€32,441 għad-Dar tal-Providenza minn103 Malta’s Heart

Somma rekord ta €32,441 nġabret b’risq id-Dar tal-Providenza matul maratona ta’ 30 siegħa mużika fuq 103 Malta’s Heart. Is-somma finali, li tħabbret minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, qabżet sew dik ta’ €12,710 li nġabret is-sena ta’ qabel.

Il-maratona bdiet fis-6.00am tal-Erbgħa, 30 ta’ Diċembru u tmexxiet minn Arthur Caruana akkumpanjat minn żewġ preżentaturi magħrufin Ron Briffa u Ian Busuttil Naudi u minn Jes Saliba.

F’diversi waqtiet tal-maratona mużikali saru messaġġi ta’ appoħħ u appelli għall-ġbir ta’ fondi tant meħtieġa. Fosthom kien hemm Mons Arċisqof Charles J. Scicluna, L-Isqof t’Għawdex Anton Teuma, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci u Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar.

Arthur u sħabu esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għal din il-wirja ta’ solidarjetà speċjalment f’sena ddominata mill-pandemijia.

Maratona Mużikali ta’ 30 siegħa fuq 103 Malta’s Heart għad- Dar tal-Providenza

Mis-sitta ta’ dalgħodu Arthur Caruana, Ian Busuttil Naudi u Ron Briffa bdew jippreżentaw maratona ta’ 30 siegħa mużika fuq 103 Malta’s Heart b’risq id-Dar tal-Providenza.

Tul it-30 siegħa, Arthur, Ian u Ron se jpaxxu bil-mużika s-semmiegħa ta’ 103 Malta’s Heart waqt li bosta mużiċisti u personalitajiet fosthom l-Isqfijiet Maltin se jingħaqdu magħhom virtwalment minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Tista’ tgħin b’diversi modi:

· Isma’ 103 Malta’s Heart f’xandira diuretta fuq 103.mt/103-player · Donazzjoni fuq https://www.dartalprovidenza.org/make-a-donation

· Ċempel fuq 5160 2012 u agħmel donazzjoni ta’ €10 (VO 1066)

· Ċempel fuq 5180 2014 u agħmel donazzjoni ta’ €25 (VO 1066)

· Ibgħat SMS fuq 5061 8922 biex tagħmel donazzjoni ta’ €7 (VO 1066)

Is-sena l-oħra, Arthur ippreżenta maratona oħra ta’ 30 siegħa li minha nġabru kważi €13,000 għad-Dar tal-Providenza.

Kontribuzzjoni Finanzjarja minn Lidl Malta

Id-Dar tal-Providenza flimkien ma’ Caritas Malta u Hospice Malta bejniethom irċevew kontribuzzjoni finanzjarja ta’ aktar minn €10,000 mingħand Lidl Malta. Barra minn hekk, il-Kumpanija għamlet donazzjoni oħra ta’ b’kemm jiswew €6,000 fi prodotti li ngħataw lil żewġ entitajiet oħra: Il-Malta Food Bank Foundation u l-Victory Kitchen.

Lidl Malta, waħda mill-kumpaniji ewlenin fil-qasam tar-retail fil-gżejjer Maltin, iddeċidiet li tagħti l-baġit annwali tagħha għall-organizzazzjoni t’attivitajiet festivi fi żmien il-Milied għall-impjegati tagħha lill-organizzazzjonijiet tal-karità nkluża d-Dar tal-Providenza. Kienu l-ħaddiema stess li għażlu liema entitajiet jingħataw donazzjoni.

“Il-ħaddiema kollha u volontier tad-Dar tal-Providenza jingħataw il-Premju Dun Mikiel Azzopardi fis-sena tal-pandemija”

Il-ħaddiema kollha u l-volontier Gordon Hewitt tad-Dar tal-Providenza ngħataw il-Premju Dun Mikiel Azzopardi f’din is-sena tal-pandemija.

