Qed jitqassam id-Djarju tad-Dar tal-Providenza għas-sena 2021

Il-Maltapost bdiet tqassam id-Djarju tad-Dar tal-Providenza għas-sena 2021 f’kull dar ta’ Malta u Għawdex. Permezz ta’ dan id-djarju, li bit-tagħrif li fih jibqa’ jintuża s-sena kollha, is-sostenituri jkollhom l-opportunità li juru s-solidarjetà tagħhom mad-Dar li toffri residenza lil mija u ħmistax-il resident b’diżabilità bl-aħjar ambjent li jgħin fl-iżvilupp tagħhom. Impenn mhux żgħir minħabba l-pandemija tal-COVID-19 li ħakmet lid-dinja u mhux l-inqas lil Malta.

Bħal fis-snin l-imgħoddija, id-djarju fih il-ħinijiet tal-quddies kollu tal-Ħdud u ta’ matul il-ġimgħa fil-knejjes u kappelli kollha ta’ Malta u Għawdex u kalendarju dettaljat. Fih ukoll il-lista tal-festi parrokkjali kollha fiż-żewġ gżejjer għas-sena ddieħla. Ir-ritratt bil-kulur tas-Salib tal-Għolja li hemm fuq il-faċċata ta’ quddiem huwa ta’ Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza.

Dawk li fit-triq tagħhom tqassam id-djarju imma lilhom ma waslilhomx huma ġentilment mitluba li jċemplu lir-Reception tad-Dar fuq 21462844 jew b’imejl fuq info@dartalprovidenza.org.

GasanMamo Insurance u MAPFRE MSV Life sponsorjaw l-istampar tad-djarju waqt li l-Maltapost reġgħet ġentilment aċċettat li tqassam id-djarji mingħajr ħlas fid-djar kollha.

“Id-Dar tal-Providenza monument tal-ħniena”

Waqt quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla f’għeluq il-55 Anniversarju tat-twaqqif tad-Dar tal-Providenza, Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna ddeskriva d-Dar bħala “monument tal-ħniena”. Huwa żied jgħid li meta Dun Mikiel, il-fundatur tagħha, laqa’ l-ewwel residenti fid-Dar tas-Siġġiewi laqagħhom b’ħarsa ta’ ħniena mhux għax imsieken imma għax ried li l-għożża li d-Dar dejjem ikollha lejn ir-residenti tagħha tkun mera tal-għożża li Alla għandu lejn il-bniedem.

Kien propju fit-12 ta’ Settembru 1965 meta Dun Mikiel, kien qasam mas-semmiegħa tiegħu fuq programm li kellu fuq ir-Rediffusion ix-xewqa tiegħu li jiftaħ l-ewwel dar residenzjali f’Malta għall-persuni b’diżabilità. Wara l-programm waħda mara marret issibu u tagħtu l-ewwel donazzjoni biex jibda jirrealizza b’mod konkret din il-ħolma kif fil-fatt għamel. Dun Mikiel dejjem żamm din id-data bħala Jum it-twaqqif tad-Dar tal-Providenza li mbagħad fetħet il-bibien tagħha fil-11 ta’ Frar 1968.
Dan l-anniversarju, ta’ ħamsa u ħamsin sena ta’ ħidma b’sens qawwi ta’ mħabba, dedikazzjoni u servizz lil persuni b’diżabilità li tul dawn is-snin kellhom bżonn servizz residenzjali, kien imfakkar il-Ħadd, 13 tax-xahar b’quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza li kienet iċċelebrata mill-Arċisqof Scicluna megħjun minn Fr Trevor Fairclough u Fr Lino Cardona SJ.

L-Arċisqof irringrazzja lill-President ta’ Malta, Dr George Vella u s-Sinjura Vella għall-preżenza u s-solidarjetà tagħhom kif ukoll għall-appoġġ li l-Istat jagħti għall-għaqdiet li jeħtieġuh. Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità, s-Sinjura Marija Deguara, Kelliem għall-Oppożizzjoni għall-Persuni b’Diżabilità u l-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, Dr John M. Cachia.

Imma dan il-55 Anniversarju żgur li se jibqa’ miftakar minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija li ħakmet lil Malta u lid-dinja. COVID-19 kien u għadu ta’ piż kbir fuq ir-riżorsi kemm umani kif ukoll finanzjarji tad-Dar. Biex jiġu salvagwardjati s-sikurezza u l-benesseri tar-residenti kif ukoll tal-ħaddiema, id-Dar osservat u ħaddmet il-protokolli kollha adottati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Residenti, qraba u ħaddiema kellhom jadattaw ruħhom għal arranġamenti ta’ sigurtà li ddaħħlu f’diversi miżuri sa minn Marzu li għadda. Fi tmiem il-quddiesa, l-Arċisqof appella biex f’dawn iż-żminijiet diffiċli tal-pandemija kull min jista’ għandu jgħin finanzjarjament lil ħafna organizzazzjonijiet li hawn, fosthom id-Dar tal-Providenza u l-Community Chest Fund.

