Il-Kamra tal-Mużika

Ir-residenti tad-Dar tal-Providenza għandhom Music Room speċjalizzata fejn ikollhom sessjonijiet tal-mużika b’mod individwali kif ukoll fi gruppi, liema sessjonijiet huma ta’ benefiċċju kbir għalihom.
Il-Music Room, li ġiet inawgurata fl-24 ta’ Mejju 2018, setgħet issir bil-għajnuna finanzjarja tar-Rotary Club La Valette, ir-Rotary Club Malta u r-Rotary International District 2110 li sponsorjaw il-proġett kif ukoll tal-Alf. Mizzi Foundation li sponsorjat il-lift li jwassal għall-Music Room.

Shalom

‘Shalom’ – iż-Żurrieq fi Triq it-Tin. Giet inawgurata fit-8 ta’ April 2016, minn Dr Justyne Caruana, dak iż-żmien Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anżjanità Attiva. F’din id-dar jgħixu ħames persuni b’diżabilita’ intellettwali.

Dar Pirotta

Dar Pirotta – Birkirkara. Infetħet mill-Arċidjoċesi ta’ Malta fl-2007 u waqgħet taħt ir-responsabbiltà tad-Dar tal-Providenza fl-1 ta’ Jannar 2014. Tinsab fi Pjazza Santa Liena u fiha jgħixu disa’ persuni b’diżabilità intellettwali.

Qed jitqassam id-Djarju tad-Dar tal-Providenza għas-sena 2021

Il-Maltapost bdiet tqassam id-Djarju tad-Dar tal-Providenza għas-sena 2021 f’kull dar ta’ Malta u Għawdex. Permezz ta’ dan id-djarju, li bit-tagħrif li fih jibqa’ jintuża s-sena kollha, is-sostenituri jkollhom l-opportunità li juru s-solidarjetà tagħhom mad-Dar li toffri residenza lil mija u ħmistax-il resident b’diżabilità bl-aħjar ambjent li jgħin fl-iżvilupp tagħhom. Impenn mhux żgħir minħabba l-pandemija tal-COVID-19 li ħakmet lid-dinja u mhux l-inqas lil Malta.

Bħal fis-snin l-imgħoddija, id-djarju fih il-ħinijiet tal-quddies kollu tal-Ħdud u ta’ matul il-ġimgħa fil-knejjes u kappelli kollha ta’ Malta u Għawdex u kalendarju dettaljat. Fih ukoll il-lista tal-festi parrokkjali kollha fiż-żewġ gżejjer għas-sena ddieħla. Ir-ritratt bil-kulur tas-Salib tal-Għolja li hemm fuq il-faċċata ta’ quddiem huwa ta’ Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza.

Dawk li fit-triq tagħhom tqassam id-djarju imma lilhom ma waslilhomx huma ġentilment mitluba li jċemplu lir-Reception tad-Dar fuq 21462844 jew b’imejl fuq info@dartalprovidenza.org.

GasanMamo Insurance u MAPFRE MSV Life sponsorjaw l-istampar tad-djarju waqt li l-Maltapost reġgħet ġentilment aċċettat li tqassam id-djarji mingħajr ħlas fid-djar kollha.

“Id-Dar tal-Providenza monument tal-ħniena”

Waqt quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla f’għeluq il-55 Anniversarju tat-twaqqif tad-Dar tal-Providenza, Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna ddeskriva d-Dar bħala “monument tal-ħniena”. Huwa żied jgħid li meta Dun Mikiel, il-fundatur tagħha, laqa’ l-ewwel residenti fid-Dar tas-Siġġiewi laqagħhom b’ħarsa ta’ ħniena mhux għax imsieken imma għax ried li l-għożża li d-Dar dejjem ikollha lejn ir-residenti tagħha tkun mera tal-għożża li Alla għandu lejn il-bniedem.

