Id-Dar tal-Providenza tirringrazzja lill-Volontiera tagħha

Bħalma jsir kull sena, Id-Dar tal-Providenza organizzat attività biex matulha turi ir-rikonoxximent tagħha lill-għadd kbir ta’ voluntiera għad-dedikazzjoni u l-ħin tagħhom jew mar-residenti direttament jew fid-diversi oqsma tad-Dar fejn teħtieġ l-għajnuna. Din is-sena, l-attività bdiet b’quddiesa ta’ ringrazzjament minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, fil-kappella tal-iskola tas-Seminarju f’Tal-Virtù, fir-Rabat, għall-intenzjonijiet u l-bżonnijiet tal-volontiera imma ukoll b’suffraġju għal ruħ Donald Pace Bonello, wieħed mill-volontiera li miet dan l-aħħar.

Fr Martin irringrazzja lill-volontiera li b’tant imħabba u dedikazzjoni jagħtu ħinhom fid-diversi oqsma li jkun hemm il-ħtieġa tagħhom mar-residenti stess, fil-kċina, mal-ħajjata, fil-ġnien, fil-laundry, fl-amministrazzjoni u fl-uffiċċju tal-Belt. Fr Martin irringrazzja wkoll lir-Rettur u l-ammistrazzjoni tas-Seminarju li tawna l-permess nużaw il-kappella u l-canteen tagħhom għall-okkażjoni.

Music Room għar-residenti tad-Dar tal-Providenza

Ir-residenti tad-Dar tal-Providenza issa għandhom Music Room speċjalizzata fejn ikollhom sessjonijiet tal-mużika b’mod individwali kif ukoll fi gruppi, liema sessjonijiet huma ta’ benefiċċju kbir għalihom.

Il-Music Room setgħet issir bil-għajnuna finanzjarja tar-Rotary Club La Valette, ir-Rotary Club Malta u r-Rotary International District 2110 li sponsorjaw il-proġett kif ukoll tal-Alf. Mizzi Foundation li sponsorjat il-lift li jwassal għall-Music Room.

Qabel l-inawgurazzjoni tkellmu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, li fid-diskors ta’ merħba sab ħin jirringrazzja lil dawk kollha li taw l-għajnuna tagħhom biex jitwettaq dan il-proġett; is-Sinjura Margaret Vella, il-Fiżjoterapista Ewlenija tad-Dar li tkellmet dwar l-għan tal-Music Room; il-Perit, Prof. Vincent Buhagiar, koordinatur tal-proġett, li ta ħjiel tax-xogħol li kellu jsir biex tlestiet il-kamra u s-Sur Albert Petrococchino, mill-Alf Mizzi Foundation li ġentilment sponsorjat il-lift flimkien ma’ s-Sinjura Jane Mizzi, Trustee tal-Fondazzjoni, li ippreżentat iċ-ċekk tal-isponsorship lil Fr Martin.

Minn naħa tar-Rotary tkellmu s-Sur Bryan Sullivan tar-Rotary Club La Valette u s-sur John de Giorgio, Gvernatur tar-Rotary International f’Malta u fi Sqallija. Huma semmew l-impenn tar-Rotariani biex jgħinu sezzjonijiet tal-komunità li jagħmlu parti minnha.

Mons Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija għamel diskors tal-għeluq fejn irrepeta dak li qal Papa Franġisku li kull persuna fosthom il-persuni b’diżabilità huma persuni uniċi u irrepetibbli. Huwa qal li hija grazzja kbira li biex iseħħu proġetti bħal dan tal-Music Room, li jtejjbu il-kwalità tal-ħajja tar-residenti, hemm ukoll struttura ta’ impjegati u volontiera biex jaraw li x-xogħol isir u s-servizz jingħata.

Il-Music Room ġiet inawgurata mis-Sur John de Giorgio u mbierka minn Mons Cordina.

