Żjarat mill-familjari lir-residenti fid-Dar tal-Providenza

L-amministrazzjoni tad-Dar tal-Providenza introduċiet miżuri ġodda li permezz tagħhom issa jistgħu isiru żjarat mill-familjari tar-residenti wara li jkunu ngħataw appuntament. It-tul taż-żjarat huwa limitat għal 15-il minuti biss.

Diġà saru xi żjajjar u jidher li l-arranġamenti mħejjija intlaqgħu tajjeb kif jidher tajjeb minn dan il-kumment li rċevejna mingħand waħda mill-qraba.

“Prosit tassew ta’ din l-inizjattiva fejn stajt niltaqa’ m’oħti wara ġimgħat sħaħ li ma stajtx immur ħdejha fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi minħabba miżuri meħtieġa biex hi u r-residenti l-oħra ikunu protetti.

Li tajtu smart phone f’kull flett biex inżommu kuntatt mar-residenti diġà kien pass tajjeb f’dawn iċ-ċirkonstanzi straordinarji. Issa, l-amministrazzjoni tad-Dar offriet servizz ieħor biex naraw l-għeżież tagħna. Jien għamilt appuntament u mort hemm u ltqajt ma’ oħti minn wara l-perspex. Kien mument sabiħ ħafna għax rajna lil xulxin u konna viċin ukoll. Grazzi ta’ kull ma qed tagħmlu.”

Iż-żjarat jistgħu isiru matul il-ġimgħa, filgħaxija biss, mill-3.45pm sas-6.00pm filwaqt li s-Sibt u l-Ħadd bejn id-9.30am u l-11.00am kif ukoll bejn l-4.00pm u s-6.00pm.

Il-qraba jistgħu juru x-xewqa tagħhom li jżuru lir-residenti billi jċemplu fuq 2146 2844 u jagħtu d-dettalji tagħhom. Xi ħadd mill-amminstrazzjoni jċemplilhom lura u jagħtihom il-ġurnata u l-ħin ta’ meta jkun sar l-appuntament għaż-żjara tagħhom.
Waħda mill-ewwel miżuri li ħadet id-Dar tal-Providenza biex tissalvagwardja r-residenti u s-Support workers tagħħom mill-imxija tal-Coronavirus kien li jitwaqqfu ż-żjarat mill-familjari u ħbieb li s-soltu jżuruhom fid-djar tagħna. Għaldaqstant, f’nofs ix-xahar t’April, id-Dar investiet f’numru ta’ smart phones biex tassigura li r-residenti li jixtiequ jżommu kuntatt ma’ familjari u ħbieb u viċi-versa jkunu jistgħu jagħmlu dan.

Friends of Providence House NSW b’donazzjoni ta’ $16,000 lid-Dar tal-Providenza.

Matul dawn l-aħħar sittax-il xahar, il-Friends of Providence House NSW ġabru $16,000 li normalment jiġu ppreżentati uffiċċjalment lid-Dar tal-Providenza waqt il-Maratona tal-Volleyball li jsir fil-bidu ta’ Lulju fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi.

Minħabba r-restrizzjonijiet imposti mill-pandemija COVID-19, il-maratona kellha titħassar u għalhekk is-somma miġbura ġiet trasferita lid-Dar ħafna qabel biex il-fondi jgħinu lid-Dar biex tkun tista’ tkompli toffri s-servizzi lir-residenti fid-djar tagħha.

Dawn il-fondi huma riżultat ta’ bosta xhur ta’ ħidma matul l-2019 l-2020 mill-komunità Maltija f’Sydney u l-madwar. Dawn inġabru minn sponsorship ewlieni mis-Sur George Vella, ta’ Breakaway Travel fi Blacktown, kompetizzjonijiet, għotjiet individwali, lotteriji, il-Festa’ ta’ Ġenerożità li ġiet organizzata aktar kmieni din is-sena kif ukoll għotja ta’ $5,000 minn donatur anonimu.

