruttura, fl-attivitajiet kulturali u ħidma kontinwa biex jiġi mħares l-ambjent u jsir żvilupp sostenibbli fis-Siġġiewi.