Ma naqasx li r-residenti juru l-abbiltajiet tagħhom bl-għajnuna tal-Ability Promoters tad-Dar u kantaw tliet siltiet mużikali.

ID-DAR TAL-PROVIDENZA U L-AZZJONI KATTOLIKA MALTIJA IFAKKRU LIL MONS MIKIEL AZZOPARDI

“L-impenn sħiħ ta’ Mons Mikiel Azzopardi wera ruħu fl-imħabba tiegħu lejn dawk emarġinati, bla vuċi, moħbija u minsija minn ħafna nies. Hu għaraf li iktar ma bniedem hu dgħajjef, iktar jeħtieġ appoġġ u għajnuna.” Dan qalu Mons Joe Galea Curmi, Vigarju Ġenerali, fl-omelija li għamel waqt Ċelebrazzjoni Ewkaristika li saret biex jitfakkar il-wieħed u tletin anniversarju tal-mewt ta’ Mons Mikiel Azzopardi, li waqqaf id-Dar tal-Providenza fl-1965.

Il-Vigarju Ġenerali kompla jgħid li Dun Mikiel ried li s-soċjetà Maltija tagħraf id-dinjità ta’ kull bniedem u għalhekk tal-persuni b’diżabilità. “Il-messaġġ ta’ Dun Mikiel,” qal il-Monsinjur Vigarju, “hu tassew attwali anke llum meta jfakkarna li l-ħajja umana irridu ngħożżuha. Quddiem il-ħajja umana, ma noqogħdux ngħoddu ċ-ċelloli biex naraw jistħoqqilhiex dinjità, ma noqogħdux niddiskriminaw bejn min jistħoqqlu jgħix u min nistgħu inħalluh għal riħu. Il-ħajja umana hi għażiża mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha u t-tul kollu tagħha. Minna titlob rispett sħiħ.”

Għal din il-Quddiesa, li saret fil-kappella tad-Dar tal-Providenza, attendew għadd ta’ membri tal-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM), residenti u ħbieb tad-Dar. Dun Mikiel twieled fil-Belt Valletta fl-10 ta’ Frar 1910 u miet fit-13 ta’ Mejju 1987. Flimkien ma’ Mons Galea Curmi, ikkonċelebraw Fr Rueben Gauci, Assistent Ekkleżjastiku taż-ŻAK u Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza.

Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, saru diskorsi qosra minn Fr Martin li irringrazzja lill-Azzjoni Kattolika Maltija għall-appoġġ sħiħ li dejjem tat u għadha tagħti lid-Dar tal-Providenza. Is-Sur Josef Deguara, President tal-AKM aċċenna għall-omelija ta’ Mons. Vigarju u tenna li l-ħajja umana irridu ngħożżuha.

Wara, dawk preżenti inġabru flimkien għal moment ta’ skiet ma’ Mons. Galea Curmi, Fr Reuben u Fr Martin u talbu madwar il-qabar ta’ Mons Azzopardi.

Omelija – 31 anniversarju mill-mewt ta’ Mons. Mikiel Azzopardi 12 ta’ Mejju 2018

Imħabba kbira lejn dawk emarġinati, bla vuċi, moħbija u minsija

“Il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.” Din l-aħħar sentenza tas-silta minn San Mark tal-Evanġelju tal-lum, li tispjega fi ftit kliem il-ħajja u l-missjoni tad-dixxipli ta’ Ġesù wara li hu tela’ s-sema, tfakkarni ħafna f’Mons. Mikiel Azzopardi li llum qegħdin infakkru l-31 anniversarju mill-mewt tiegħu.

Il-Mulej ħadem permezz ta’ Dun Mikiel fil-kelma li hu xandar għal snin b’ħeġġa u b’determinazzjoni, u l-Mulej wettaq din il-kelma b’dan il-miraklu kbir ta’ mħabba, id-Dar tal-Providenza, li dis-sena ċċelebrajna l-50 sena minn meta nfetħet l-ewwel dar tagħha. Għalhekk illum aħna nfakkru b’għożża lil dan il-qaddej tal-Mulej u nirringrazzjaw lil Alla għal dak li għamel permezz tiegħu għall-ġid tas-soċjetà Maltija.