F’ċerimonja qasira fil-Kurja fil-Furjana, l-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna ippreżenta l-Premju lil Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar, u lil Marieanne Abdilla u Rebecca Theuma li kienu qed jirrappreżentaw il-ħaddiema kollha. Mons. Arċisqof irringrazzja lill-ħaddiema għall-ħidma siewja tagħhom mar-residenti tad-Dar. Huwa sab ħin ċempel lill-volontier Gordon Hewitt li qiegħed fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule u feraħlu wkoll. Gordon emozzjona ruħhu ħafna bit-telefonata tal-Arċisqof. Aktar tard huwa ngħata l-premju minn Fr Ivan Scicluna, kappillan tar-Residenza San Vinċenz.

Il-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza, ilaħħqu ftit inqas minn 300 ruħ. Dawn il-ħaddiema huma mqassmin f’Villa Monsinjur Gonzi, f’Villa Papa Giovanni u f’Villa Papa Luċjani fis-Siġġiewi kif ukoll fid-djar fil-komunitajiet tas-Siġġiewi, l-Qawra, Birkirkara u ż-Żurrieq.

Il-Ħaddiema tad-Dar tal-Providenza jingħataw il-Premju Dun Mikiel Azzopardi 2020

Din is-sena, kif inhu xieraq, il-Premju Dun Mikiel Azzopardi se jingħata lill-ħaddiema kollha tad-Dar tal-Providenza b’ħajr u rikonoxximent għall-ħidma ddedikata u straordinarja tagħhom matul dawn ix-xhur iebsin tal-pandemija Covid 19 biex iżommu lir-residenti u lill-kollegi tagħhom ħielsa minn dan il-virus.

Il-Premju Dun Mikiel Azzopardi, li tnieda fl-1995, jirrikonoxxi x-xogħol li jsir minn individwi u gruppi biex jiġu megħjuna persuni b’diżabilità, kif ukoll juri apprezzament lejn dawk li jagħtu appoġġ volontarju għax-xogħol li jsir fid-Dar tal-Providenza.

Għall-ħaddiema kollha tad-Dar tal-Providenza, is-sena 2020 ma kinetx waħda normali u lanqas faċli anzi kienet sena mimlija sfidi kbar li ġabet magħha l-pandemija. Min kien jobsor li sena li bdejniha bil-Festa ta’ Ġenerożità fl-ewwel ta’ Jannar kellha tinbidel f’sena ta’ virus kiefer tant qerriedi. Din kienet tassew sena ta’ sfidi kbar imma sena li uriet il-qalb kbira, id-determinazzjoni, id-dedikazzjoni, il-kreattività u l-ħidma sfieqa tal-ħaddiema tad-Dar. Dawn kienu, għadhom u jibqgħu il-frontliners tad-Dar tal-Providenza u kulħadd jibqa’ jafulhom.

Minn meta feġġet fostna din il-pandemija, l-Amministrazzjoni tad-Dar mill-ewwel ħejjiet u implimentat miżuri ta’ kontinġenza bi ftehim mal-Awtorità tal-Ħarsien u l-Kura Soċjali (SCSA) u l-Awtoritajiet tas-Saħħa biex tkun imħarsa sigurtà tas-saħħa kemm tar-residenti kif ukoll tal-ħaddiema kollha tad-Dar. Kemm fl-ewwel shutdown li kellna mid-9 ta’ Marzu sal-aħħar ta’ Mejju kif ukoll fl-hekk imsejjħa tieni mewġa, il-ħaddiema tagħna mingħajr eċċezzjoni għamlu l-almu tagħhom kollu biex jimxu ma’ dawn il-miżuri anke jekk ħafna drabi dan kien ifisser sagrifiċċju personali iktar min normal. Grazzi għar-rieda tajba u l-koperazjoni tal-ħaddiema anke f’mumenti ta’ tħassib il-moħħ, biża u nċertezzi, il-ħidma baqgħet għaddejja għal ġid ta’ kulħadd. Ma naqsitx ukoll il-kreattivita tal-ħaddiema li ħolqu attivitajiet ġodda għar-residenti li minħabba l-pandemija l-ħruġ għal attivitajiet fil-komunità ġie ristrett. Sar ukoll sforz biex ir-residenti jibqgħu f’kuntatt kontinwi mal-familjari b’użu tal-teknoloġija.

