Festa oħra ta’ Ġenerożità mad-Dar tal-Providenza fl-Ewwel ta’ Jannar
Ingħataw dettalji tal-ħamsa w għoxrin edizzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità li ssir fl-Ewwel ta’ Jannar ta’ kull sena organizzata mid-Dar tal-Providenza, li din is-sena qed tfakkar il-55 Anniversarju tat-twaqqif tagħha, biex jinġabru fondi ħalli d-Dar tas-Siġġiewi tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha u ssaħħaħa. Id-dettalji ingħataw mis-Sinjura Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar, u s-Sur Jesmond Saliba, membru tal-Bord tad-Dar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu (It-Tlieta, 1 ta’ Diċembru).
Din is-sena, l-Festa ta’ Ġenerożità se ssir b’mod differenti mis-soltu imma għandha mportanza wisq aktar minn qatt qabel. Biex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa u s-sigurtà ta’ kulħadd u biex jiġu obduti d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa din is-sena t-trasmissjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità ser issir fl-istudios ta’ We f’Ħal Qormi fejn hemm ikunu jistgħu jidħlu biss dawk li se jkunu qed iwieġbu t-telefonati u l-VIP’s mistiedna. Bħas-soltu, l-Festa ta’ Ġenerożità se tkun trasmessa fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televixin bejn nofsinhar u nofsilejl. Fid-9.30am, TVM2 jxandar il-quddiesa mill-kappella tad-Dar li se titmexxa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.
Mill-lat finanzjarju minn Marzu ta’ din is-sena kellhom jitwaqqfu l-attivitajiet kollha ta’ ġbir ta’ fondi li kienu ppjanati fosthom, pereżempju, l-maratona tal-volleyball u diversi kunċerti fost oħrajn. Ikun hemm ukoll nies li f’okkażjonjiet speċjali bħal anniversarji jew birthdays jorġanizzaw ikla jew riċeviment u jgħidu lill-mistednin li flok rigali jixtiequ donazzjonijiet għad-Dar tal-Providenza. Li ma setgħux isiru dawn l-attivitajiet fisser telf finanzjarju għad-Dar madankollu grazzi lil dawk kollha li minkejja s-sitwazzjoni xorta taw donazzjonijiet b’risq id-Dar.
Biex tkompli titjieb dejjem aktar il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u s-servizzi offruti anke biex ir-residenti jkunu nklużi u jipparteċipaw f’attivitajiet li jsiru fil-komunità, id-Dar tal-Providenza kull sena tinvesti f’riżorsi umani, xiri ta’ apparat ġdid, xogħol ta’ manutenzjoni u anke proġetti kapitali biex tkompli tiftaħ djar oħra fil-komunità. Minkejja l-limitazzjonjiet finanzjarji ta’ din is-sena, id-Dar xorta ma baqgħetx lura milli tagħmel ċertu xogħol u tieħu inizzjattivi oħra.
Id-Dar tal-Providenza kellha tidħol bla ħsieb għal spejjeż li ammontaw għal madwar €90,000 minħabba l-miżuri ta’ kontinġenza li kellhom jittieħdu biex jiġu ssalvagwardjati is-sigurtà u s-saħħa tar-residenti u l-ħaddiema. Minkejja r-restrizzjonjiet tal-pandemija din is-sena xorta saru sforzi biex il-ħajja tar-residenti tkun kemm jista’ jkun waħda pożittiva.
Fl-Ewwel ta’ Jannar, il-pubbliku li jixtieq jagħti d-donazzjoni tiegħu jista’ jċempel fuq in-numri li jkunu jidhru fuq l-iscreen tat-televixin. Dawk li jkunu jridu jagħtu pleġġ ikunu jistgħu iċemplu u jagħmlu pleġġ fuq numru apposta bl-ammont li jixtiequ. Wara jkunu jistgħu jibgħatu d-donazzjoni tagħhom online jew bil-posta.
Wieħed jista’ mill-llum stess sa l-ewwel tas-sena jibgħat id-donazzjoni tiegħu b’wieħed minn dawn il-mezzi. Fil-fatt, id-donazzjonijiet li se jidħlu mill-llum sal-ewwel tas-sena se jkunu nklużi fis-somma totali li titħabbar fi tmiem il-maratona.
€10 51602012
€15 51702013
€25 51802014
€50 51902085
SMS €7 50618922
BOV Mobile 79324834
Paypal u Kontijiet tad-Dar tal-Providenza mal-Banek ewlenin: APS Bank, BOV, HSBC, Lombark Bank, BNF Bank.
Wieħed jista’ wkoll jibgħat id-donazzjoni tiegħu permezz ta’ ċekk lid-Dar tal-Providenza, Triq Lapsi, is-Siġġiewi SGW2822.
Kif tafu, id-Dar tal-Providenza, toffri servizzi residenzjali lil 115-il persuna b’diżabilità f’ambjent li jirrisspetta d-drittijiet u d-dinjità tagħhom. Dawn il-persuni jgħixu fit-tliet residenzi fid-Dar tal-Providenza, f’’Żerniq fis-Siġġiewi, f’Akkwarell, il-Qawra, f’Dar Pirotta f’Birkirkara u f’Shalom iż-Żurrieq.
This post is also available in: English