Jim Borg, il-kordinatur tal-Friends of Providence House NSW, flimkien mat-tim tiegħu, Marisa Previtera (Segretarja) u Miriam Friggieri (Kaxxiera), huma f’kuntatt regolari ma’ Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza. Is-Sur Borg qal li l-grupp tiegħu se jibqa’ għaddej bl-inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi għal dik li huwa jiddeskrivi istituzzjoni rrispettata u maħbuba anke fl-Awstralja.

F’isem ir-residenti, Fr Martin irringrazzja il-Friends of Providence House NSW għall-appoġġ kbir tagħhom u wegħedom it-talb tagħhom.

Intervista minn Newsbook ma’ Fr. Martin

Fr. Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza tkellem dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Mons. Mikiel Azzopardi waqt Newsbook Hour fuq l-istazzjon 103.

Din l-intervista tista’ taqraha fuq din il-link.

Jitfakkar it-33 Anniversarju tal-mewt ta’ Dun Mikiel Azzopardi, Fundatur tad-Dar tal-Providenza

Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, illum iċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar biex jitfakkar it-tlieta u tletin anniversarju mill-mewt ta’ Mons Mikiel Azzopardi, li waqqaf id-Dar fl-1965. Dun Mikiel, kif kien magħruf l-aktar, twieled fil-Belt Valletta fl-10 ta’ Frar 1910 u miet fit-13 ta’ Mejju 1987.

Minħabba ċ-ċirkustanzi preżenti tal-COVID-19 ma setgħetx issir il-quddiesa kommemorattiva li ilha ssir għal-bosta snin. Għaliha kienu jattendu membri tal-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM) immexxijja mill-President, is-Sur Josef Debono, residenti u ħbieb tad-Dar.

Jitfakkar it-tlieta w tletin anniversarju mill-mewt ta’ Mons Mikiel Azzopardi

Illum, 13 ta’ Mejju 2020 jitfakkar it-tlieta w tletin anniversarju mill-mewt ta’ Mons Mikiel Azzopardi, fundatur tad-Dar tal-Providenza, li waqqaf id-Dar fl-1965 u li kien isejjħilha “oasi ta’ karità nisranija”. Dun Mikiel, kif kien magħruf l-aktar, twieled fil-Belt Valletta fl-10 ta’ Frar 1910 u miet fit-13 ta’ Mejju 1987.
Dun Mikiel kien iħares lejn kull persuna b’imħabba kbira sew meta kien fil-qasam tal-edukazzjoni, imbagħad fl-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM) u fl-aħħar fid-Dar tal-Providenza.
L-għan tad-Dar hu li tipprovdi servizzi residenzjali lill-persuni b’diżabilità filwaqt li tagħtihom is-saħħa li jemmnu fihom infushom f’ambjent li jixbah lill-familja u li jkabbar l-abbiltajiet tagħhom biex b’hekk huma jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħieħ fis-soċjetà.

Tul is-snin, dan is-servizz seta’ jkun possibli grazzi għas-sapport kontinwu li l-Maltin u l-Għawdxin taw kemm b’ħidma volontarja kif ukoll finanzjarja.

Illum id-Dar tiġbor fiha tliet residenzi: Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni, Villa Papa Luciani kif ukoll erbat idjar fil-komunità, ’Żerniq’ fis-Siġġiewi, ’Akkwarell’ fil-Qawra, ’Dar Pirotta’ f’Birkirkara u ’Shalom’ fiż-Żurrieq. Huwa ttamat li aktar tard din is-sena, dejjem skont kif se tkompli tiżvolġi f’pajjiżna il-pandemija COVID-19, tiġi nawgurata il-ħames dar fil-Balluta.

Bħalissa fid-Dar tal-Providenza jgħixu madwar 115-il resident b’etajiet ta’ bejn it-tmien snin u ’l fuq minn tmenin sena. Id-Dar toffri wkoll servizz ta’ respite lil familji ta’ persuni b’diżabilità biex ikunu qed jingħataw kull appoġġ biex il-membri tal-familja b’diżabilità jibqgħu jgħixu fl-ambjent naturali tagħhom.

Aktar tard illum, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef se joffri quddiesa b’suffraġju għal ruħ Mons. Mikiel Azzopardi fil-kappella tad-Dar.

Fondi

Donazzjonijiet oħra

Donazzjonijiet Online