Il-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza li huma ftit inqas minn 300 ruħ jinkludu l-ħaddiema tal-amministrazzjoni, is-sapport workers, id-domestic staff, tas-sigurta u t-trasport, tal-maintaince, tal-laundry, il-ħajjatin, l-Ability Promoters, il-professjonisti u tal-istores. Dawn il-ħaddiema jaħdmu f’Villa Monsinjur Gonzi, f’Villa Papa Giovanni u f’Villa Papa Luċjani fis-Siġġiewi kif ukoll fid-djar fil-komunita fis-Siġġiewi, fiż-Żurrieq, fil-Qawra u f’Birkirkara.

Lil dawn il-ħaddiema kollha ngħidulkom grazzi mill-qalb u ċerti li l-Providenza Divina tħallaskom għal aktar minn mitt darba.

Gordon Hewitt, Voluntier fid-Dar tal-Providenza u rebbieħ tal-Premju Dun Mikiel Azzopardi 2020

Gordon Hewitt, twieled fis-16 ta’ Ġunju 1947 u trabba f’Malta fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet, ma’ missieru li kien fl-Armata Ngliża u ommu Maltija. Wara li reġgħu marru lura r-Renju Unit, Gordon ħa l-edukazzjoni tiegħu l-ewwel f’St. George’s College immexxi minn qassisin kattoliċi u wara fil-kulleġġ Universitarju Kattoliku ta’ St. Mary’s.

Meta ggradwa fl-1970 huwa reġa’ lura St George’s College fejn kien jgħallem il-ġeografija, u l-isport tal-Cricket u r-Rugby. Dawn iż-żewġ dixxiplini sportivi baqgħu fih tant li Gordon kien Cricketer tal-ogħla livell kif ukoll referee internazzjonali tar-Rugby Union.

Wara dsatax-il sena, fl-1989 Gordon kellu jirtira kmieni biex jieħu ħsieb lil ommu Sylvia li kienet marida serjament.

Wara l-mewt tagħha, fl-1994 Gordon iżżewwġ lil Angie Aronica u fis-sena 2000 ġew joqogħdu f’Malta fir-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ. Meta ssetilljaw, Gordon u Angie bdew bil-ħidma volontarja tagħhom fid-Dar tal-Providenza li kienu jsejjħu “t-tieni dar tagħhom”. Huma kienu jattendu ħamest ijiem fil-ġimgħa u kienu jirreferu għaliha bħala “l-aktar post kuntent f’Malta fejn kulħadd jitbissem.” Sfortunatament, martu Angie mietet ta’ età żgħira, madankollu Gordon baqa’ bħala voluntier fid-Dar tal-Providenza jaħdem fil-qrib mar-residenti tad-dar b’impenn kostanti sakemm saħtu ippermettietlu.

Ħafna mix-xogħol tas-Sur Hewitt kien li kuljum joħroġ dawra ma’ xi residenti fil-ġonna tad-Dar tal-Providenza kif ukoll li jagħti s-sehem tiegħu f’diversi attivatijet li jsiru għar-residenti kemm fid-Dar kif ukoll barra mid-Dar. Insemmu b’mod speċjali l-involviment tiegħu fl-attivitajiet tad-drama u l-attivitajiet prinċipali ta’ matul is-sena. L-aħħar drama li ħadem mar-residenti kien “il-Presepju tan-Nannu” li ttella’ fl-Istitut Kattoliku, il-Floriana sena ilu. Is-Sur Hewit kien ukoll dak li ssuġġerixxa l-isem San Isidor għaċ-Ċentru Agrikolu fid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi fejn matul il-ġimgħa residenti jippriservaw prodotti aromatiċi li mbagħad jinbiegħu lill-pubbliku. Kull sena hu jieħu ħsieb li ssir quddiesa fil-kappella tad-Dar fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Isidor prottettur tal-biedja fejn ikunu mistiedna u jipparteċipaw ir-residenti li jaħdmu fl-istess Ċentru.

Gordon jgħid li l-isbaħ rigal li tista’ tagħti lil ħaddieħor hu li tagħti lil dak li jkun mill-ħin tiegħek. Dan hu dak li kien jagħmel Gordon mar-residenti tad-Dar tal-Providenza sakemm sa ftit xhur ilu saħtu ippermettietlu. Huwa ħoloq rapport sabiħ ta’ ħbiberija sinċiera ma’ ħafna persuni b’diżabilità li żgur jibqgħu japprezzaw ħajjithom kollha.