Kien propju fit-12 ta’ Settembru 1965 meta Dun Mikiel, kien qasam mas-semmiegħa tiegħu fuq programm li kellu fuq ir-Rediffusion ix-xewqa tiegħu li jiftaħ l-ewwel dar residenzjali f’Malta għall-persuni b’diżabilità. Wara l-programm waħda mara marret issibu u tagħtu l-ewwel donazzjoni biex jibda jirrealizza b’mod konkret din il-ħolma kif fil-fatt għamel. Dun Mikiel dejjem żamm din id-data bħala Jum it-twaqqif tad-Dar tal-Providenza li mbagħad fetħet il-bibien tagħha fil-11 ta’ Frar 1968.
Dan l-anniversarju, ta’ ħamsa u ħamsin sena ta’ ħidma b’sens qawwi ta’ mħabba, dedikazzjoni u servizz lil persuni b’diżabilità li tul dawn is-snin kellhom bżonn servizz residenzjali, kien imfakkar il-Ħadd, 13 tax-xahar b’quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza li kienet iċċelebrata mill-Arċisqof Scicluna megħjun minn Fr Trevor Fairclough u Fr Lino Cardona SJ.

L-Arċisqof irringrazzja lill-President ta’ Malta, Dr George Vella u s-Sinjura Vella għall-preżenza u s-solidarjetà tagħhom kif ukoll għall-appoġġ li l-Istat jagħti għall-għaqdiet li jeħtieġuh. Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità, s-Sinjura Marija Deguara, Kelliem għall-Oppożizzjoni għall-Persuni b’Diżabilità u l-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, Dr John M. Cachia.

Imma dan il-55 Anniversarju żgur li se jibqa’ miftakar minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija li ħakmet lil Malta u lid-dinja. COVID-19 kien u għadu ta’ piż kbir fuq ir-riżorsi kemm umani kif ukoll finanzjarji tad-Dar. Biex jiġu salvagwardjati s-sikurezza u l-benesseri tar-residenti kif ukoll tal-ħaddiema, id-Dar osservat u ħaddmet il-protokolli kollha adottati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Residenti, qraba u ħaddiema kellhom jadattaw ruħhom għal arranġamenti ta’ sigurtà li ddaħħlu f’diversi miżuri sa minn Marzu li għadda. Fi tmiem il-quddiesa, l-Arċisqof appella biex f’dawn iż-żminijiet diffiċli tal-pandemija kull min jista’ għandu jgħin finanzjarjament lil ħafna organizzazzjonijiet li hawn, fosthom id-Dar tal-Providenza u l-Community Chest Fund.

L-għan tad-Dar tal-Providenza minn dejjem kien li toffri ambjent familjari għall-persuni b’diżabilità li għal xi raġuni jew oħra ma setgħux jibqgħu jgħixu mal-familja tagħhom. Tul is-snin, dan is-servizz li jħares ir-rispett, id-dinjità u d-drittijiet tagħhom ma setax ikun possibbli mingħajr l-appoġġ sħiħ li ma qata’ qatt tal-Maltin u l-Għawdxin kollha permezz ta’ għajnuna kemm volontarja kif ukoll finanzjarja.

Illum, ħamsa w ħamsin sena wara, id-Dar tal-Providenza tiġbor fiha tliet residenzi: Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni u Villa Papa Luciani kif ukoll erbat idjar żgħar oħra fil-komunitajiet tas-Siġġiewi, l-Qawra, Birkirkara u ż-Żurrieq waqt li dar oħra fil-Balluta qed tistenna li tiġi nawgurata fix-xhur li ġejjin. Bħalissa, fis-seba’ residenzi, jgħixu mija u ħmistax-il persuna, kollha b’diversi forom ta’ diżabilità, b’etajiet li jvarjaw bejn it-tmien snin u ‘l fuq minn tmenin sena. Id-Dar toffri wkoll servizzi ta’ respite fuq bażi regolari. L-ispejjeż tad-Dar ilaħħqu madwar il-ħames miljun ewro fis-sena.

Il-Kurja tipprepara 20,000 djarju b’risq id-Dar tal-Providenza

50 impjegat mil-Kurja tal-Arċisqof il-bieraħ ppreparaw madwar 20,000 djarju li se jitqassmu ma’ eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin bħala għan volontarju lid-Dar tal-Providenza.

Fi stqarrija, il-Kurja ddeskriviet li din l-attività serviet bħala parti mir-responsabbiltà soċjali tagħha.

Dr Rebecca Gatt, Maniġer tat-Taqsima Riżorsi Umani tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, qalet li l-pandemija COVID-19 ma waqqfitx lill-impjegati tal-Kurja milli jgħinu lill-persuni fil-bżonn. Spjegat li minbarra l-għajnuna fil-preparazzjoni tad-djarji, inġabret ukoll is-somma ta’ aktar minn €800 b’risq id-Dar tal-Providenza li toffri residenza lil 115-il resident.