Dun Mikiel emmen bis-sħiħ li s-sema hu pajjiżna – dak li turina l-festa tal-Mulej tiela’ s-sema. Kien jemmen li dik hi d-destinazzjoni tagħna, lil hemm mexjin, biex ’il quddiem naslu fejn wasal qabilna Ġesù fil-glorja tiegħu. Din il-fidi soda fi Kristu ħaj kienet dejjem f’qalb u f’fomm Dun Mikiel, u din il-fidi mexxietu tul ħajtu kollha.

Imma fl-istess waqt, Dun Mikiel għaraf ukoll li l-viżjoni tas-sema mhijiex aljenazzjoni – ma tħalliniex inħarsu ċċassati lejn is-sema b’idejna marbuta u nieqfu hemm – imma, il-kontra, hi xprun biex hawn, fuq din l-art naħdmu b’entużjażmu u kuljum biex ngħixu l-kelma ta’ Alla u nwasslu l-imħabba tiegħu. Għaraf li l-missjoni tagħna hi hawn, f’din id-dinja. Hawn imsejħin biex nimpenjaw ruħna f’azzjoni Kattolika. Hawn imsejħin biex naħdmu għall-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem u nibdlu s-soċjetà għall-aħjar.

Kien dan l-impenn sħiħ ta’ Dun Mikiel li wera ruħu fl-imħabba tiegħu lejn dawk emarġinati, bla vuċi, moħbija u għalhekk minsija minn ħafna nies. Hu għaraf li iktar ma bniedem hu dgħajjef, iktar jeħtieġ appoġġ u għajnuna. Ried li s-soċjetà Maltija tagħraf id-dinjità ta’ kull bniedem, u għalhekk tal-persuni b’diżabilità wkoll. Dan kien il-mod sabiħ li bih għex din il-mixja lejn is-sema pajjiżna.

Dan hu messaġġ importanti li Mons. Azzopardi jagħti lilna lkoll miġbura hawn. Ifakkarna li aħna maħluqin biex fl-aħħar tal-mixja tagħna f’din id-dinja ningħaqdu għal dejjem ma’ Alla li hu mħabba. Ifakkarna wkoll li din il-viżjoni lilna timliena b’enerġija biex hawn, f’din il-ħajja, kull wieħed u waħda skont is-sejħa li jagħmlilna l-Mulej, nagħtu kontribut siewi lis-soċjetà.

Il-messaġġ ta’ Dun Mikiel hu tassew attwali meta jfakkarna li l-ħajja umana rridu ngħożżuha. Quddiem il-ħajja umana, ma noqogħdux ngħoddu ċ-ċelloli biex naraw jistħoqqilhiex dinjità jew le, ma noqogħdux niddiskriminaw bejn min jistħoqqlu jgħix u min nistgħu nħalluh għal riħu. Il-ħajja umana hi għażiża mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, u t-tul kollu tagħha. Minna titlob rispett sħiħ.

Meta ngħixu b’dan l-ispirtu, ġa nkunu qegħdin minn issa ngħixu l-ħajja ta’ dejjem. Inkunu qed niltaqgħu ma’ Kristu hawn, hu li qal “dak kollu li għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”. Inkunu qegħdin inħallu lil Kristu bl-ispirtu tiegħu jgħallimna l-valuri veri tal-ħajja li smajna fl-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin– l-umiltà, il-ħlewwa, is-sabar, l-imħabba, is-sliem.

Grazzi, Mulej, ta’ Mons. Mikiel Azzopardi. Ħa jkun għalina dejjem ispirazzjoni kif għandna ngħixu bil-viżjoni tas-sema u b’impenn sħiħ fis-soċjetà llum.

Fr Joe Galea Curmi