Gordon kien ukoll jagħti għajnuna voluntarja lir-refuġjati fi ħdan il-Laboratorju tal-Paċi, Ħal Far.

Il-Komunità Ahmadiyya f’Malta żżur id-Dar tal-Providenza

Rappreżentanti tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana f’Malta żaru d-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi u taw hampers għar-residenti u membri tal-istaff tad-Dar fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità u tal-istaġun tal-festi li dalwaqt magħna.

L-Imam Laiq Ahmed Atif, il-President tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana f’Malta, flimkien ma’ Haroon Ahmad Khan, mexxej taż-żgħażagħ, ippreżentaw il-hampers lil Ms. Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar tal-Providenza.

Laiq Ahmed Atif qal: “Aħna nemmnu li l-qadi fil-komunità huwa kawża nobbli. Il-qadi fil-komunità huwa fih innifsu forma ta’ qima lil Alla l-Ħanin.”

F’isem ir-residenti tad-Dar, Ms. Camilleri Cassano irringrazzjat lill-Komunità Ahmadiyya Musulmana għal dan il-ġest sabiħ ta’ solidarjetà. Tagħthom ukoll tagħrif dwar is-servizzi li d-Dar tipprovdi fir-residenza f’sena li kienet u għadha tassew diffiċli minħabba l-pandemija Covid-19.

Fr Martin Micallef & Anġela Agius fost ir-rebbieħa tal-Premju Soċjetà Ġusta 2020

Kumpanija kummerċjali u ħames persuni, fosthom Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, u Anġela Agius, persuna nieqsa mis-smigħ li titkellem f’isem persuni oħra b’diżabiltajiet, ingħataw il-Premju Soċjetà Ġusta għal din is-sena.

Dawk li ngħataw għarfien għall-ħidma tagħhom fis-settur tad-diżabilità huma:

· Marchita Magiafico għall-hidma tagħha fit-tisħieħ tad-Drittijiet tal-Persuni b’diżabilità;

· Jake Vella għas-sehem attiv tiegħu fl-iSport, l-Arti u l-Kultura;

· Anġela Agius ingħatat il-Premju Soċjetà Ġusta 2020;

· Il-kumpanija Ecabs għall-post tax-xogħol li jħaddan l-inklużjoni;

· Fr Martin Micallef għall-impenn tul ħajtu lis-settur tad-diżabilità.

Dr George Grech jingħata l-Premju Nazzjonali għas-Servizz Volontarju 2020

It-Tabib George Grech ingħata l-Premju Nazzjonali għas-Servizz Volontarju 2020.Għal aktar minn 15-il sena, Dr Grech ta s-servizz ta’ kura medika mingħajr ħlas lir-residenti tad-Dar tal-Providenza u kien ukoll il-moħħ wara l-pixxina terapewtika li hemm fid-Dar.

F’isem ir-residenti, l-Management, Support Workers u Carers, ħaddiema u voluntiera, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, feraħ lil Dr Grech li ngħata l-premju li jixraqlu li huwa żgur unur kbir għalih kif ukoll għad-Dar tal-Providenza li hija tant għal qalbu.

Dan il-Premju Nazzjonali jirrikonoxxi s-servizzi ta’ voluntiera u organizzazzjonijiet volontarji fi ħdan il-komunità, joħloq għarfien ta’ valuri eżemplari u jidentifika mudelli għaż-żgħażagħ u s-soċjetà u fl-istess waqt jirrikonoxxi wkoll il-kontribuzzjonijiet importanti f’diversi setturi.

Il-Papa Franġisku fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità

Messaġġ mill-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità illum, it-3 ta’ Diċembru 2020, u li din is-sena għandha bħala t-tema tagħha: Nibnu aħjar mill-ġdid: Lejn dinja inklussiva, aċċessibli u sostenibbli għall-persuni b’diżabilità wara l-Covid-19.

Għeżież ħuti!

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità, din is-sena, hija opportunità biex nesprimi l-viċinanza tiegħi ma’ dawk kollha li qed jesperjenzaw diffikultajiet partikolari f’dan iż-żmien ta’ kriżi minħabba l-pandemija. Ninsabu llkoll fl-istess dagħjsa f’nofs il-baħar imqalleb li jaf ibeżżgħana; imma f’din id-dgħajsa hemm min ikollu jitħabat aktar u fost dawn hemm il-persuni diżabilità.