L-għan tad-Dar tal-Providenza minn dejjem kien li toffri ambjent familjari għall-persuni b’diżabilità li għal xi raġuni jew oħra ma setgħux jibqgħu jgħixu mal-familja tagħhom. Tul is-snin, dan is-servizz li jħares ir-rispett, id-dinjità u d-drittijiet tagħhom ma setax ikun possibbli mingħajr l-appoġġ sħiħ li ma qata’ qatt tal-Maltin u l-Għawdxin kollha permezz ta’ għajnuna kemm volontarja kif ukoll finanzjarja.

Illum, ħamsa w ħamsin sena wara, id-Dar tal-Providenza tiġbor fiha tliet residenzi: Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni u Villa Papa Luciani kif ukoll erbat idjar żgħar oħra fil-komunitajiet tas-Siġġiewi, l-Qawra, Birkirkara u ż-Żurrieq waqt li dar oħra fil-Balluta qed tistenna li tiġi nawgurata fix-xhur li ġejjin. Bħalissa, fis-seba’ residenzi, jgħixu mija u ħmistax-il persuna, kollha b’diversi forom ta’ diżabilità, b’etajiet li jvarjaw bejn it-tmien snin u ‘l fuq minn tmenin sena. Id-Dar toffri wkoll servizzi ta’ respite fuq bażi regolari. L-ispejjeż tad-Dar ilaħħqu madwar il-ħames miljun ewro fis-sena.

Il-Kurja tipprepara 20,000 djarju b’risq id-Dar tal-Providenza

50 impjegat mil-Kurja tal-Arċisqof il-bieraħ ppreparaw madwar 20,000 djarju li se jitqassmu ma’ eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin bħala għan volontarju lid-Dar tal-Providenza.

Fi stqarrija, il-Kurja ddeskriviet li din l-attività serviet bħala parti mir-responsabbiltà soċjali tagħha.

Dr Rebecca Gatt, Maniġer tat-Taqsima Riżorsi Umani tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, qalet li l-pandemija COVID-19 ma waqqfitx lill-impjegati tal-Kurja milli jgħinu lill-persuni fil-bżonn. Spjegat li minbarra l-għajnuna fil-preparazzjoni tad-djarji, inġabret ukoll is-somma ta’ aktar minn €800 b’risq id-Dar tal-Providenza li toffri residenza lil 115-il resident.

L-attività ġiet organizzata bl-għajnuna ta’ APS Bank, Banif Bank, Farsons Direct, La Ciliega Caterers u MVintage.

L-Eden Leisure Group b’solidarjetà mad-Dar tal-Providenza

Kull xahar, impjegati tal-Eden Leisure Group jagħtu parti mis-salarju tagħhom lid-Dar tal-Providenza li, kif jaf kulħadd, għal dawn l-aħħar 55 sena (Id-Dar tfakkar il-55 Anniversarju tat-twaqqif tagħha fit-13 ta’ Settembru) kienet u tibqa’ tiddependi mid-donazzjonijiet tal-benefatturi tagħha u mill-poplu ta’ Malta w Għawdex biex tkun tista’ twettaq il-ħidma tagħha.

B’rabta mal-Jum Dinji għall-Karità, is-CEO tal-Eden Leisure Group, Simon De Cesare ippreżenta ċekk lil Dr George Grech, it-tabib tad-Dar u Ms Remona Cuschieri, Services Coordinator tad-Dar.

L-Eden Leisure Group jinkoraġġixxi l-impjegati tiegħu kif ukoll ta’ kumpaniji oħra biex jagħmlu parti minn din l-inizjattiva. Kif ngħidu bil-Malti kull qatra tgħin.
Kumpaniji interessati jistgħu jiksbu aktar informazzjoni dwar din l-iskema permezz ta’ imejl fuq info@dartalprovidenza.org jew billi jċemplu fuq 2146 2844.
Impjegati li jixtiequ jidħlu f’din l-iskema għandhom jikkunttajaw l-HR Manager tal- kumpanija tagħhom. Jekk il-kumpanija tagħhom mhix diġà parti minn din l-iskema huma għandhom jinkoraġġixxu lil min iħaddimhom biex jagħmel dan.