Tliet residenti tad Dar tal Providenza f’Pellegrinaġġ Marjan f’Lourdes

Tliet residenti tad‑Dar tal‑Providenza, Maria Teresa Buttigieg, Vincent Mifsud u George Apap flimkien mas-support workers tagħhom, kienu fost grupp ta’ 175 pellegrin li ħadu sehem f’pellegrinaġġ marjan għall-morda f’Lourdes.

Wara waqfa ta’ sentejn minħabba l‑pandemija tal‑COVID‑19, l‑Assoċjazzjoni Volontarji Lourdes reġgħet organizzat dan il‑pellegrinaġġ li sar bejn it‑Tnejn 22 u l‑Ħamis 25 ta’ Awwissu 2022. Ħadu sehem ukoll l‑Arċisqof Emeritus Mons. Pawl Cremona OP, Patri Dijonisju Mintoff OFM, Patri Albert Micallef OFM, Patri Josè Debono OCD. Patri Charles Tabone OP u Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza.

Għadd sabiħ ta’ volontiera, ħafna minnhom żgħażagħ, assistew lill‑pellegrini morda, anzjani jew b’diżabilità f’dak kollu li kellhom bżonn b’impenn u ġenerożità kbira.

L‑Assoċjazzjoni Voluntiera Lourdes kienet twaqqfet fit‑18 ta’ April 2001 bl‑iskop li tassisti l‑morda biex imorru pellegrinaġġ Lourdes.

Jinġabru €6,350 b’risq Id-Dar tal-Providenza

Is-somma ta’ €6,350 inġabret minn Pierre Vella Petroni u Anne Marie Xuereb b’risq Id-Dar tal-Providenza waqt BBQ li sar nhar l-Erbgħa, 17 ta’ Awwissu, 2022. Kull sena, għal dawn l-aħħar għaxar snin, Pierre u Anne Marie organizzaw BBQ għall-ħbieb tagħhom bid-dħul minnu jmur kollu għad-Dar. Tul is-sentejn tal-pandemija tal-COVID-19 il-BBQ ma sarx imma minflok xorta saret is-solita ġabra ta’ fondi b’risq id-Dar.

Is-somma ta’ €6,350 ġiet ippreżentata minn Pierre Vella Petroni u Anne Marie Xuereb lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, li rringrazzja lil Pierre u lil Anne Marie li reġgħu organizzaw il-BBQ u lil dawk kollha li għenu jew għamlu donazzjoni.

Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja ta’ Mons. Philip Calleja

Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja għażiża ta’ Mons. Philip Calleja li llum ingħaqad mal-Mulej fis-sema. Kien Monsinjur Calleja li wara l-mewt ta’ Mons. Mikiel Azzopardi f’Mejju tal-1987, ingħata l-inkarigu minn Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca mhux biss biex jorganizza l-funeral tiegħu, imma wkoll biex jassumi r-responsabiltà tat-tmexxija tad-Dar, sakemm ġie nominat Mons. Lawrence Gatt bħala d-Direttur il-ġdid, xahrejn wara.

Mons. Calleja ġie ordnat saċerdot fit-2 ta’ Awwissu, 1953. L-ewwel ħidma pastorali tiegħu kienet l-iżjed mat-tfal tal-Belt u fi ħdan l-Azzjoni Kattolika Maltija. Huwa waqqaf ukoll il-Kummissjoni emigranti, llum magħrufa bħal Kummissjoni Migranti. Huwa kien Deputat tal-Uffiċċju taż-Żwiġijiet, kif ukoll kanċillier tal-Kurja tal-Arċisqof. Fl-1990 kien inkarigat mill-organizzazzjoni taż-żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’Malta.

Fis-sena 1962, Mons. Philip kien infurmat li r-Rest Camp tal-Ammiraljat fis-Siġġiewi kien se jiġi trasferit fil-Mellieħa. Bl-inizjattiva ta’ Mons. Philip, bdiet minnufih ħidma biex il-post jinkiseb mill-Azzjoni Kattolika Maltija kif fil-fatt ġara. Wara li nkiseb dan il-post beda jintuża bħala kampijiet tas-sajf għat-tfal u fil-frattemp, Mons. Mikiel Azzopardi, li kien l-Assistent Ekkleżjastiku tal-Azzjoni Kattolika Maltija beda jaħseb biex jibni d-Dar tal-Providenza f’dan il-post. Fil-fatt ix-xogħol tal-bini tad-Dar tal-Providenza beda fl-1965.

Fl-2018, Mons. Philip Calleja ingħata l-Premju Mons. Mikiel Azzopardi bħala turija ta’ rikonoxximent u apprezzament tad-Dar tal-Providenza għall-ħidma u l-appoġġ tiegħu lejn id-Dar. Dakinhar l-Isqof Awżiljarju, Mons. Joseph Galea-Curmi faħħar il-ħidma sfieqa tiegħu u qal li din il-ħidma twila tiegħu mhux biss tissombolizza l-karattru tiegħu imma wkoll l-impenn tal-Knisja Maltija biex tgħin il-batut u l-emarġinat fis-soċjetà tagħna.

Agħtih o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.