It-tema ta’ din is-sena hija “Nibnu aħjar mill-ġdid: Lejn dinja inklussiva, aċċessibli u sostenibbli għall-persuni b’diżabilità wara l-Covid-19.” Tolqotni ħafna l-espressjoni “nibnu aħjar mill-ġdid”. Din iġġgħelna naħsbu fil-parabbola tad-dar mibnija fuq il-blat jew fuq ir-ramel li nsibu fil-Vanġelu (Ara Mt. 7: 24-27; Lq 6: 47-49). Għaldaqstant nieħu din l-opportunità prezzjuża biex naqsam magħkom ftit riflessjonjiet billi nibda minn din il-parabbola.

1. It-theddida tal-kultura tar-rimi

Fl-ewwel ħaġa, “ix-xita,” “ix-xmajjar” u “l-irwiefen” li jheddu d-dar jistgħu jiġu identifikati mal-kultura tar-rimi li hija tant mifruxa fi żmienna. (Ara. Eżortazzjoni Appostolika: Evangelii Gaudium [EG], 53). Għal din il-kultura, “ċerti partijiet mill-umanità huma miftuħa għall-benefiċċju tal-ftit li jiffavorixxu settur tal-poplu li jistħoqlu jgħix mingħajr limiti. Fuq kollox, in-nies m’humiex aktar meqjusa bħala valur primarju li għandu jiġi rrispettat u protett, b’mod speċjali jekk huma foqra jew b’diżabilità.” (Enċiklika. Fratelli tutti [FT] , 18).

Din il-kultura tolqot b’mod speċjali kategoriji l-aktar fraġli fosthom il-persuni b’diżabilità. F’dawn l-aħħar ħamsin sena, ittieħdu diversi miżuri mportanti fuq livell ta’ realtajiet ċivili u eklesjastiċi. L-għarfien dwar id-dinjità kiber u dan wassal għal għażliet kuraġġjużi għall-inklużjoni ta’ dawk li jesperjenzaw limitazzjonijiet fiżiċi jew psikoloġiċi. Madankollu, fuq livell kulturali għad hemm wisq fatturi li fil-fatt jikkontradixxu dan l-orjentament.

Hemm attitudnijiet li jeskludu li, anke minħabba l-mentalità narċisista u utilitarja, jwasslu li dak li jkun jitwarrab mingħajr ma nikkunsidraw li l-fraġilità tappartjeni lil kulħadd. Fir-realtà, hemm persuni b’diżabilità severa li anke jekk b’diffikultà, sabu t-triq ta’ ħajja tajba u mimlija sinifikat bħalma hemm ukoll ħafna persuni li m’għandhomx diżabilità li qatt ma huma kuntenti jew kultant ikunu ddisprati. “Il-vulnerabilità tappartjeni għall-essenza tal-bniedem.” (Ara. Indirizz fil-Konferenza “Il-Katekeżi u l-Persuni b’Diżabilità” , Il-21 ta’ Ottubru 2017).

Għalhekk huwa mportanti, b’mod speċjali f’dan il-Jum, li nippromovu l-kultura tal-ħajja li kontinwament tafferma d-dinjità ta’ kull persuna, b’mod speċjali bħala protezzjoni għal irġiel u nisa ta’ kull żmien u kundizzjonijiet soċjali.

2. Il-“blata” tal-inklużjoni

Il-pandemija li qed nisperjenzaw uriet aktar biċ-ċar in-nuqqasijiet u l-inugwaljanzi li jikkaraterizzaw żminijietna, speċjalment għad-detriment ta’ dawk l-aktar fraġli. “Il-virus, waqt li ma jagħmel l-ebda eċċezzjoni ma’ ħadd, sab fil-mixja qerrieda tiegħu, inugwaljanzi kbar u diskriminazzjoni. U l-virus kompla żiedhom.” (Katekeżi fl-Udjenza Ġenerali tad-19 t’Awwissu 2020).