L-attività ġiet organizzata bl-għajnuna ta’ APS Bank, Banif Bank, Farsons Direct, La Ciliega Caterers u MVintage.

L-Eden Leisure Group b’solidarjetà mad-Dar tal-Providenza

Kull xahar, impjegati tal-Eden Leisure Group jagħtu parti mis-salarju tagħhom lid-Dar tal-Providenza li, kif jaf kulħadd, għal dawn l-aħħar 55 sena (Id-Dar tfakkar il-55 Anniversarju tat-twaqqif tagħha fit-13 ta’ Settembru) kienet u tibqa’ tiddependi mid-donazzjonijiet tal-benefatturi tagħha u mill-poplu ta’ Malta w Għawdex biex tkun tista’ twettaq il-ħidma tagħha.

B’rabta mal-Jum Dinji għall-Karità, is-CEO tal-Eden Leisure Group, Simon De Cesare ippreżenta ċekk lil Dr George Grech, it-tabib tad-Dar u Ms Remona Cuschieri, Services Coordinator tad-Dar.

L-Eden Leisure Group jinkoraġġixxi l-impjegati tiegħu kif ukoll ta’ kumpaniji oħra biex jagħmlu parti minn din l-inizjattiva. Kif ngħidu bil-Malti kull qatra tgħin.
Kumpaniji interessati jistgħu jiksbu aktar informazzjoni dwar din l-iskema permezz ta’ imejl fuq info@dartalprovidenza.org jew billi jċemplu fuq 2146 2844.
Impjegati li jixtiequ jidħlu f’din l-iskema għandhom jikkunttajaw l-HR Manager tal- kumpanija tagħhom. Jekk il-kumpanija tagħhom mhix diġà parti minn din l-iskema huma għandhom jinkoraġġixxu lil min iħaddimhom biex jagħmel dan.

Il-Ministru Michael Falzon jappella għal għajnuna għad-Dar tal-Providenza

Waqt żjara li għamel, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Dr Michael Falzon appella biex kull min jista’ jgħin lid-Dar tal-Providenza jagħmel dan anke bil-ftit. Huwa kompla jgħid li fid-Dar tas-Siġġiewi hawn persuni li huma fost l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà Maltija u għandhom bżonn ħafna sostenn speċjalment f’dan iż-żmien tal-pandemija COVID-19 li qalbet id-dinja ta’ taħt fuq. “Nassigurakom”, qal il-Ministru, “li s-sodisfazzjon li tieħdu meta tagħtu huwa wisq akbar minn meta tirċievu.”
Dr Falzon faħħar u rringrazzja lil dawk li jagħtu l-ħin liberu tagħhom biex jgħinu lil persuni b’diżabilità u sab ħin biex jiltaqa’ ma’ rappreżentanza tal-ħaddiema.
F’isem il-Ministeru huwa għamel donazzjoni ta’ €1,000 għad-Dar. L-Amministratur tad-Dar tal-Providenza, Nadine Camilleri Cassano irringrazzjat lill-Ministru għad-donazzjoni u għas-solidarjetà li wera mad-Dar.

Craft & Coffee b’risq id-Dar tal-Providenza

Il-grupp Craft & Coffee for Charity użaw it-talent tagħhom biex jagħmlu donazzjoni lid-Dar tal-Providenza. Huma ppreżentaw lid-Dar tas-Siġġiewi għadd mhux ħażin ta’ oġġetti mill-isbaħ maħdumin kollha bl-idejn li issa jistgħu jinbiegħu fil-bazaar tad-Dar.
Grazzi għall-grupp Craft & Coffee for Charity tistgħu taraw b’għajnejkom dawn l-oġġetti kkuluriti li jolqtu l-għajn billi żżuru l-bazaar li hu miftuħ kull nhar ta’ Tlieta bejn it-8:00am u nofsinhar.

It-Tim Maniġerjali

It-Tim Maniġerjali jieħu ħsieb it-tmexxija ta’ kuljum tad-Dar. Il-membri li jservu f’dan it-tim huma:

• Dun Martin Micallef, Direttur
• Ms Nadine Camilleri Cassano, Amministratur
• Ms Remona Cuschieri, Ko-ordinatriċi tas-Servizzi
• Dun Trevor Fairclough, Direttur Spiritwali
• Mr Gordon Scicluna, Fiżjoterapista