Għal din ir-raġuni, l-ewwel “blata” li fuqha għandna nibnu darna hija l-inklużjoni. Minkejja li din it-terminoloġija hija xi drabi abbużata, il-parabbola tal-Vanġelu dwar is-Samaritan it-Tajjeb (Luqa 10: 25-37) hija dejjem relevanti. Fil-fatt, fil-mixja tal-ħajja, ta’ sikwit niltaqgħu ma’ dik il-persuna miġruħa, li kultant terfa’ fuqha karatteritiċi ta’ diżabiltà u fraġilità. “L-inklużjoni jew l-esklużjoni li jbatu mat-triq jiddefenixxi l-proġetti kollha ekonomiċi, politiċi, soċjali u reliġjużi. Kull jum li jgħaddi niġu ffaċċjati bl-għażla li nkunu Samaritani tajba jew passeġġanti ndifferenti li jżommu d-distanza.” (FT,69)

L-inklużjoni għandha tkun “il-blata” fuqhiex għandna nibnu il-programmi u l-inizjattivi ta’ istituzzjonijiet ċivili biex ħadd, speċjalment dawk li l-aktar qegħdin f’diffikultajiet, ma jitħalla barra. Is-saħħa ta’ katina tiddependi fuq l-għożża li tingħata lil ħoloq tal-katina l-aktar dgħajfa.

Fejn jidħlu istituzzjonijiet ekkleżjali, nerġa’ ntenni l-ħtieġa li nippreparaw għodda adatti u aċċessibbli għat-trasmissjoni tal-fidi. Nittama wkoll li dawn

jitpoġġew għad-dispożizzjoni ta’ dawk li jeħtieġuhom kemm jista’ jkun bla piż ta’ xejn, anke permezz ta’ teknoloġiji ġodda, li urew kemm huma mportanti għal kulħadd f’dan il-perjodu ta’ pandemija.

Bl-istess mod, ninkoraġġixxi formazzjoni ordinarja għal saċerdoti, seminaristi, reliġjużi u operaturi pastorali, li tiffavorixxi relazzjoni mad-diżabiltà u l-għodda inklużivi pastorali. Komunitajiet parrokkjali huma kommessi li jgħini l-fidili jikbru fil-mod kif jilqgħu persuni b’diżabilità. Il-ħolqien ta’ parroċċa aċċessibbli għal kollox teħtieġ mhux biss it-tneħħija ta’ barrieri arkitettoniċi, imma aktar minn hekk atitudnijiet u azzjonijiet ta’ solidarjetà u servizz, mill-parti tal-parruċċani, lejn persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. L-għan hu li ma nitkellmux iżjed fuq “huma” imma biss fuq “aħna”.

3. Il-“blata” ta’ parteċipazzjoni attiva

Biex ‘nerġgħu nibnu” s-soċjetà tagħna aħjar, l-inklużjoni ta’ dawk l-aktar fraġli teħtieġ tinkludi wkoll il-promozzjoni tal-parteċipazzjni attiva tagħhom. L-ewwelnet, nafferma bil-qawwa kollha d-dritt ta’ persuni b’diżabilità li jirċievu s-sagramenti bħal kull membru ieħor tal-Knisja. Iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi kollha tal-parroċċa għandhom ikunu aċċessibbli biex kulħadd, flimkien mal-aħwa, jistgħu jikbru, jiċċelebraw u jgħixu l-fidi tagħhom. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil persuni b’diżabilità li għadhom ma rċevewx is-sagramenti tal-inizjazzjoni Nisranija: huma jistgħu jiġu aċċettati u nklużi fil-proċess kateketiku bi tħejjija għal dawn is-sagramenti. Il-grazzja li jġibu magħhom dawn is-sagramenti m’għandha tkun eskluża lil ħadd.

“Bis-saħħa tal-Magħmudija li jirċievi, kull membru tal-poplu ta’ Alla sar dixxiplu missjunarju. Kull persuna mgħammda, hi x’inhi l-funzjoni tagħha fil-Knisja jew il-livell ta’ tagħlim tal-fidi tagħha, huwa suġġett attiv ta’ evanġelizzazzjoni.” (EG, 120). Għaldaqstant, anke persuni b’diżabbiltà, fis-soċjetà kif ukoll fil-Knisja, jitolbu li jsiru parteċipanti attivi fil-kura pastorali u mhux sempliċiment riċevituri. “Bosta persuni b’diżabbiltà jħossu li jeżistu mingħajr ma jappartjenu jew jipparteċipaw. Għad baqa’ bosta affarijiet li jipprevenhom minn ċittadinanza sħiħa. L-għan huwa mhux biss li nassisstuhom, imma li jkollhom parteċipazzjoni sħiħa fil-komunità ċivili u ekkleżjastika. Dan huwa vjaġġ esiġenti imma wkoll li jgħajjik, li jikkontribwixxi aktar u aktar fil-formazzjoni ta’ kuxjenzi li kapaċi

jagħrfu lil kulħadd bħala persuna unika u irrepetibbli” (FT, 98). Fil-fatt, il-parteċipazzjoni attiva fil-katekeżi ma’ persuni b’diżabbiltà tikkostitwixxi rikkezza tal-għaġeb għall-ħajja tal-parroċċa . Fil-fatt, imwaħħdin ma’ Kristu fil-Magħmudija, jaqsmu miegħu, fil-kundizzjoni partikolari tagħhom, il-ministeru saċerdotali, profetiku u rjali, fl-evanġelizzazzjoni permezz tal-Knisja, mal-Knisja u fil-Knisja.

Għaldaqstant, anke l-preżenza ta’ persuni b’diżabilità fost il-katekisti, dejjem skont l-abbiltajiet tagħhom, tirrapreżenta riżorsa għall-komunità. F’dan is-sens, il-formazzjoni għandha tiġi nkoraġġita, biex ikunu jistgħu jiksbu tħejjija aktar avvanzata anke fl-oqsma tat-teoloġija u tal-katekeżi. Nittama li aktar u aktar, f’komunitajiet parrokkjali, persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu isiru katekisti, biex jittrasmettu l-fidi b’mod effettiv, anke bix- xhieda tagħhom stess (Ara: Diskors fil-Konferenza “Katekeżi u persuni b’diżabbiltà”, Il-21 ta’ Ottubru 2017)

“Agħar minn din il-kriżi, hemm biss it-traġedja li naħluha” (Omelija fis-Solennità ta’ Pentekost, 31 ta’ Mejju 2020). Għal dan, ninkoraġġixxi lil dawk li, kuljum u sikwit fis-silenzju, jaħdmu favur ta’ sitwazzjonijiet ta’ fraġilità u diżabilità. J’Alla r-rieda komuni li “nerġgħu nibnu aħjar” tqajjem sinerġiji bejn organizzazzjonijiet kemm ċivili kif ukoll ekkleżjastiċi, biex jibnu, kontra kull maltemp, “dar” solida li kapaċi tilqa’ wkoll fiha persuni b’diżabilità, għax tkun mibnija fuq il-blata ta’ inklużjoni u parteċipazzjoni attiva.

Ruma, San Giovanni fil-Lateran, it-3 ta’ Diċembru 2020.

Festa oħra ta’ Ġenerożità mad-Dar tal-Providenza fl-Ewwel ta’ Jannar

Ingħataw dettalji tal-ħamsa w għoxrin edizzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità li ssir fl-Ewwel ta’ Jannar ta’ kull sena organizzata mid-Dar tal-Providenza, li din is-sena qed tfakkar il-55 Anniversarju tat-twaqqif tagħha, biex jinġabru fondi ħalli d-Dar tas-Siġġiewi tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha u ssaħħaħa. Id-dettalji ingħataw mis-Sinjura Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar, u s-Sur Jesmond Saliba, membru tal-Bord tad-Dar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu (It-Tlieta, 1 ta’ Diċembru).

Din is-sena, l-Festa ta’ Ġenerożità se ssir b’mod differenti mis-soltu imma għandha mportanza wisq aktar minn qatt qabel. Biex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa u s-sigurtà ta’ kulħadd u biex jiġu obduti d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa din is-sena t-trasmissjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità ser issir fl-istudios ta’ We f’Ħal Qormi fejn hemm ikunu jistgħu jidħlu biss dawk li se jkunu qed iwieġbu t-telefonati u l-VIP’s mistiedna. Bħas-soltu, l-Festa ta’ Ġenerożità se tkun trasmessa fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televixin bejn nofsinhar u nofsilejl. Fid-9.30am, TVM2 jxandar il-quddiesa mill-kappella tad-Dar li se titmexxa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.

Mill-lat finanzjarju minn Marzu ta’ din is-sena kellhom jitwaqqfu l-attivitajiet kollha ta’ ġbir ta’ fondi li kienu ppjanati fosthom, pereżempju, l-maratona tal-volleyball u diversi kunċerti fost oħrajn. Ikun hemm ukoll nies li f’okkażjonjiet speċjali bħal anniversarji jew birthdays jorġanizzaw ikla jew riċeviment u jgħidu lill-mistednin li flok rigali jixtiequ donazzjonijiet għad-Dar tal-Providenza. Li ma setgħux isiru dawn l-attivitajiet fisser telf finanzjarju għad-Dar madankollu grazzi lil dawk kollha li minkejja s-sitwazzjoni xorta taw donazzjonijiet b’risq id-Dar.

Biex tkompli titjieb dejjem aktar il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u s-servizzi offruti anke biex ir-residenti jkunu nklużi u jipparteċipaw f’attivitajiet li jsiru fil-komunità, id-Dar tal-Providenza kull sena tinvesti f’riżorsi umani, xiri ta’ apparat ġdid, xogħol ta’ manutenzjoni u anke proġetti kapitali biex tkompli tiftaħ djar oħra fil-komunità. Minkejja l-limitazzjonjiet finanzjarji ta’ din is-sena, id-Dar xorta ma baqgħetx lura milli tagħmel ċertu xogħol u tieħu inizzjattivi oħra.

Id-Dar tal-Providenza kellha tidħol bla ħsieb għal spejjeż li ammontaw għal madwar €90,000 minħabba l-miżuri ta’ kontinġenza li kellhom jittieħdu biex jiġu ssalvagwardjati is-sigurtà u s-saħħa tar-residenti u l-ħaddiema. Minkejja r-restrizzjonjiet tal-pandemija din is-sena xorta saru sforzi biex il-ħajja tar-residenti tkun kemm jista’ jkun waħda pożittiva.

Fl-Ewwel ta’ Jannar, il-pubbliku li jixtieq jagħti d-donazzjoni tiegħu jista’ jċempel fuq in-numri li jkunu jidhru fuq l-iscreen tat-televixin. Dawk li jkunu jridu jagħtu pleġġ ikunu jistgħu iċemplu u jagħmlu pleġġ fuq numru apposta bl-ammont li jixtiequ. Wara jkunu jistgħu jibgħatu d-donazzjoni tagħhom online jew bil-posta.

Wieħed jista’ mill-llum stess sa l-ewwel tas-sena jibgħat id-donazzjoni tiegħu b’wieħed minn dawn il-mezzi. Fil-fatt, id-donazzjonijiet li se jidħlu mill-llum sal-ewwel tas-sena se jkunu nklużi fis-somma totali li titħabbar fi tmiem il-maratona.

€10 51602012

€15 51702013

€25 51802014

€50 51902085

SMS €7 50618922

BOV Mobile 79324834

Paypal u Kontijiet tad-Dar tal-Providenza mal-Banek ewlenin: APS Bank, BOV, HSBC, Lombark Bank, BNF Bank.

Wieħed jista’ wkoll jibgħat id-donazzjoni tiegħu permezz ta’ ċekk lid-Dar tal-Providenza, Triq Lapsi, is-Siġġiewi SGW2822.

Kif tafu, id-Dar tal-Providenza, toffri servizzi residenzjali lil 115-il persuna b’diżabilità f’ambjent li jirrisspetta d-drittijiet u d-dinjità tagħhom. Dawn il-persuni jgħixu fit-tliet residenzi fid-Dar tal-Providenza, f’’Żerniq fis-Siġġiewi, f’Akkwarell, il-Qawra, f’Dar Pirotta f’Birkirkara u f’Shalom iż-Żurrieq.

Ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi

Quddiesa kuljum fid-9.15am.

Adorazzjoni Ewkaristika kull nhar ta’ Ħamis bejn l-10.00am u t-3.00pm.

Minħabba COVID19 bħalissa l-quddiesa hija magħluqa għall-pubbliku.